Language of document : ECLI:EU:C:2018:945

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑22 ta’ Novembru 2018 (1)

Kawża C-501/17

Germanwings GmbH

v

Wolfgang Pauels

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ tħassir jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Dritt għal kumpens – Eżenzjoni – Kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” – Dannu kkawżat minn oġġett estern – Ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul)






1.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha litteralment tanalizza “l-iskorfini u l-boltijiet” tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fil-kuntest ta’ kumpens għal passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjira. Dan għaliex, f’dan il-każ, ġiet ikkawżata ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul (iktar ’il quddiem “il-każ inkwistjoni”).

2.        Ir-rinviju jitlob interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, (2) u ġie ppreżentat mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ kawża bejn Wolfgang Pauels u Germanwings GmbH, trasportatur bl-ajru, fir-rigward tar-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil dan il-passiġġier partikolari, li ġarrab dewmien sinjifikattiv tat-titjira tiegħu.

3.        L-interessi ekonomiċi sottostanti huma konsiderevoli. Skont l-istatistika li l-UK Civil Aviation Authority (l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit) ipprovdiet lill-Kummissjoni Ewropea, id-difiża taċ-ċirkustanzi straordinarji tikkostitwixxi “madwar 30 % tal-ilmenti kollha” u tnaqqas “iktar minn 70 % tar-riżorsi tal-awtoritajiet nazzjonali”. (3) L-importanza tal-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji għalhekk ma tistax tiġi enfasizzata biżżejjed. (4)

I.      Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-premessi 1, 4, 14 u 15 tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira jipprovdu kif ġej:

“(1) Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(4) Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(14) Bħal taħt il-Kovenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-arju li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikularment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilita politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15) Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-arju fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-arju partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-arju, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-arju in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

5.        Taħt it-titolu “Kanċellazzjoni”, l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(c) jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-arju li jopera skond l-Artikolu 7, kemm –il darba [sakemm]:

(i) huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii) huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii) huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3. Trasportatur ta’ l-arju li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

6.        Taħt it-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira jipprovdi:

“1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a) EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

7.        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal rimedju”, jinqara kif ġej:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-arju li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-arju li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-arju li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8.        W. Pauels ipprenota titjira ma’ Germanwings fit‑28 ta’ Awwissu 2015 minn Dublin sa Düsseldorf. Skont l-iskeda tat-titjiriet kien intiż li jasal f’Düsseldorf fis-14.30 ħin lokali.

9.        Fil-fatt, it-titjira waslet f’Düsseldorf fil-17.48 ħin lokali, jiġifieri iktar minn tliet sigħat tard.

10.      Germanwings targumenta kontra t-talba għal kumpens ta’ W. Pauels billi tiddikjara li matul il-preparamenti għat-tlugħ tat-titjira inkwistjoni, instab vit f’tajer tal-ajruplan li kien ser jintuża għat-titjira. Il-vit kien daħal fit-tajer jew fuq il-pista tat-tlugħ f’Düsseldorf, jew fuq il-pista ta’ nżul li ġiet użata mit-titjira preċedenti f’Dublin. Għaldaqstant, it-tajer kellu jinbidel, u dan wassal għad-dewmien.

11.      Germanwings hija tal-fehma li l-avveniment dannuż jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira, u għalhekk hija eżenta mir-responsabbiltà. Għaldaqstant, ma hijiex obbligata tħallas kumpens.

12.      L-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja) ordnat lil Germanwings, skont it-termini tar-rikors, tħallas lis-Sur Pauels EUR 250, flimkien mal-imgħax fuq dak l-ammont mis‑16 ta’ Settembru 2015 sad-data tal-ħlas, bir-rata ta’ 5 % ogħla mir-rata bażi.

13.      Il-qorti msemmija hawn fuq aċċettat bħala veru s-sottomissjoni ta’ Germanwings, ikkontestata minn W. Pauels, dwar il-kawża tad-dewmien sinifikanti fil-wasla f’Düsseldorf, u essenzjalment iddikjarat f’dak ir-rigward li Germanwings ma kinitx eżenta, bis-saħħa ta’ dak il-fatt, mill-obbligu tagħha li tħallas kumpens għaliex ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul hija ċirkustanza li tista’ tinqala’ waqt operazzjonijiet ta’ titjir normali u hija kontrollabbli. Dan huwa konformi wkoll mal-fehma tal-leġiżlatur Ġermaniż, kif jidher mir-regoli statutorji dwar is-superviżjoni tal-mitjar. Il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru tkopri mhux biss l-operazzjonijiet tat-titjira tal-impriża rilevanti fis-sens strett, bħal waqt it-tlugħ, it-titjira u l-inżul, iżda tkopri wkoll is-servizzi kollha tal-ajruport ipprovduti minn partijiet terzi u wżati mil-linja tal-ajru, li mingħajrhom l-operazzjonijiet ta’ titjir normali ma jkunx possibbli. Skont l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), dan ġie ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C-394/14, EU:C:2014:2377).

14.      Germanwings ippreżentat appell mis-sentenza tal-qorti distrettwali. Hija ssostni li l-qorti inferjuri ssopravalutat dak li hu fi ħdan il-kontroll ta’ Germanwings, u injorat il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li s-servizzi kollha pprovduti minn parti terza u wżati mit-trasportatur bl-ajru jagħmlu parti mill-operazzjonijiet tat-titjir tiegħu.

15.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ordni ta’ hawn fuq f’Siewert ikkonċernat ħsara f’ajruplan li saritlu minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord li jinġab ħdejn l-ajruplan sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jimbarkaw, jiġifieri, l-impjieg ta’ fornitur ta’ servizz b’rabta ma’ titjira speċifika operata mit-trasportatur bl-ajru. Li l-passiġġieri jkunu jistgħu jimbarkaw fuq it-titjira li jkunu pprenotaw hija waħda mill-kompiti tat-trasportatur bl-ajru. Għaldaqstant, il-fatti tal-każ preżenti huma min-natura tagħhom mhux komparabbli. F’din il-kawża, l-ajruplan saritlu ħsara aċċidentalment minħabba l-użu tal-pista tat-tlugħ u tal-inżul li tintuża b’mod simili mit-trasportaturi bl-ajru kollha. Għaldaqstant, dan l-użu għandu jiġi attribwit lit-traffiku tal-ajru ġenerali u ma jistax jitqies bħala wieħed mill-kompiti speċifiċi tat-trasportatur bl-ajru. Hi targumenta li lanqas it-tindif tal-pisti tat-tlugħ u tal-inżul ma jiffurmaw parti mid-dmirijiet tat-trasportatur bl-ajru, u għalhekk ma hijiex kwistjoni fi ħdan il-kontroll tal-Germanwings. It-tindif tal-pisti ma huwiex speċifiku għal kwalunkwe titjira individwali operata minn trasportatur bl-ajru, jew li jkun sigur l-imbark jew l-iżbark ta’ passiġġieri minn u lejn titjira li tkun ġiet ipprenotata, iżda pjuttost jirrigwarda s-sigurtà tal-ajruport u b’hekk is-sigurtà tat-traffiku tal-ajru b’mod ġenerali.

16.      Germanwings issostni wkoll li hija ma tistax tikkondividi l-opinjoni tal-qorti tal-ewwel istanza għaliex, skont din il-fehma, ikun impossibbli li ċirkustanza li tipprevjeni l-operazzjoni ta’ titjira pjanata tikkostitwixxi ċirkustanza “li ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru”. B’hekk, ir-rekwiżit fundamentali biex tinstab ċirkustanza straordinarja, fil-każ ta’ difett tekniku, jiġifieri li jkun avveniment li “ma jkunx inerenti għall-eżercizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat” isir superfluwu.

17.      Dan espost, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) tqis li d-determinazzjoni tal-appell tiddependi fuq jekk il-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul tikkostitwixxix ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira. Għaldaqstant hija ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul (dannu kkawżat minn oġġett estern) tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira]?”

III. Il-Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn W. Pauels, mill-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta, li saret fis‑17 ta’ Settembru 2018, Germanwings u l-partijiet kollha msemmija hawn fuq (ħlief għall-Gvern Pollakk) għamlu sottomissjonijiet orali.

IV.    Analiżi

A.      Sunt qasir tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

19.      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari potenzjalment iqajjem dubji f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-kontenut tar-rinviju, il-Kummissjoni ssostni li r-rinviju jirreferi għall-allegazzjonijiet tal-partijiet li jkunu ġew preżunta bħala korretti mill-qorti tar-rinviju, iktar milli fatti stabbiliti. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk miżuri ta’ inkjesta sussegwenti jikkontestaw il-fatti preżunti bħala korretti mill-qorti tar-rinviju, allura l-pertinenza tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’ tisparixxi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rinviju huwa ammissibbli.

20.      Fir-rigward tas-sustanza, W. Pauels isostni li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul ma tikkostitwixxix ċirkustanza straordinarja. Huwa jsostni li tali avveniment huwa inerenti għall-attività ta’ trasportatur bl-ajru. Il-preżenza ta’ oġġetti esterni fuq il-pista hija sitwazzjoni li tista’ tiġri ta’ kuljum, it-trasportatuti bl-ajru huma konxji sewwa minn din il-problema u t-tindif tal-pista huwa fost il-kompiti abitwali ta’ operaturi ta’ ajruporti. Huwa jżid jgħid li t-tajers tal-ajruplani, li huma soġġetti għal pressjoni estrema, huma spezzjonati regolarment fil-kuntest ta’ kontrolli ta’ qabel it-titjira u għandhom jiġu sostitwiti regolarment. Għalhekk, avveniment bħal dak inkwistjoni hawnhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala mhux inerenti għall-attività tat-trasportatur bl-ajru; mhux inqas minħabba li l-kunċett “ċirkustanza straordinarja” għandu jiġi interpretat b’mod strett.

21.      Jekk avveniment bħal dan ikun madankollu meqjus li ma jkunx inerenti għall-attività tat-trasportatur bl-ajru, għandu jitqies bħala effettivament kontrollabbli, permezz tan-natura tiegħu jew l-oriġini tiegħu, minħabba li l-pisti huma soġġetti għal spezzjoni regolari mill-operaturi tal-ajruporti.

22.      Il-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”.

23.      Skont il-Gvern Ġermaniż, ir-riskju relatat mal-preżenza ta’ oġġetti esterni fuq il-pisti huwa inevitabbli għat-trasportatur bl-ajru u ma huwiex kontrollabbli minnu. Il-kawża tal-preżenza ta’ oġġetti esterni hija esterna mit-trasportatur bl-ajru, mingħajr ebda rabta mat-twettiq tat-titjira inkwistjoni – kuntrarjament għal difetti prematuri ta’ ċerti partijiet ta’ ajruplan li jinqalgħu minkejja servizz regolari inkwistjoni f’Wallentin-Hermann (5) u van der Lans. (6) Il-fatt li t-trasportaturi bl-ajru jistgħu jkunu esposti b’mod iktar regolari għal sitwazzjoni fejn tajer jiġrilu ħsara minħabba oġġett estern fuq il-pista ma jeskludix il-kwalifika tiegħu bħala ċirkustanza straordinarja, minħabba l-fatt li l-frekwenza ta’ avvenimenti ma ġietx meqjusa bħala kriterju ta’ distinzjoni. (7) Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż jinsisti dwar l-assenza ta’ imġieba ħażina min-naħa tal-operatur tal-ajruport li tista’ tiġi attribwita lit-trasportatur bl-ajru inkwistjoni. F’dan il-każ, dak l-operatur ma naqasx milli josserva l-obbligi tiegħu rigward il-manutenzjoni u l-operat. Kieku wieħed jimponi kontrolli iktar stretti minn dawk diġà fis-seħħ, kieku dan jikkawża ħsara serja lit-traffiku tal-ajru.

24.      Il-Gvern Pollakk isostni li ħsara bħal dik inkwistjoni, ikkawżata minn terza persuna li naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha, ma hijiex fost l-attivitajiet normali ta’ trasportatur bl-ajru. Minħabba l-fatt li ma jistax jipprevedi li l-operatur tal-ajruport se jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu, it-trasportatur bl-ajru ma għandux għalfejn iqis ir-riskju li l-ajruplan tiegħu jista’ jiġrilu ħsara f’dan il-mod. F’dan il-kuntest, it-trasportatur bl-ajru jista’ biss jinżamm responsabbli għal tiswijiet rapidi tal-ħsara fl-ajruplan.

25.      Skont il-Kummissjoni, il-każ inkwistjoni ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u ma huwiex kontrollabbli minnu. F’dan ir-rigward, huwa ma huwiex marbut b’mod intrinsiku mal-funzjonament tas-sistema tal-ajruplan – kuntrarjament għat-taraġ mobbli għat-tlugħ abbord. F’dan is-sens, huwa komparabbli ma’ kolliżjoni ma’ għasafar li lanqas huwa kkontrollat mit-trasportatur bl-ajru. Dan in-nuqqas ta’ kontroll tat-trasportatur bl-ajru huwa kkonfermat mill-fatt li s-sigurtà u l-ispezzjoni tal-pisti taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi tal-ajruporti. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-inċident seħħ waqt l-inżul jew it-tlugħ tat-titjira preċedenti ma tipprekludix il-kwalifika tiegħu bħala “ċirkustanza straordinarja”. (8)

B.      Evalwazzjoni

1.      Il-kummenti preliminari

26.      Fil-fehma tiegħi, l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex kwistjoni viva f’dan il-każ għaliex hija biss il-Kummissjoni li qajmitha (9) – b’rimarki li huma effettivament teoretiċi – u l-Kummissjoni tikkonkludi hija stess li r-rinviju ma huwiex, fi kwalunkwe każ, inammissibbli. L-ewwel nett, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. (10) It-tieni nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lill-qorti tar-rinviju, wara li tingħata din is-sentenza preliminari, milli terġa’ tisma’ lill-partijiet u/jew twettaq iktar inkjesti, li jistgħu jwassluha tbiddel is-sejbiet ta’ fatt jew ta’ dritt magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari, sakemm il-qorti tar-rinviju tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja. (11)

27.      Sa fejn jirrigwarda s-sustanza, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm ċirkustanza straordinarja f’dan il-każ. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju diġà ddeċidiet f’diversi kawżi qabel it-tilwima legali attwali li ħsara f’tajer jew ħsara teknika oħra tal-ajruplani kkawżata minn oġġetti żgħar li jinsabu fuq il-pista, bħal imsiemer jew oġġetti simili, jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja li teżenta t-trasportatur bl-ajru mill-obbligu li jħallas kumpens lill-passiġġieri tiegħu.

28.      Jien wasalt għall-konklużjoni li dan l-approċċ huwa korrett. (12) Fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem ser nindirizza, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji b’rabta ma’ problemi tekniċi. Sussegwentement, ser napplika t-test tal-Qorti tal-Ġustizzja li fih żewġ partijiet: (i) il-problema għandha tkun attribwibbli għal avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat; u (ii), minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu, huwa lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru. Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-kondizzjoni addizzjonali ta’ miżuri raġonevoli u l-evitar/prevenzjoni taċ-ċirkustanza/i straordinarja/i. Ser nikkonkludi li ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira.

29.      Inżid ngħid li huwa partikolarment neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara din il-kwistjoni għaliex fil-Ġermanja (kif ukoll fi Stati Membri oħra (13)) il-ġurisprudenza nazzjonali ma tittrattax b’mod uniformi l-kwistjoni dwar jekk avveniment bħal dak inkwistjoni hawnhekk għandux jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

30.      Pereżempju, fil-Ġermanja, diversi diviżjonijiet tal-prim’istanza u tabilħaqq fid-deċiżjoni ta’ awla oħra tal-qorti tar-rinviju (14) (li huma konsegwenza tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-taraġ mobbli għat-tlugħ abbord f’Siewert (15)) ħadu l-pożizzjoni opposta u ddeċidew li ma hemm l-ebda “ċirkustanza straordinarja” f’każ bħal dan.

31.      Għalhekk, il-kjarifika ta’ din il-kwistjoni għandha sinifikat prattiku ċar u ser tgħin ukoll sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali kemm għall-passiġġieri kif ukoll għat-trasportaturi bl-ajru.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha diversi opportunitajiet sabiex tinterpreta l-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira. Deskrizzjoni qasira ta’ dawn il-każijiet hija kif ġej.

33.      F’Pešková u Peška, (16) li hija partikolarment rilevanti f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur, kif ukoll il-ħsara kkawżata minnha, ma humiex marbuta intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan u ma humiex, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu – b’hekk tali kolliżjoni tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja.

34.      F’McDonagh, (17) il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet ukoll f’dan il-kunċett l-għeluq tal-ispazju tal-ajru minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull.

35.      Min-naħa l-oħra, f’van der Lans, (18) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li problema teknika li ma kinitx mistennija, li ma hijiex dovuta għal manutenzjoni difettuża u li addizzjonalment ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3).

36.      F’Wallentin-Hermann (19) u Sturgeon et, (20) il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li problema teknika li misset ajruplan ma taqax taħt dan il-kunċett, sakemm ma tkunx dovuta għal avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu.

37.      F’Siewert, (21) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sitwazzjoni fejn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord ta’ ajruport jaħbat mal-ajruplan, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “ċirkustanza straordinarja”. Ser nerġa’ lura għal dan il-każ iktar tard.

2.      Il-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji fir-rigward ta’ problemi tekniċi

38.      L-ewwel nett, huwa importanti li wieħed jinnota li dan il-kunċett la huwa definit u lanqas stabbilit b’mod ċar fir-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira.

39.      Bi tweġiba għal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat prinċipju ta’ regola-eċċezzjoni: bħala regola difetti tekniċi jaqgħu taħt riskju operazzjonali tat-trasportatur bl-ajru minħabba li huma parti mill-eżerċizzju normali tal-attività tiegħu u huwa biss b’mod eċċezzjonali li jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja (fil-prinċipju, meta dawn ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u meta ma jkunux fil-kontroll tiegħu).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret fis-sentenza Pešková u Peška (22) li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru sabiex jagħtu kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – jiġifieri, b’dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar – fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira. B’deroga mill-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, il-premessi 14 u 15 u l-Artikolu 5(3) jgħidu li trasportatur bl-ajru għandu jiġi eżonerat mill-obbligu tiegħu li jħallas il-kumpens lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tad-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira jekk it-trasportatur bl-ajru jista’ juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien huma kkawżati minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin. L-Artikolu 5(3) għandu għalhekk jiġi interpretat strettament. (23)

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “ma jistax jiġi eskluż li problemi tekniċi jaqgħu taħt dawn iċ-‘ċirkustanzi straordinarji’, sa fejn jirriżultaw minn ċirkustanzi li mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar. Dan ikun il-każ, pereżempju, fis-sitwazzjoni fejn jiġi rrivelat mill-kostruttur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew minn awtorità kompetenti, li dawn l-apparati, meta jkunu diġà qed jintużaw, ikollhom difett moħbi ta’ fabbrikazzjoni li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet. L-istess jgħodd għall-preżenza ta’ ħsarat ikkawżati lill-ajruplani minn atti ta’ sabutaġġ jew ta’ terroriżmu.” (24)

42.      Il-każ (u l-ħsara) inkwistjoni hawnhekk jappartjenu għall-kategorija ta’ problemi tekniċi u, għalhekk, għal “nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira” kif imsemmi fil-premessa 14 tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira.

43.      Bħala tali, huwa ċar li l-każ ma jittrattax difett moħbi ta’ fabbrikazzjoni li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet, li huwa wieħed mill-eżempji ta’ problema teknika li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jista’ jammonta għal “ċirkustanza straordinarja” (kawżi Wallentin-Hermann u van der Lans (25)).

44.      Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti l-eżempu ta’ difett tal-manifattura moħbi, sempliċement fittxet li tiċċara li difetti tekniċi li jirriżultaw minn avvenimenti li huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat għandhom jitqiesu bħala ċirkustanzi straordinarji.

45.      Tabilħaqq, kif ġie rrilevat mill-Gvern Ġermaniż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza McDonagh, (26) li “[s]kont il-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kliem ‘ċirkustanzi straordinarji’ jipprevedu litteralment ċirkustanzi ‘li jmorru lil hinn mill-ordinarju’. Fil-kuntest tat-trasport bl-ajru, dawn jirreferu għal avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat u ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu […]. Fi kliem ieħor, […] huma kkonċernati ċ-ċirkustanzi kollha li ma jaqgħux taħt il-kontroll tat-trasportatur tal-ajru, tkun xi tkun in-natura ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u l-gravità tagħhom”.

46.      Barra minn hekk, dan huwa appoġġjat ukoll mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira. Matul ix-xogħol preparatorju, it-terminu “force majeure” ġie mibdul għal “ċirkustanzi straordinarji”. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni, din il-bidla saret fl-interess taċ-ċarezza legali. (27)

47.      Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tillimita t-termini “ċirkustanzi straordinarji” sabiex jinkludu difetti tekniċi biss fejn l-oriġini tagħhom tkun simili għal difett tal-manifattura moħbi.

48.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum, stabbilixxiet test b’żewġ partijiet dwar problemi tekniċi bħala ċirkustanzi straordinarji skont l‑Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira: (i) il-problema trid tkun attribwita għal avveniment – bħal dawk l-avvenimenti msemmija fil-premessa 14 ta’ dak ir-regolament – li mhux inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (l-ewwel parti); u (ii), minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu, huwa lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru (it-tieni parti). Għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ partijiet (kundizzjonijiet) għandhom jiġu evalwati każ b’każ u huma kumulattivi. (28) Jien ser nittrattahom wara xulxin hawn taħt.

a)      Inerenza

49.      Fir-rigward tal-ewwel parti msemmija fil-punt ta’ hawn fuq (inerenza), wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ restrittiv għad-disponibbiltà tad-difiża f’każ ta’ problemi tekniċi f’ġurisprudenza tagħha stabbilita f’Wallentin-Hermann. (29)

50.      Il-partijiet kollha (ħlief għal W. Pauels) jissottomettu li l-każ inkwistjoni (jiġifieri l-ħsara f’tajer tal-ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul) ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet f’Pešková u Peška (30) li “ma tikkostitwixxix ċirkustanza straordinarja l-ħsara qabel il-waqt ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, peress li tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan. Fil-fatt, dan l-avveniment mhux mistenni, ma jaħrabx mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru, peress li huwa għandu jiżgura ż-żamma u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplani li huwa juża għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu”.

52.      Madankollu, hija ddeċidiet fil-punt li jmiss (24) ta’ dik is-sentenza li “kolliżjoni bejn ajruplan u għasfur, kif ukoll il-ħsara possibbli kkawżata minn din il-kolliżjoni, jekk ma humiex marbuta intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan, ma humiex, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu. Għaldaqstant, din il-kolliżjoni għandha tiġi kklassifikata bħala ‘ċirkustanza straordinarja’ fis-sens tal-Artikolu 5(3) [tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira]”.

53.      Fil-fehma tiegħi, il-fatti li fuqhom hija bbażata dik is-sentenza u dawk inkwistjoni hawnhekk huma komparabbli. Fil-fatt, filwaqt li l-każ inkwistjoni huwa komparabbli ma’ kolliżjoni ma’ għasfur (Pešková u Peška (31)), nenfasizza li dan mhux komparabbli ma’ kolliżjoni bejn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord u ajruplan (Siewert (32)).

54.      Dak li kien deċiżiv għall-Qorti tal-Ġustizzja f’Siewert kien li t-taraġ kien indispensabbli għat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, u hemm tinsab id-differenza deċiżiva bejn dik il-kawża u l-ħsara f’tajer ikkawżat minn oġġett estern fuq il-pista inkwistjoni hawnhekk.

55.      Kuntrarjament minn taraġ mobbli għat-tlugħ abbord li t-trasportaturi bl-ajru jużaw bi skop sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jimbarkaw u jiżbarkaw, vit kien jinsab fuq il-pista mingħajr l-għarfien tat-trasportatur bl-ajru u indipendentement jew kontra r-rieda tiegħu.

56.      Kif osservat il-Kummissjoni, dawn l-oġġetti jistgħu jwasslu għal ħsara, iżda dan jaqa’ barra mill-ambitu tal-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

57.      Huwa minnu li l-użu ta’ pista mingħajr dubju jifforma parti mill-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat hekk kif W. Pauels ripetutament saħaq f’diversi okkażjonijiet. Madankollu, dan fih innifsu ma huwiex deċiżiv. Fil-fatt, l-użu tal-ispazju tal-ajru wkoll mingħajr dubju jagħmel parti mill-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kolliżjoni ma’ għasfur tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja: dan ma huwiex marbut intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan.

58.      Minn dan isegwi li viti li jinsabu fuq il-pisti wkoll ma humiex intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-ajruplan. Għall-kuntrarju, viti u oġġetti esterni fuq il-pista għandhom jiġu evitati sa fejn possibbli, peress li dawn huma ta’ riskju konsiderevoli għas-sigurtà u ajruplan ma għandux jiġi f’kuntatt ma’ oġġetti bħal dawn.

59.      Imbagħad, W. Pauels argumenta essenzjalment li l-każ inkwistjoni huwa problema komuni u frekwenti u fuq din il-bażi ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja.

60.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li sitwazzjoni fejn isir ħsara f’tajer ta’ ajruplan waqt it-tlugħ jew l-inżul minħabba vit jew oġġett estern komparabbli li jkun waqa’ fuq il-pista ma tidhirx li hija okkorrenza mhux frekwenti. Dan ma jfissirx, fil-fehma tiegħi, li l-frekwenza tal-avveniment għandha tikkostitwixxi kriterju ta’ limitazzjoni jew distinzjoni.

61.      Argument simili tressaq mill-Avukat Ġenerali Bot f’Pešková u Peška. (33) Huwa argumenta li tali avvenimenti (kolliżjoni ma’ għasafar) ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja, għaliex kolliżjonijiet bejn għasafar u ajruplani kienu okkorrenza komuni u fenomenu magħruf minn diversi atturi ekonomiċi li joperaw fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx dan ir-raġunament u waslet għall-konklużjoni li minkejja dawk l-argumenti, kolliżjoni ma’ għasfur kien jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali.

62.      Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li l-każ inkwistjoni ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

b)      Kontroll

63.      Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-test (kontroll), nikkunsidra li, f’dan il-każ, it-trasportatur bl-ajru li l-ajruplan tiegħu ġarrab ħsara f’tajer minħabba oġġett estern li kien jinsab fuq il-pista huwa ffaċċjat b’avveniment li huwa barra mill-kontroll effettiv tiegħu.

64.      Dan għaliex il-manutenzjoni u t-tindif tal-pisti ma hijiex responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru, iżda hija dik tal-operatur tal-ajruport.

65.      Kif il-qorti tar-rinviju ġustament iddeċidiet fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Jannar 2016, (34) fil-premessa 14, dwar l‑Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira, il-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċement ta eżempji ta’ ċirkustanzi straordinarji iżda l-eżempji elenkati juru li dawn huma fatturi li jmorru lil hinn mir-responsabbiltà organizzattiva u teknika tat-trasportatur, li ma jistgħux jiġu influwenzati minnu, u li għaldaqstant, ma jistgħux jiġu evitati. Huma wkoll ma jaqgħux taħt dak li nsejħulu riskju operattiv li għalih l-ajruplan huwa espost. Peress li s-sigurtà u s-superviżjoni tal-pista huma l-obbligu tal-operatur tal-ajruport, u l-pisti huma regolarment ivverifikati minnu għal oġġetti esterni, it-trasportaturi bl-ajru stess ma għandhom l-ebda influwenza fuq it-twettiq, u n-numru, ta’ kontrolli, u lanqas ma jistgħu jwettquhom huma stess (u lanqas, jekk niġu f’dan, ma għandhom il-mezzi biex jagħmlu dan).

66.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssostni li oġġetti esterni fuq pisti huma riskju lil hinn mill-kontroll tat-trasportaturi bl-ajru, u b’differenza minn ħsara qabel il-waqt tal-komponenti speċifiċi tal-ajruplani, minkejja manutenzjoni regolari, dawn jikkostitwixxu avveniment estranju. (35)

67.      Hu x’inhu l-każ, naqbel mal-qorti tar-rinviju li oġġetti esterni fuq pisti li jikkawżaw ħsara lill-ajruplan għandhom jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira.

68.      Kif osserva l-Gvern Pollakk, is-sorveljanza tal-kundizzjoni tal-pista taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tal-ajruport u mhux tat-trasportatur bl-ajru. Għalhekk, ħsara lil parti mill-ajruplan ikkawżata minn oġġett estern tista’ l-iktar l-iktar tkun riżultat tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi min-naħa tal-operatur tal-ajruport.

69.      Fil-fatt, din ir-responsabbiltà tal-operatur tal-ajruport issegwi notevolment mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (36) kif ukoll mil-liġi nazzjonali applikabbli.

70.      L-Anness IV ta’ dak ir-regolament, “Sottoparti C – Manutenzjoni tal-Ajrudrom (ADR.OPS.C)”, jipprovdi taħt “ADR.OPS.C.010 Bankini, uċuħ tal-art oħrajn u drenaġġ” li “(a) L-operatur tal-ajrudrom għandu jispezzjona l-uċuħ taż-żoni ta’ moviment kollha inklużi l-bankini (ir-runways, it-taxiways u r-rampi), iż-żoni li jmissu magħhom u d-drenaġġ biex regolarment jevalwa l-kundizzjoni tagħhom bħala parti minn programm ta’ manutenzjoni preventiva jew korrettiva tal-ajrudrom” u “(b) L-operatur tal-ajrudrom għandu: (1) jagħmel manutenzjoni fuq l-uċuħ fl-erji ta’ moviment kollha bil-għan li jevita u jelimina kull oġġett li jkun hemm jiġri jew kwalunkwe residwu li jista’ jikkawża ħsarat lill-inġenji tal-ajru jew ixekkel l-operat tas-sistemi tal-inġenju tal-ajru; (2) jagħmel manutenzjoni fuq il-wiċċ tar-runways, tat-taxiways u r-rampi ta’ protezzjoni biex jipprevjeni l-formazzjoni ta’ irregolaritajiet li jwasslu għal xi ħsara”.

71.      Inqis (bħalma tagħmel il-qorti tar-rinviju) li, la bħala oġġetti esterni fuq il-pista, viti, imsiemer jew oġġetti żgħar oħra, ma jservux il-finijiet ta’ operazzjoni tat-titjira, dawn jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà. Il-fatt li dawn jaqgħu fuq il-pista huwa avveniment li jseħħ b’mod aleatorju li t-trasportatur bl-ajru huwa sempliċement inkapaċi li jipprevedi u, fi ħdan l-isfera operattiva tal-impriża, huwa lil hinn mill-kontroll tiegħu. Bħal fil-każ ta’ miżuri li jbeżżgħu l-għasafar ’il bogħod li huma maħsuba sabiex tiġi evitata kolliżjoni ma’ għasfur, miżuri biex il-pista tinżamm mingħajr oġġetti esterna fuqha ma jikkonċernawx titjira speċifika ta’ trasportatur bl-ajru jew l-imbark jew l-iżbark sigur tal-passiġġieri lejn u minn titjira ipprenotata, iżda, pjuttost, jikkonċernaw is-sigurtà tal-ajruporti u tat-traffiku tal-ajru b’mod ġenerali. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, għalhekk, dawn ma jaqgħux fl-isfera ta’ responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru individwali iżda huma f’każ speċifiku r-responsabbiltà tal-operatur tal-ajruport, li għandu jivvaluta l-adegwatezza tal-miżuri li għandhom jittieħdu u jagħżel il-mezzi adattati u effettivi biex jirrimedja s-sitwazzjoni. (37)

72.      W. Pauels jargumenta li t-tajers tal-ajruplan huma soġġetti għal pressjoni estrema, huma spezzjonati regolarment fil-kuntest ta’ kontrolli ta’ qabel it-titjira u għandhom jiġu sostitwiti regolarment mit-trasportatur tal-ajru, (38) u li dan għandu jeskludi l-każ inkwistjoni milli jiġi kkwalifikat bħala ċirkustanza straordinarja.

73.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-argument ta’ hawn fuq ma jfissirx li l-każ inkwistjoni għandu jitqies li huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u/jew taħt il-kontroll tiegħu.

74.      B’mod simili għal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Pešková u Peška (39) fir-rigward ta’ kolliżjoni ma’ għasfur, il-preżenza ta’ vit fuq il-pista li kkawżat ħsara lill-ajruplan hija estranja għall-attività tat-trasportatur bl-ajru, għaliex dan ma għandu x’jaqsam xejn mal-pressjoni estrema u r-rekwiżiti matul it-tlugħ u l-inżul tal-ajruplan. Il-każ inkwistjoni ma jistax jiġi evitat billi jitbiddlu t-tajers meta jilħqu l-limitu tal-użu; tabilħaqq, anki tajer ġdid fjamant jista’ jsirlu ħsara b’vit li jinsab fuq il-pista.

75.      Għalhekk, kuntrarjament għall-argumenti li saru fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ W. Pauels, il-każ preżenti ma jistax jiġi mqabbel ma’ Siewert. (40)

76.      Tista’ tkun ta’ għajnuna li wieħed jirrimarka l-approċċ tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ dak li jaqa’ fl-ambitu tal-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru (f’sentenza li tikkonċerna każ ta’ kolliżjoni ma’ għasfur). (41) Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li ma tkunx taqa’ f’dan l-ambitu meta l-miżura adottata jkollha l-għan li tiżgura l-funzjonament tat-trasport bl-ajru kollu kemm hu. Hija tikkostitwixxi għalhekk miżura ta’ sigurtà tal-ajru u mhux miżura tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Għaldaqstant, skont il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), miżuri li jikkonċernaw is-servizz jew l-attività ta’ ajruplan wieħed jaqgħu fl-ambitu tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (eżempju, anki t-trasport ta’ passiġġieri), iżda miżuri li ma jikkonċernawx l-operat ta’ ajruplan partikolari huma miżuri li jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanza straordinarja sakemm dawn ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

77.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-miżuri li setgħu ttieħdu sabiex tiġi evitata l-ħsara fit-tajer inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru. Barra minn hekk, il-miżuri li setgħu ttieħdu mill-operatur tal-ajruport ma jikkonċernawx l-operazzjoni ta’ titjira speċifika, iżda pjuttost il-garanzija ġenerali li t-traffiku tal-ajru jimxi sew fl-ajruport rilevanti. Il-pisti ma humiex miżmuma għal titjira speċifika. Dawn huma miżmuma biex jiżguraw it-tmexxija bla xkiel tat-traffiku tal-ajru b’mod ġenerali.

78.      Fl-aħħar nett, inqis (bħall-Kummissjoni) li l-kwalifika ta’ “ċirkustanzi straordinarja” f’dan il-każ hija bl-istess mod ġustifikata bl-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri bl-ajru kif meħtieġ mir-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira; u għalhekk wieħed ma għandux iħeġġeġ lit-trasportaturi bl-ajru biex joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minħabba ħsara minn oġġetti esterni sabiex iwettqu t-titjiriet tagħhom u sabiex ikunu fil-ħin b’detriment għall-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet. (42)

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-każ inkwistjoni jissodisfa t-test ta’ kontroll u huwa avveniment li hu lil hinn mill-kontroll attwali tat-trasportatur bl-ajru.

3.      Miżuri raġonevoli sabiex jiġu evitati ċirkustanzi straordinarji

80.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, (43) “peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha kienu jagħtu lok għal eżenzjoni, huwa min jixtieq jinvoka ċ-ċirkustanzi straordinarji bħala difiża li għandu l-oneru li jistabbilixxi, barra minn hekk, li, f’kull każ, dawn ma setgħux jiġu evitati permess ta’ miżuri adatta għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ dawk il-miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw b’mod partikolari kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatu tal-ajru kkonċernat. Fil-fatt, dan it-trasportatur għandu […] jistabbilixxi li, anki li kieku kellu juża l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, evidentement xorta ma kienx jista’ mingħajr ma jbati minn sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument ikkonċernat, jevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kien qed jiffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira” (enfasi miżjuda).

81.      Huwa minnu li d-domanda preliminari ma tirrigwardax b’mod espliċitu l-kundizzjoni addizzjonali ta’ miżuri raġonevoli u l-evitar/prevenzjoni ta’ ċirkustanza(i) straordinarja(i).

82.      Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ser ikollha l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, it-trasportatur bl-ajru setax jitqies li ħa l-miżuri kollha xierqa għas-sitwazzjoni, nikkunsidra li – sabiex nagħti risposta xierqa lill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fit-tilwima li għandha quddiemha – huwa utli li din il-kundizzjoni tiġi indirizzata wkoll. (44)

83.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]l-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża”. (45)

84.      Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett ta’ miżuri raġonevoli huwa individwalizzat u flessibbli, (46) u “għandhom biss jittieħdu inkonsiderazzjoni l-miżuri li jistgħu effettivament jiġu attribwiti lilu, minbarra dawk li huma kompetenza ta’ terzi, bħal, b’mod partikolari, it-tmexxija tal-ajruporti u l-kontrolluri tat-traffiku kompetenti”. (47)

85.      Il-qorti nazzjonali għandha, għalhekk, “tevalwa jekk, b’mod partikolari fuq il-livell tekniku u l-livell amministrattiv, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat kienx […] effettivament fil-pożizzjoni li, b’mod dirett jew indirett, jieħu miżuri preventivi sabiex jitnaqqas u anki jevita r-riskju ta’ [ħsara f’tajer minħabba oġġett estern li kien jinsab fuq il-pista]”. (48)

86.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira għandu jiġi interpretat fis-sens li ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul taqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

87.      Minkejja dan, irrid nirrileva li mhux kull sostituzzjoni ta’ tajer ta’ ajruplan jikkwalifika għal ċirkustanza straordinarja: huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-ħsara f’tajer fil-każ preżenti minn dik li hija dovuta għal deterjorament prevedibbli bl-użu normali – u għalhekk dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix ċirkustanza eċċezzjonali.

V.      Konklużjoni

88.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti din ir-risposta għad-domanda rrinvijata lilha mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja):

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet għandu jiġi interpretat fis-sens li ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit li kien jinsab fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10 (iktar ’il quddiem “Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira”).


3      Ara Prassl, J., “Exceptionally Unexceptional: C-257/14 Corina van der Lans v KLM and the end of Regulation 261/2004’s Exceptional Circumstances Defence”, EuCML, 2016, p. 136. L-awtur jikkwota wkoll “ir-rifjut persistenti [tal-linji tal-ajru] biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom, sakemm jiġu mkaxkra l-qorti” [traduzzjoni libera].


4      Malenovsky, J., “Regulation 261: Three Major Issues in the Case Law of the Court of Justice of the EU”, fi Bobek, M. and Prassl, J. (edituri), EU Law in the Member States: Air Passenger Rights, Ten Years On, Hart, 2016, p. 25 u 30.


5      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771).


6      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C-257/14, EU:C:2015:618).


7      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342).


8      Dan jirriżulta mis-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342).


9      Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-partijiet ma qieset neċessarju li tittratta din il-kwistjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


10      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, EU:C:2008:723, punt 67).


11      Sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C-614/14, EU:C:2016:514, punt 30 u punt 2 tad-dispożittiv).


12      Fuq il-kunċett ta’ ċirkustanzi straordiarji, ara Milner, A., “Regulation EC 261/2004 and ‘Extraordinary Circumstances’”, Air & Space Law, Vol. 34, Nru. 3 (2009), p. 215 sa 220; van der Wijngaart, T., “van der Lans v. KLM and ‘Extraordinary Circumstances’”, Air & Space Law, Vol. 41, Nru. 1 (2016), p. 59 sa 62; Michel, V., “Commentaires: Une grève sauvage ne constitue pas une circonstance extraordinaire exonérant le transporteur”, Europe, Numru 6, Ġunju 2018, p. 22 sa 23; Flöthmann, M., “Verbraucherschutz: Ausgleichszahlungen nach Flugausfall trotz “wilden Streiks” des Flugpersonals (Anmerkung)”, EuZW, 2018, 457; Herrmann, C., Entschädigung der Fluggäste bei „wildem Streik“ – das TUIfly-Urteil des EuGH, RRa, 3/2018, p. 102; Führich, E., Innenbetrieblicher “wilder Streik” als außergewöhnlicher Umstand der Fluggastrechte-Verordnung, Monatsschrift fúr Deutsches Recht, 13/2018;


13      Dan jirriżulta minn, fost oħrajn, Prassl, J., ‘Tackling Diversity Through Uniformity?’, f’Bobek, M., u Prassl, J., op. cit., p. 335, van der Wijngaart, T., op.cit., Führich, E., op.cit., u Politis, A., Rechtsprechung: Anmerkung - Pešková u. Peška, NJW, 37/2017, p. 2669.


14      Jiġifieri l-24 Awla Ċivili tal-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja).


15      Digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C-394/14, EU:C:2014:2377).


16      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342).


17      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, EU:C:2013:43).


18      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C-257/14, EU:C:2015:618).


19      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771).


20      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, EU:C:2009:716).


21      Digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C-394/14, EU:C:2014:2377).


22      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342, punt 19 et seq.). Ara wkoll Wienbracke, M., Verbraucherrecht: Ausgleichsleistungen bei Flugverspätung nach Kollision des Flugzeugs mit einem Vogel, EuZW, 2017, 571.


23      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771, punt 20).


24      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771, punt 26) (enfasi miżjuda).


25      Sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771, punt 26) u tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C-257/14, EU:C:2015:618, punt 38 et seq.). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar każ, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) f’Huzar v. Jet2.com Limited [2014] EWCA, Civ. 791 (fir-rigward ta’ difett ta’ wiring fiċ-ċirkwit tal-valv tal-karburant). Ara wkoll van der Wijngaart, T., op. cit..


26      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, EU:C:2013:43, punt 29).


27      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi Magħquda Krüsemann et (C-195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C-226/17, C-228/17, C-254/17, C-274/17, C-275/17, C‑278/17 sa C-286/17 u C‑290/17 sa C-292/17, EU:C:2018:243, punt 57).


28      Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et (C-195/17, C-197/17 sa C-203/17, C‑226/17, C‑228/17, C-254/17, C-274/17, C-275/17, C-278/17 sa C-286/17 u C‑290/17 sa C-292/17, EU:C:2018:258, punt 34). Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika wkoll li ċ-ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa ma humiex neċessarjament u awtomatikament każijiet għall-eżenjoni mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f’titjira.


29      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771).


30      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342, punt 23 u l-ġurisprudenza msemmija).


31      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342).


32      Digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C-394/14, EU:C:2014:2377).


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2016:623).


34      Kawża 11 S 389/14.


35      Hija ssostni li, peress li tali avvenimenti ma humiex inerenti għat-tħaddim normali ta’ titjira u huma lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajra, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala avvenimenti jew ċirkustanzi estranji.


36      Regolament tat‑12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014 L 44, p. 1).


37      Għal effett simili nirreferi hawnhekk għal deċiżjoni tal-Landgericht Darmstadt (il-Qorti Reġjonali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) fir-rigward ta’ ħsara kkawżata minn vit aspirat fil-magna (ara BeckRS 2014, 23957). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistemi tekniċi disponibbli għall-monitoraġġ tal-pisti u għat-tneħħija ta’ oġġetti esterni preżenti fuqhom (għadhom) ma humiex avvanzati u, għaldaqstant, ma humiex kapaċi joffru protezzjoni sikura. Sistema ta’ sigurtà li ma tkunx affettwata mit-temp li fil-ġejjieni tkun tivverifika kontinwament il-pisti tat-tlugħ u tal-inżul għal oġġetti esterni u li tkun maħsuba biex tagħti allarm f’każ ta’ perikolu ilha qiegħda tiġi żviluppata għal diversi snin.


38      Ara punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342).


40      Digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert (C-394/14, EU:C:2014:2377).


41      BGH, NJW 2014, 861; VRR 2014, 100; NJW-RR 2015, 111.


42      Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342, punt 25).


43      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks (C-294/10, EU:C:2011:303, punt 25).


44      Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1978, Simmenthal (70/77, EU:C:1978:139, punt 57).


45      Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C-492/14, EU:C:2016:732, punt 43).


46      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks (C-294/10, EU:C:2011:303, punt 30).


47      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342, punt 43) (enfasi miżjuda).


48      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C-315/15, EU:C:2017:342, punt 44).