Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Awwissu 2020 – Pro Rauchfrei e.V. vs JS e.K.

(Kawża C-370/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pro Rauchfrei e.V

Konvenuta: JS e.K.

Domandi preliminari

1)    Il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE 1 , jinkludi l-preżentazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributuri awtomatiċi fejn, minkejja li l-pakketti tas-sigaretti f’dawn id-distributuri awtomatiċi jippreżentaw it-twissijiet li huma meħtieġa skont il-liġi, dawn il-pakketti tas-sigaretti huma maħżuna b’tali mod li dawn it-twissijiet inizjalment ma jkunux viżibbli għall-konsumatur, u t-twissijiet fuq il-pakketti tas-sigaretti jsiru viżibbli biss meta d-distributur awtomatiku, ladarba kien attivat mill-kaxxier, jitħaddem mill-klijent u l-pakkett tas-sigaretti, għalhekk, joħroġ mid-distributur awtomatiku għal fuq iċ-ċinga taċ-check out counter qabel ma l-klijent jipproċedi għall-ħlas?

2)    Il-ħabi tal-ippakkjar kollu tal-prodotti tat-tabakk fil-kuntest tal-preżentazzjoni f’distributur awtomatiku jaqa’ taħt il-projbizzjoni li t-twissijiet tas-saħħa jkunu “moħbija […] permezz ta’ […] oġġetti oħrajn” prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2014/40?

3)    Il-kriterju ta’ “[s]tampi ta’ pakketti individwali”, fis-sens tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40, huwa ssodisfatt anki jekk, minkejja li r-rappreżentazzjoni użata ma hijiex riproduzzjoni fidila tal-ippakkjar oriġinali, il-konsumatur jassoċjaha mal-ippakkjar tat-tabakk minħabba d-dehra tagħha, jiġifieri l-kontorni, il-proporzjonijiet, il-kuluri u l-logo tal-marka tagħha?

4)    Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(8) tad-Direttiva 2014/40 ikunu ssodisfatti, irrispettivament mir-rappreżentazzjoni użata, fil-każ li l-konsumatur għandu l-opportunità li jara l-ippakkjar tas-sigaretti, bit-twissijiet li huma meħtieġa skont il-liġi fuqhom, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ?

____________

1     ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24.