Language of document : ECLI:EU:T:2012:215

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Mejju 2012 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Parir tas-servizz legali tal-Kunsill fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali — Rifjut parzjali ta’ aċċess — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali — Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-pariri legali — Preġudizzju konkret u prevedibbli għall-interess inkwistjoni — Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑529/09,

Sophie in ’t Veld, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn O. Brouwer u J. Blockx, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn M. Bauer, C. Fekete u O. Petersen, sussegwentement minn M. Bauer u C. Fekete, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. O’Reilly u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 2009, li tirrifjuta l-aċċess totali għad-Dokument Nru 11897/09, tad-9 ta’ Lulju 2009, li jinkludi l-parir tas-servizz legali tal-Kunsill intitolat “Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ Amerika li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali ddestinat biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti data ta’ messaġġi finanzjarji fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll tal-ġlieda kontra dawn il-fenomini — Bażi legali”

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, S. in’t Veld, hija membru tal-Parlament Ewropew.

2        Fit-28 ta’ Lulju 2009, hija talbet biex tingħata l-aċċess, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) għall-parir tas-servizz legali tal-Kunsill dwar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill intiża għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ Amerika li għandhom iwasslu għal ftehim internazzjonali ddestinat biex iqiegħed għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti data ta’ messaġġi finanzjarji fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll tal-ġlieda kontra dawn il-fenomini (iktar ’il quddiem, id-“Dokument Nru 11897/09”).

3        Fit-8 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rrifjuta l-aċċess għad-Dokument Nru 11897/09 billi invoka argumenti bbażati fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

4        Fit-28 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kunsill talba konfermattiva intiża sabiex jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu.

5        B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2009, mibgħuta lir-rikorrenti b’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill awtorizza l-aċċess parzjali għad-Dokument Nru 11897/09, filwaqt illi żamm ir-risposta negattiva tiegħu fir-rigward tal-aċċess totali għall-imsemmi dokument, billi invoka l-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

6        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill indika, minn naħa, li “l-iżvelar tad-dokument [Nru°11897/09] jirrivela lill-pubbliku informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst […], u ser ikollu għaldaqstant effett negattiv fuq il-pożizzjoni ta’ negozjazzjoni tal-[Unjoni] u jolqot ħażin ukoll is-sentiment ta’ kunfidenza fin-negozjati pendenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kunsill żied jgħid li “l-iżvelar ta’ dokument jirrivela lill-parti l-oħra […] elementi dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-[Unjoni] fin-negozjati li — fil-każ li l-parir legali jkun kritiku — jistgħu jiġu użati b’mod li jdgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjati tal-[Unjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata)

7        Min-naħa l-oħra, il-Kunsill indika li d-Dokument Nru 11897/09 jinkludi “parir legali dwar il-bażi legali u l-kompetenzi rispettivi tal-[Unjoni] u tal-Komunità Ewropea biex tikkonkludi l-ftehim” u li dan is-“suġġett sensittiv, li għandu effett fuq is-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-konklużjoni tal-ftehim, kien is-suġġett ta’ pożizzjonijiet diverġenti bejn l-istituzzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, “[l]-iżvelar tal-kontenut tad-dokument mitlub jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali peress illi jrendi pubbliku parir intern tas-servizz legali, intiż biss għall-membri tal-Kunsill fil-kuntest tad-diskussjonijiet preliminari fi ħdan il-Kunsill fuq il-ftehim previst” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kunsill “ikkonkluda li l-protezzjoni tal-parir legali dwar abbozz ta’ ftehim internazzjonali [...] tipprevali fuq l-interess pubbliku għall-iżvelar” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill awtorizza “aċċess parzjali [...] għall-introduzzjoni li tinsab fil-paġna 1, għall-punti 1 sa 4 kif ukoll għall-ewwel sentenza tal-punt 5 tad-dokument, li ma [kinux] jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija mir-Regolament [Nru] 1049/2001” (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2010, din it-talba ntlaqgħet.

11      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

12      Fil-kuntest tal-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Qorti Ġenerali, b’digriet tas-7 ta’ Lulju 2011, ordnat lill-Kunsill biex jipproduċi d-Dokument Nru 11897/09, mingħajr ma jiġi kkomunikat la lir-rikorrenti u lanqas lill-Kummissjoni. Il-Kunsill osserva din il-miżura istruttorja fit-terminu stabbilit.

13      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura l-Qorti Ġenerali għamlet fit-13 ta’ Lulju 2011 mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2011.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż tal-eventwali intervenjenti.

16      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

 Id-dritt

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 4, biex jagħti lill-pubbliku d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-ikbar possibbli.

18      Peress illi l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jidderogaw minn dan il-prinċipju, huma għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod ristrett (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Għalhekk, meta l-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li l-komunikazzjoni tiegħu tkun intalbet, hija għandha, bħala regola ġenerali, tipprovdi spjegazzjoni għall-kwistjonijiet dwar b’liema mod l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett b’eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tkun qed tinvoka (ara s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan ir-rigward, minn naħa, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Applikazzjoni bħal din, bħala regola ġenerali, tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ fejn l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument setax jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk kienx jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġjonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Il-fatt li dokument jiġi kklassifikat bħala “Kunfidenzjali UE”, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/264/KE, tad-19 ta’ Marzu 2001, li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 , Vol. 3, p. 263), li jista’ għalhekk jindika l-kontenut sensittiv tad-dokument hekk ikklassifikat, ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II 1429, punt 73).

22      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, fuq il-ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 4(6) ta’ dan l-istess regolament u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

23      Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

24      Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-istituzzjoni skont din id-dispożizzjoni hija ta’ natura kumplessa u delikata li teħtieġ livell ta’ prudenza partikolari, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura singolarment sensittiva u essenzjali tal-interess protett.

25      Peress illi deċiżjoni bħal din teħtieġ marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità tagħha għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-użu ħażin ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 34)

26      F’din il-kawża, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-Dokument Nru 11897/08, li l-aċċess għalih intalab mir-rikorrenti, jikkostitwixxi parir tas-servizz legali tal-Kunsill, mogħti bi ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, f’isem l-Unjoni, intiżi għal ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika, sabiex id-data ta’ messaġġi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, fil-kuntest tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu kif ukoll il-ġlieda kontra dawn il-fenomini. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-parir essenzjalment jirrigwarda l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni u, għalhekk, fuq il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Komunità (punti 5 u 10 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Ir-rikorrenti ssostni li fid-dawl tas-suġġett diskuss, id-dokument inkwistjoni ma jistax jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali. Skont ir-rikorrenti, il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt intern tal-Unjoni li ma tistax ikollha konsegwenzi fuq is-sustanza tan-negozjati u, għalhekk, fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni.

28      Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-kuntest li fih huwa ġie stabbilit, id-Dokument Nru 11897/09 jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni inkwistjoni.

29      Fil-fatt, dan id-dokument ġie redatt speċifikament għall-ftuħ tan-negozjati li għandhom iwasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Għalhekk, għalkemm huwa jirrigwarda l-kwistjoni tal-bażi legali, li hija kwistjoni tad-dritt intern tal-Unjoni, l-analiżi magħmula mis-servizz legali tal-Kunsill hija neċessarjament marbuta mal-kuntest speċifiku tal-ftehim internazzjonali previst.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill weriex li l-aċċess għall-elementi mhux żvelati tad-Dokument Nru 11897/09 setax konkretament u effettivament jippreġudika l-interess pubbliku inkwistjoni.

31      Il-Kunsill jindika li l-iżvelar tad-Dokument Nru 11897/09 huwa ta’ natura li jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, inkwantu dan l-iżvelar, minn naħa, jirrivela lill-pubbliku informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, fatt li jolqot ħażin lis-sentiment ta’ fiduċja fin-negozjati pendenti, u, min-naħa l-oħra, jirrivela lill-parti l-oħra elementi dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fl-imsemmija negozjati li jistgħu jiġu użati b’mod li jdgħajjef il-pożizzjoni tagħha (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Għalhekk, l-eżami tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni għandu jiġi distint fid-dawl taż-żewġ argumenti invokati mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata.

33      L-ewwel nett, fir-rigward tar-riskju ta’ żvelar lill-pubbliku tal-informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li d-dokument inkwistjoni jinkludi tali informazzjoni, din tista’ biss tkun deskrizzjoni oġġettiva tal-fatti, b’kontenut li probabbilment ma jeċċedix l-informazzjoni diġà żvelata f’dokumenti pubbliċi. Skont ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, peress illi l-analiżi tal-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati inkwistjoni jistgħu fil-verità jirrappreżentaw parti żgħira biss tad-dokument, il-bqija tiegħu kellu jiġi żvelat.

34      Il-Kunsill isostni li d-dokument jinkludi informazzjoni fuq il-kontenut tal-ftehim previst li l-iżvelar tiegħu seta’ jirrivela ċerti aspetti tal-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, peress illi evalwat id-dokument inkwistjoni fil-kuntest tal-miżuri istruttorji, setgħet tikkonstata li l-analiżi legali magħmula f’dan id-dokument kienet tinkludi ċerti siltiet li għandhom rabta mal-għanijiet imfittex mill-Unjoni fin-negozjati, b’mod partikolari, għaliex tiddiskuti l-kontenut speċifiku tal-ftehim previst.

36      Kif ġustament jindika l-Kunsill fil-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), l-iżvelar ta’ dawn l-elementi kien jolqot ħażin lis-sentiment ta’ fiduċja fin-negozjati li kienu pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

37      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika b’mod validu mill-fatt, invokat matul is-seduta, li ċerta informazzjoni dwar il-kontenut tal-ftehim previst kienet saret pubbliku, kemm mill-Kunsill innifsu kif ukoll fil-kuntest tad-dibattiti fi ħdan il-Parlament.

38      Fil-fatt, ir-riskju ta’ preġudizzju invokat mill-Kunsill jirriżulta mill-iżvelar tal-evalwazzjoni partikolari magħmula fir-rigward ta’ dawn l-elementi mis-servizz legali tiegħu u, għalhekk, is-sempliċi fatt li l-imsemmija elementi stess kienu magħrufa mill-pubbliku ma jikkontradixxix din il-kunsiderazzjoni.

39      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill seta’ legalment jinvoka r-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett fil-kuntest tal-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, biex jirrifjuta l-iżvelar ta’ siltiet mid-dokument mitlub li jinkludi l-analiżi tal-kontenut speċifiku tal-ftehim previst, li seta’ jirrivela l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati.

40      It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-argument ibbażat fuq ir-riskju li jiġi rrivelat “lill-parti l-oħra fin-negozjati […] elementi dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-[Unjoni] fin-negozjati li — fil-każ li l-parir legali jkun kritiku — jistgħu jiġu użati b’mod li jdgħajfu l-pożizzjoni tan-negozjati tal-[Unjoni]” (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41      Il-Kunsill iqis li l-argument inkwistjoni jirreferi għar-riskju ta’ żvelar tal-elementi tal-analiżi dwar il-bażi legali tal-ftehim futur, anki jekk għandu jiġi osservat li din il-kunsiderazzjoni ma tirriżultax espliċitament mill-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

42      Fil-kitbiet tiegħu u matul is-seduta, il-Kunsill indika li, permezz ta’ dan l-argument, huwa rrifera għall-fatt li l-parir tas-servizz legali tiegħu kien jinkludi l-analiżi tal-bażi legali tal-ftehim futur u, għalhekk, tal-azzjoni li kellu jiżviluppa l-Kunsill sabiex jiffirma l-ftehim. Skont il-Kunsill, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-bażi legali magħżula għan-negozjati kinitx korretta, kwalunkwe żvelar ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward seta’ jaffettwa l-pożizzjoni tan-negozjati tal-Unjoni u seta’ jkollu effett negattiv fuq il-mertu tan-negozjati. Il-Kunsill jindika li, minkejja li s-siltiet kollha tad-dokument mitlub ma jaqgħux taħt il-motiv ibbażat fuq ir-riskju ta’ żvelar tal-informazzjoni dwar il-ftehim previst, il-parti kollha tad-dokument li ma ġietx żvelata hija koperta minn dan it-tieni motiv.

43      Ir-rikorrenti ssostni li huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat il-mod ta’ kif diskussjoni fuq il-bażi legali ta’ ftehim jista’ jitqies bħala li jippreġudika r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li t-trasparenza dwar il-bażi legali tikkontribwixxi biex tagħti leġittimità ikbar lill-Kunsill bħala sieħeb fin-negozjati. Fil-fehma tagħha, huwa n-nuqqas ta’ trasparenza li jolqot ħażin, fuq medda twila ta’ żmien, ir-relazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari peress illi f’din il-kawża l-Kunsill ammetta li s-suġġett diskuss kellu “effett fuq is-setgħat tal-Parlament Ewropew fil-konklużjoni tal-ftehim” u “kien is-suġġett ta’ pożizzjonijiet diverġenti bejn l-istituzzjonijiet” (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

44      Il-Kunsill isostni li, fir-rigward tan-negozjati li kienu pendenti, l-iżvelar ta’ “kontroversja” eventwali fuq il-bażi legali tal-ftehim futur seta’ jwassal għal konfużjoni dwar il-kompetenza tal-Unjoni u, għalhekk, tiddgħajjef il-pożizzjoni tagħha matul in-negozjati internazzjonali. Huwa jippreċiża li, fl-eventwalità li s-servizz legali tal-Kunsill seta’ pprovda parir negattiv fuq ċerti punti tal-pożizzjoni tan-negozjati, dan seta’ jiġi użat mill-parti l-oħra fin-negozjati.

45      Il-Kummissjoni tqis li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali, meta jkun hemm dubji espressi fil-pubbliku dwar il-bażi legali tan-negozjati, dan ma jwassalx biex jagħti leġittimità ikbar lill-istituzzjonijiet, iżda, kuntrarjament, joħloq riskju ta’ preġudizzju għal din il-leġittimità f’għajnejn is-sieħeb internazzjonali, u dan għad-detriment tan-negozjati inkwistjoni.

46      Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, ir-riskju ta’ żvelar tal-pożizzjonijiet meħuda fi ħdan l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali għall-konklużjoni ta’ ftehim futur ma jurix, waħdu, l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

47      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-għażla tal-bażi legali xierqa, għall-azzjoni kemm interna kif ukoll internazzjonali tal-Unjoni, hija ta’ importanza ta’ natura kostituzzjonali. Fil-fatt, peress illi l-Unjoni għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni, hija għandha ta’ bilfors torbot l-att li hija tixtieq tadotta ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li tawtorizzaha sabiex tapprova tali att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, Ġabra p. I‑8917, punt 47).

48      Barra minn hekk, l-għażla tal-bażi legali ta’ att, inkluż dik adottata għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, ma tirriżultax biss mir-rieda tal-awtur tagħha, iżda għandha tkun ibbażata fuq l-elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, bħalma huma, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ att (ara l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I‑9713, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għalhekk, meta l-għażla tal-bażi legali hija bbażata fuq elementi oġġettivi u ma jaqgħux taħt marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni, l-eventwali diverġenza ta’ opinjonijiet fuq dan is-suġġett ma tistax titqies bħala diverġenza bejn l-istituzzjonijiet fuq l-elementi dwar il-kontenut tal-ftehim.

50      Konsegwentement, is-sempliċi biża’ li tiġi żvelata pożizzjoni eventwalment diverġenti fi ħdan l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali ta’ deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni ma hijiex biżżejjed biex minnha jiġi dedott riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

51      Sussegwentement, il-Kummissjoni tinvoka, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, Ġabra p. I‑4721, punti 67 sa 70), ir-riskju, għall-kredibbiltà tal-Unjoni matul in-negozjati, li jirriżulta mill-iżvelar ta’ dokument li jikkonstata l-eżistenza ta’ dubju dwar l-għażla tal-bażi legali. Hija tfakkar li l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jinvalida l-att ta’ konklużjoni nnifsu u, għalhekk, jivvizzja l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bi ftehim

52      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li tali riskju ma jistax jiġi preżunt mill-eżistenza ta’ dibattitu legali dwar il-portata tal-kompetenzi istituzzjonali dwar l-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni.

53      Fil-fatt, konfużjoni dwar in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni, ta’ natura li ddgħajjef lil din tal-aħħar fid-difiża tal-pożizzjoni tagħha matul in-negozjati internazzjonali, li tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-bażi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 47 iktar ’il fuq, punt 49), tista’ tkompli tiġi aggravata minħabba n-nuqqas ta’ dibattitu preliminari u oġġettiv bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati dwar il-bażi legali tal-azzjoni prevista.

54      Barra minn hekk, meta seħħew il-fatti d-dritt tal-Unjoni kellu proċedura prevista fl-Artikolu 300(6) KE li l-għan speċifiku tagħha huwa li tipprevjeni l-kumplikazzjonijiet, kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinament ġuridiku internazzjonali, li jistgħu jirriżultaw minħabba għażla żbaljata tal-bażi legali (ara l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975, Ġabra p. 1355, p. 1360 u 1361).

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma b’mod partikolari ġġustifikati f’din il-kawża għaliex meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata l-eżistenza ta’ diverġenzi dwar il-bażi legali tal-ftehim previst kienet taqa’ taħt l-isfera pubblika.

56      B’mod partikolari, l-eżistenza ta’ pariri diverġenti fi ħdan l-istituzzjonijiet ġiet ikkonstatata fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament, tas-17 ta’ Settembru 2009, dwar il-ftehim internazzjonali previst biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta’ pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu.

57      Barra minn hekk, sa fejn, billi invoka l-motiv inkwistjoni, il-Kunsill jirreferi wkoll għall-fatt li l-parir tas-servizz legali tiegħu jiddiskuti ċerti punti tal-abbozz tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni li t-tagħrif dwarhom seta’ jiġi użat mill-parti l-oħra fin-negozjati, għandu jiġi rrilevat li din il-kunsiderazzjoni, li b’mod ċert hija biżżejjed biex tistabbilixxi riskju ta’ preġudizzju għall-interess tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, tikkonċerna biss l-elementi tad-dokument mitlub li jirrigwarda l-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni.

58      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-elementi tad-dokument mitlub li jirrigwarda l-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, li jistgħu jirrivelaw l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati, il-Kunsill ma weriex kif, konkretament u effettivament, l-aċċess iktar wiesgħa għal dan id-dokument seta’ jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

59      Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, l-ewwel motiv huwa parzjalment fondat, għaliex il-Kunsill ma stabbilixxiex ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-partijiet mhux żvelati tad-dokument mitlub li huma marbuta mal-bażi legali tal-ftehim futur; dan ir-riskju ntwera biss għall-elementi li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni li jistgħu jirrivelaw l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati.

60      Konsegwentement, minbarra l-partijiet li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, li jistgħu jirrivelaw l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati, id-deċiżjoni kkontestata għandha parzjalment tiġi annullata inkwantu tirrifjuta l-aċċess għall-partijiet mhux żvelati tad-dokument mitlub.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

61      Fid-dawl tal-konklużjoni adottata wara l-eżami tal-ewwel motiv, l-eżami tat-tieni motiv għandu jiġi limitat għall-partijiet mhux żvelati tad-dokument mitlub, bl-esklużjoni tal-partijiet li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, peress illi dawn tal-aħħar validament jaqgħu taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali.

62      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali, sakemm l-interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmi dokument.

63      Il-Kunsill, jekk jixtieq juża d-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jipproċedi b’eżami fi tliet stadji, li jikkorrispondu għat-tliet kriterji li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

64      Fl-ewwel stadju, il-Kunsill għandu jiżgura li d-dokument li qed jintalab l-iżvelar tiegħu jikkonċerna tassew parir legali u, fl-affermattiv, jiddetermina liema huma l-partijiet effettivament ikkonċernati u, b’hekk, li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni. Fit-tieni stadju, il-Kunsill għandu jeżamina jekk l-iżvelar tal-partijiet mid-dokumenti inkwistjoni, identifikati bħala li jikkonċernaw pariri legali, jippreġudika l-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Fit-tielet stadju, fil-każ li l-Kunsill jikkunsidra li l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali, huwa għandu l-obbligu li jivverifika li ma jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar minkejja l-preġudizzju li jirriżulta minn dan għall-kapaċità tiegħu li jitlob pariri legali u li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C­39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punti 37 sa 44).

65      F’din il-kawża, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ewwel kriterju, huwa paċifiku li d-Dokument Nru 11897/09 effettivament jikkostitwixxi parir legali dwar il-bażi legali fid-dritt tal-Unjoni ta’ azzjoni internazzjonali prevista, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, u, fir-rigward tal-parti kollha tiegħu li ma ġietx żvelata, din tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni.

66      Sussegwentement, fir-rigward tar-riskju ta’ preġudizzju għall-interess tal-istituzzjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti, il-Kunsill jindika, l-ewwel nett, li l-iżvelar mitlub jista’ jkollu bħala effett li jrendi pubbliku “parir intern tas-servizz legali, intiż biss għall-membri tal-Kunsill fil-kuntest tad-diskussjonijiet preliminari fi ħdan[u] fuq il-ftehim previst”, fatt li jista’ “jiddiswadi lill-Kunsill milli jistieden lis-servizz legali tiegħu biex jifformula parir bil-miktub” (punt 10 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tieni nett, il-Kunsill isemmi r-riskju li s-servizz legali tiegħu stess “[ma] jagħtix bil-miktub pariri li jistgħu jissuġġettaw fil-ġejjien lill-Kunsill għal riskju, [fatt] li jista’ jkollu effett fuq il-kontenut [tiegħu]” (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-tielet nett, il-Kunsill isostni li “l-iżvelar tal-parir intern tas-servizz legali [...] jippreġudika b’mod serju l-kapaċità tal-imsemmi servizz [...] li jippreżenta u li jiddefendi [...] il-pożizzjoni tal-Kunsill fil-proċeduri ġudizzjarji, pożizzjoni li tista’ tkun differenti minn dik irrakomandata qabel mis-servizz legali” (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali.

67      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex biżżejjed biex jiġġustifikaw riskju ta’ preġudizzju għall-interess marbut mal-protezzjoni tal-pariri legali.

68      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jindika li huwa applika korrettament it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex jirrifjuta l-aċċess għall-pubbliku tad-dokument mitlub billi jippreċiża b’mod partikolari li l-kwistjoni analizzata fid-dokument kienet sensittiva u li kien impossibbli għalih li jipprovdi l-elementi addizzjonali fuq il-mod ta’ kif l-iżvelar tad-Dokument Nru 11897/09 seta’ joħloq riskju ta’ preġudizzju, individwali u konkret, għall-protezzjoni tal-pariri legali, mingħajr ma jirrivela l-kontenut tad-dokument u, għalhekk, jippriva l-eċċezzjoni tal-finalità essenzjali tiegħu.

69      Ta’ min ifakkar li r-riskju li l-iżvelar ta’ dokument ikun ta’ natura li konkretament u effettivament jippreġudika l-interess tal-istituzzjoni li titlob parir legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti għandu jkun raġonevolment previżibbli, u mhux purament ipotetiku (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, punti 40, 42 u 43).

70      Issa, il-motivi mressqa mill-Kunsill sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-Dokument Nru 11897/09 ma jippermettix li jiġi stabbilit, b’argument mibni fuq il-fatti, tali riskju. Fil-fatt, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li l-Kunsill u s-servizz legali tiegħu jistgħu ma jsibuhiex komdu li, rispettivament, jitolbu u jagħtu pariri bil-miktub dwar kwistjonijiet sensittivi, ma huma sostnuti minn ebda element konkret u fattwali, li jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ riskju raġonevolment previżibbli, u mhux purament ipotetiku, għall-interess tal-Kunsill li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompluti.

71      Barra minn hekk, peress illi l-ipoteżi ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali huwa previst b’eċċezzjoni partikolari, imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sempliċi fatt li l-parir legali mniżżel fid-Dokument Nru 1049/2001 jirrigwarda l-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni ma huwiex waħdu biżżejjed biex tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament.

72      Il-Kunsill, matul is-seduta, b’mod ċert fakkar li n-negozjati dwar il-ftehim previst kienu għadhom pendenti fil-mument li pprovda d-deċiżjoni kkontestata.

73      Madankollu, għalkemm jista’ jiġi aċċettat li din is-sitwazzjoni ta’ protezzjoni rinforzata hija applikata għad-dokumenti tal-istituzzjoni, sabiex jiġi eskluż kull preġudizzju għall-interess tal-Unjoni matul in-negozjati internazzjonali, din il-kunsiderazzjoni hija diġà kkunsidrata permezz tal-għoti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

74      Issa, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, il-Kunsill ma jistax validament jibbenefika mill-kunsiderazzjoni ġenerali li tipprovdi li preġudizzju għall-interess pubbliku protett jista’ jiġi preżunt f’qasam sensittiv meta, b’mod partikolari, hemm involut parir legali mogħti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ negozjazzjoni ta’ ftehim internazzjonali.

75      Ksur konkret u previżibbli għall-interess inkwistjoni lanqas ma jista’ jiġi stabbilit mis-sempliċi biża’ li jiġi żvelat liċ-ċittadini l-fatt li hemm diverġenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet dwar il-bażi legali tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni u, għalhekk, li jinħoloq dubju dwar il-legalità ta’ din l-azzjoni.

76      Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni, li tipprovdi li r-riskju ta’ żvelar tal-pariri legali dwar il-proċess deċiżjonali jista’ jwassal għal dubji dwar il-legalità tal-atti adottati ma hijiex biżżejjed biex tikkaratterizza preġudizzju għall-protezzjoni tal-pariri legali (sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, punt 60, u L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 113), tapplika, bħala regola ġenerali, għall-qasam tal-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni, peress illi l-prinċipju tat-trasparenza japplika fil-proċess deċiżjonali ta’ dan il-qasam. F’dan ir-rigward, għandu sempliċiment jitfakkar li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jispeċifika li dan japplika għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri stabbiliti jew riċevuti minnha jew fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni.

77      Issa, f’din il-kawża l-Kunsill ma jinvoka ebda argument konkret li jiġġustifika li ssir deroga għal din il-kunsiderazzjoni.

78      Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill dwar ir-riskju ta’ preġudizzju għall-kapaċità tas-servizz legali tiegħu li jiddefendi, matul proċeduri ġudizzjarji, pożizzjoni li fuqha huwa jkun esprima parir negattiv, għandu jitfakkar, kif spiss osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, li argument ta’ natura daqshekk ġenerali ma jistax jiġġustifika eċċezzjoni għat-trasparenza prevista fir-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, punt 65, u L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 116).

79      Minn dan jirriżulta li l-raġunijiet invokati fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex, fid-dawl tan-natura ġenerali u ipotetika, biżżejjed biex juru r-riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku relatat mal-protezzjoni ta’ pariri legali.

80      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontenut sensittiv tad-dokument mitlub u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, in-natura ġenerali tal-motivi inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-impossibbiltà li jiġu pprovduti elementi addizzjonali. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-eżistenza ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-interess invokat la jirriżulta mill-kuntest tat-tfassil tad-Dokument Nru 11897/09 u lanqas mis-suġġetti diskussi, il-Kunsill ma jressaq l-ebda ħjiel dwar l-elementi addizzjonali li huwa seta’ jipprovdi billi jibbaża ruħu fuq il-kontenut tad-dokument.

81      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet kriterju tal-eżami previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa l-Kunsill li għandu joħloq bilanċ bejn l-interess speċifiku li għandu jiġi protett min-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u l-eventwali interess pubbliku superjuri li jiġġustifika dan l-iżvelar.

82      Għandu jiġi b’mod partikolari kkunsidrat l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif tirrileva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri, sehem aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, punt 45).

83      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, ovvjament, ta’ rilevanza partikolari meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġiżlatur, kif jirriżulta mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, li tipprovdi li f’tali każ għandu jingħata aċċess ikbar għad-dokumenti (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 64 iktar ’il fuq, punt 46).

84      F’dan ir-rigward, il-partijiet mhux qed jaqblu fuq il-kwistjoni dwar jekk, fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ ftehim internazzjonali li jikkonċerna qasam leġiżlattiv tal-Unjoni, il-Kunsill qed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur.

85      Ir-rikorrenti ssostni li l-ftehim imsemmi fid-Dokument Nru 11897/09 huwa ta’ natura leġiżlattiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn dan jimplika effetti vinkolanti fl-Istati Membri f’dak li jirrigwarda t-trażmissjoni ta’ data ta’ komunikazzjoni finanzjarja lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz.

86      Il-Kunsill joġġezzjona li huwa aġixxa fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tiegħu, tal-15 ta’ Settembru 2006, li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, p. 47). Din id-dispożizzjoni telenka l-każijiet meta l-Kunsill jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(3) KE, li jeskludi d-diskussjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni tal-atti li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet internazzjonali.

87      Għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet invokati, li huma essenzjalment intiżi biex jiddefinixxu l-każijiet meta d-dokumenti għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu direttament aċċessibbli għall-pubbliku, għandhom biss valur indikattiv f’dak li jirrigwarda l-fatt li jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill aġixxiex jew le fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

88      Għandu jiġi osservat li l-inizjattiva u t-tmexxija tan-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali huma, bħala regola ġenerali, ta’ responsabbiltà tal-eżekuttiv. Barra minn hekk, fid-dawl tal-interess leġittimu li l-elementi strateġiċi tan-negozjati ma jiġux żvelati, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura dwar in-negozjazzjoni u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija neċessarjament limitata. Għalhekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill ma aġixxiex fil-kwalità tiegħu ta’ leġiżlatur.

89      Madankollu, l-applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prinċipju ta’ trasparenza tal-proċess deċiżjonali tal-Unjoni, imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, ma tistax tiġi eskluża fir-rigward tal-azzjoni internazzjonali, b’mod partikolari meta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati tirrigwarda ftehim internazzjonali li jista’ jkollu konsegwenzi f’qasam tal-attività leġiżlattiva tal-Unjoni.

90      F’din il-kawża, il-ftehim previst bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika huwa ftehim li essenzjalment ikopri l-qasam tal-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-pulizija, li jista’ wkoll jinfluwenza l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali tikkostitwixxi dritt fundamentali, stabbilit bl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1), u applikat, b’mod partikolari, bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 335) u bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).

92      Għalhekk, il-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-qasam ikkonċernat mill-ftehim inkwistjoni, billi jivverifika, skont il-prinċipju tal-aċċess l-iktar possibbli għall-pubbliku tad-dokumenti, jekk l-interess ġenerali marbut mat-trasparenza addizzjonali fil-proċedura inkwistjoni kienx jiġġustifika l-iżvelar totali jew ikbar tad-dokument mitlub minkejja r-riskju ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-pariri legali.

93      F’dan ir-rigward, kif tindika r-rikorrenti, kien hemm interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tad-Dokument Nru 11897/09, sa fejn dan tal-aħħar jikkontribwixxi biex jagħti leġittimità ikbar lill-istituzzjonijiet u jżid il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej f’dawn l-istituzzjonijiet billi jkun possibbli li ssir diskussjoni miftuħa dwar il-punti li fuqhom hemm diverġenza ta’ opinjoni, meta, b’mod partikolari, hemm involut dokument li jiddiskuti l-bażi legali ta’ ftehim li, wara li jiġi konkluż, ikollu effett fuq id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

94      Fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jikkonstata, wara li “b’attenzjoni bbilanċja l-interess tal-Kunsill għall-protezzjoni tal-parir legali intern mogħti mis-servizz legali tiegħu u l-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokument”, li “l-protezzjoni tal-parir legali intern dwar abbozz ta’ ftehim internazzjonali attwalment fi stadju ta’ negozjati tipprevali fuq l-interess pubbliku għall-iżvelar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrifjuta l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-“kontenut eventwali tal-ftehim previst u l-pariri dwar il-bażi legali u l-kompetenza tal-Komunità biex tikkonkludi dan il-ftehim internazzjonali li ser jorbot lill-Komunità u jaffettwa liċ-ċittadini Ewropej” jistgħu jikkostitwixxu interess pubbliku superjuri li għandu jiġi kkunsidrat [traduzzjoni mhux uffiċjali].

95      Għandu jiġi kkonstatat li, billi eskluda, għal dawn il-motivi, kull possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni l-qasam ikkonċernat mill-ftehim previst biex jiddetermina jekk kienx hemm, jekk ikun il-każ, interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument mitlub, il-Kunsill naqas milli jibbilanċja l-interessi preżenti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

96      Din il-kunsiderazzjoni ma tistax’ tiġi kkontestata mill-argument tal-Kunsill li l-interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tal-pariri legali fil-kuntest ta’ negozjati internazzjonali pendenti jixbah lil dak marbut mal-protezzjoni tal-parir legali li jidħol fil-kuntest tal-funzjonijiet purament amministrattivi tal-Kummissjoni, kif imsemmija fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑403/05, Ġabra p. II‑2027, punti 49 u 125 sa 126).

97      Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tagħha L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali invokata mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, hija preċiżament it-trasparenza fil-qasam tal-pariri legali li, billi tippermetti li d-diverġenzi bejn il-perspettivi differenti jiġu diskussi b’mod miftuħ, tikkontribwixxi biex tagħti lill-istituzzjonijiet leġittimità ikbar f’għajnejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u biex iżżied il-fiduċja tagħhom. Fil-fatt, hija pjuttost l-assenza ta’ informazzjoni u ta’ diskussjoni li tista’ tnissel dubji f’moħħ iċ-ċittadini dwar mhux biss il-legalità ta’ att iżolat, iżda wkoll dwar il-leġittimità tal-proċess deċiżjonali fl-intier tiegħu (sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, punt 113).

98      Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat kif fil-fehma tagħha s-sentenza L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, hija differenti minn din il-kawża u, għalhekk, ma tistax validament tiġi invokata. Fil-fehma tagħha, fl-ewwel lok, filwaqt li f’din il-kawża ġiet invokata eċċezzjoni obbligatorja, dik dwar l-interess pubbliku protett fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, fl-imsemmija kawża din ma ġietx invokata. Fit-tieni lok, il-parir legali li jinsab fid-Dokument Nru 11897/09 jirrigwarda qasam sensittiv, dak tar-relazzjonijiet internazzjonali, u, fit-tielet lok, il-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali kienet għadha pendenti meta l-Kunsill irrifjuta li jiżvela d-Dokument Nru 11897/09, minkejja li l-proċedura ta’ tfassil tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-Kawża L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ’il fuq, kienet intemmet.

99      Dawn l-argumenti ma humiex konvinċenti. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li d-dokument inkwistjoni jirrigwarda qasam potenzjalment kopert mill-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, ma huwiex rilevanti biex tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni distinta, dwar il-protezzjoni tal-pariri legali, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

100    Min-naħa l-oħra, ċertament, il-fatt li l-proċedura għall-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali kienet għadha pendenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi invokat fil-kuntest tal-eżami ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tal-pariri legali. Madankollu, dan l-argument ma huwiex deċiżiv fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar, minkejja dan ir-riskju ta’ preġudizzju.

101    Fil-fatt, l-interess pubbliku marbut mat-trasparenza tal-proċess deċiżjonali jitlef is-sens tiegħu jekk, kif tipproponi l-Kummissjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu jiġi limitat għal-każ meta l-proċedura deċiżjonali tkun ġiet konkluża.

102    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi invokati fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-pariri legali u li, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill naqas milli jivverifika jekk kienx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ikbar tad-Dokument Nru 11897/09, bi ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

103    Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

104    Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss tad-dokument mitlub tirrigwarda waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

105    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punti 27 u 28).

106    Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti koperti minn talba għal aċċess, billi tillimita rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija minn dan l-artikolu. L-istituzzjoni għandha tagħti tali aċċess parzjali jekk l-għan ta’ din l-istituzzjoni, meta tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, ikun jista’ jintlaħaq fil-każ li din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tgħatti s-siltiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, T‑264/04, Ġabra p. II 911, punt 50, u ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Hautala, punt 105 iktar ’il fuq, punt 29).

107    F’din il-kawża, mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill eżamina l-possibbiltà li r-rikorrenti tingħata aċċess parzjali għad-dokument mitlub, billi ddeċieda li jiżvela ċerti partijiet tal-imsemmi dokument, jiġifieri l-introduzzjoni li tinsab fil-paġna 1, il-punti 1 sa 4 kif ukoll l-ewwel sentenza tal-punt 5 tal-analiżi li tinsab fil-parir legali.

108    Bħalma ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li peress illi l-verżjoni żvelata tad-dokument inkwistjoni kienet essenzjalment limitata għall-parti introduttiva tiegħu, l-aċċess parzjali kien ferm ristrett.

109    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk in-natura limitata tal-aċċess parzjali mogħti f’din il-kawża hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet invokati u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

110    F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jitfakkar li l-Kunsill igawdi minn setgħa diskrezzjonali meta jevalwa jekk l-iżvelar ta’ dokument jistax jippreġudika l-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, fid-dawl tan-natura sensittiva u essenzjali tal-interess protett (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

111    F’din il-kawża, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Kunsill ma stabbilixxiex ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali f’dak li jikkonċerna l-elementi li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni li jistgħu jirrivelaw l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati (ara l-punt 59 iktar ’il fuq).

112    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-aħħar motiv japplika biss għal parti mis-siltiet mgħottija tad-dokument inkwistjoni. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jinkludu wkoll kunsiderazzjonijiet legali dwar ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam jew li jirrigwardaw, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-qasam ikkonċernat mill-ftehim previst, li ma jistgħux qabelxejn jitqiesu bħala li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-portata tal-aċċess parzjali, l-iżball ikkonstatat fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 iwassal għall-illegalità tal-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

114    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mill-eżami tat-tieni motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-interess pubbliku inkwistjoni, peress illi l-fatt li jiġi invokat dan l-interess ma setax għalhekk jiġġustifika r-restrizzjoni tal-iżvelar fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li fil-kuntest tal-aċċess parzjali għad-dokument, il-Kunsill ma ssodisfax l-obbligu tiegħu li jillimita r-rifjut biss għall-informazzjoni li hija koperta mill-eċċezzjonijiet invokati.

116    L-eżami tat-tielet motiv iwassal għalhekk għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu tirrifjuta l-aċċess għall-partijiet mhux żvelati tad-dokument mitlub, minbarra dawk li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew l-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, li jistgħu jirrivelaw l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

117    Fid-dawl tal-konklużjonijiet adottati wara l-eżami tal-ewwel tliet motivi, għad hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kunsill issodisfax l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni, f’dak li jirrigwarda r-rifjut tal-iżvelar tal-partijiet tad-dokument mitlub li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, li għalihom l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali ġiet invokata b’mod validu.

118    Hija l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jikkonċernax qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, punt 21 iktar ’il fuq, punt 61).

119    Il-Kunsill ifakkar, fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-negozjati internazzjonali dwar l-iffirmar tal-ftehim inkwistjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika kienu pendenti meta d-Dokument Nru 11897/09 ġie redatt. Fil-punt 6 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa jindika li d-dokument mitlub “jikkonċerna l-aspetti legali tal-abbozz tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni intiżi għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar suġġett sensittiv li jirrigwarda l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa jżid jgħid li “dan id-dokument jinkludi analiżi tal-bażi legali tal-ftehim propost, peress illi s-servizz legali ddiskuta l-kontenut tal-ftehim previst kif irrakkomandat mill-Kummissjoni” u li l-iżvelar tiegħu “jirrivela lill-pubbliku informazzjoni dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst […], u ser ikollu għaldaqstant effett negattiv fuq il-pożizzjoni ta’ negozjazzjoni tal-[Unjoni] u jolqot ħażin ukoll is-sentiment ta’ kunfidenza fin-negozjati pendenti”.

120    Għandu jitfakkar li permezz ta’ dawn il-motivi l-Kunsill ipprovda raġunament ċar u koerenti f’dak li jirrigwarda r-rifjut li jiżvela l-partijiet tad-dokument mitlub li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni.

121    Barra minn hekk, in-natura ġenerali ta’ din il-motivazzjoni, inkwantu l-Kunsill ma jidentifikax il-kontenut sensittiv li jista’ jiġi rrivelat mill-iżvelar, hija ġġustifikata mit-tħassib li ma tiġix żvelata informazzjoni li l-protezzjoni tagħha hija koperta mill-eċċezzjoni invokata, relattiva għall-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 25 iktar ’il fuq, punt 82).

122    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill immotiva kif legalment meħtieġ id-deċiżjoni tiegħu inkwantu rrifjuta l-aċċess għall-partijiet tad-dokument mitlub li jirrigwarda kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni.

123    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata, inkwantu tirrifjuta, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għall-partijiet mhux żvelati tad-dokument mitlub, minbarra dawk li jikkonċernaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, li jistgħu jirrivelaw l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-Unjoni fin-negozjati.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-illegalità kkonstatata ma tivvizzjax l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar dawn l-aħħar partijiet tad-dokument mitlub, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi ruħha għall-Kunsill u li tindika l-elementi li għalihom kellu jingħata l-aċċess, peress illi l-istituzzjoni għandha, matul l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi esposti f’dan ir-rigward f’din l-imsemmija sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 133).

125    Minn dan jirriżulta li huwa l-Kunsill li għandu jevalwa, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-motivi esposti f’din is-sentenza, sa fejn l-aċċess tal-elementi mhux żvelati tad-dokument inkwistjoni jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interessi protetti fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

127    Peress illi r-rikorrenti u l-Kunsill parzjalment tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2009 hija, minbarra l-partijiet li jirrigwardaw il-kontenut speċifiku tal-ftehim previst jew tal-istruzzjonijiet ta’ negozjazzjoni, annullata inkwantu tirrifjuta l-aċċess għall-partijiet mhux żvelati tad-Dokument Nru 11897/09.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Mejju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.