Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Tribunalul Cluj (ir-Rumanija) fit-3 ta’ Ġunju 2019 – SC C.F. SRL vs A.J.F.P.M., D.G.R.F.P.C

(Kawża C-430/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SC C.F. SRL

Konvenuti: A.J.F.P.M., D.G.R.F.P.C

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif iddefinit mil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sal-lum (sentenzi Solvay, Sopropé u Ispas), att amministrattiv fiskali adottat kontra individwu jista’ u għandu jintlaqat minn nullità espressa meta dan tal-aħħar ma jkollux il-possibbiltà li jaċċedi għall-informazzjoni li abbażi tagħha kien adottat kontrih l-imsemmi att, minkejja l-fatt li dan l-att jagħmel riferiment għal ċerti elementi tal-fajl amministrattiv?

Il-prinċipji ta’ newtralità, ta’ proporzjonalità u ta’ ekwivalenza jipprekludu l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għall-finijiet tal-VAT u tat-taxxa fuq il-kumpanniji minn kumpannija li l-aġir tagħha huwa korrett mill-perspettiva fiskali, billi l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għall-finijet tat-taxxa fuq il-kumpanniji ġie rrifjutat minħabba l-aġir fiskali allegatament mhux xieraq tal-fornituri abbażi ta’ elementi bħan-nuqqas ta’ riżorsi umani jew ta’ mezzi ta’ trasport, meta l-awtorità fiskali ma tipprovax l-eżistenza ta’ xi pass li minnu kien jirriżulta l-istabbiliment ta’ responsabbiltà fiskali jew kriminali tal-imsemmija fornituri?

Prassi nazzjonali li tikkonsisti fl-issuġġettar tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għall-finijiet tal-VAT u tat-taxxa fuq il-kumpanniji għad-detenzjoni ta’ dokumenti ġustifikattivi apparti l-fattura fiskali, bħal stimi ta’ spejjeż jew rapporti dwar il-progress ta’ xogħlijiet, li ma humiex iddefiniti b’mod ċar u preċiż fil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?

Fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżuta mis-sentenza WebMindLicenses, jista’ jitqies li teżisti evażjoni tat-taxxa . meta persuna taxxabbli takkwista oġġetti u servizzi mingħand persuna taxxabbli li tibbenefika minn sistema fiskali differenti minn tagħha?

____________