Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-30 ta’ Settembru 2019 – Airbnb Ireland UC, Airbnb Payments UK Ltd vs Agenzia delle Entrate

(Kawża C-723/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Airbnb Ireland UC, Airbnb Payments UK Ltd

Konvenuta: Agenzia delle Entrate

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-Artikoli 4, 5 et seq. tad-Direttiva 1535/2015/UE 1 , l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE 2 u l-Artikolu 56 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ma ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, timponi fuq l-operatur ta’ portal telematiku marbut mal-proprjetà immobiljari “regoli tekniċi għall-provvista ta’ servizz tas-soċjetà tal-informatika” li jikkonsistu f’obbligi informattivi (trażmissjoni lill-Agenzia delle Entrate ta’ data marbuta mal-kuntratti konklużi permezz tal-portal telematiku) u fiskali (ġbir ta’ taxxa fuq il-ħlasijiet li jsiru inkonnessjoni mal-kuntratti konklużi permezz tal-portal telematiku u trasferiment suċċessiv ta’ din it-taxxa lit-Teżor)?;

Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-Artikoli 3, 18, 32, 44, 49, 56, 101 et seq., 116, 120, 127 et seq. tat-TFUE u d-Direttivi 2000/31/KE 3 u 2006/123/KE 4 , jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li:

timponi fuq l-operaturi ta’ portal telematiku għat-tiftix ta’ proprjetà immobbli għall-kiri, obbligi tal-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data marbuta mal-kuntratti;

timponi fuq l-istess operaturi ta’ portali telematici li jintervjenu fil-pagament tal-korrispettiv tal-kuntratti ta’ kiri għal żmien qasir, l-obbligu li jaġixxu bħala aġenti għall-ġbir tat-taxxa (sostituto d’imposta) jew aġenti b’responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa;

timponi fuq l-operaturi ta’ portali telematiċi mhux residenti u rikonoxxuti bħala li ma għandhomx stabbiliment fiss fl-Italja, l-obbligu li jaħtru rappreżentant fiskali;

timponi, anki fuq persuni mhux residenti u li ma għandhomx stabbiliment fiss fl-Italja, l-obbligu li jaġixxu bħala aġenti b’responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa marbuta mar-residenza temporanja (imposta di soggiorno)?;

Il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludu, b’mod ġenerali, prassi nazzjonali li, effettivament, tgħaddi fuq impriża l-ineffiċjenzi tal-Istat fl-istabbiliment u l-ġbir tat-taxxi?

____________

1     Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (GU 2015, L 241, p. 1).

2     Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).

3     Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

4     Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).