Language of document : ECLI:EU:C:2018:423

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Raġunijiet assoluti għal rifjut jew invalidità – Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma tal-prodott – Kunċett ta’ ‘forma’ – Kulur – Pożizzjoni fuq parti tal-prodott – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 2 – Artikolu 3(1)(e)(iii)”

Fil-Kawża C‑163/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Christian Louboutin,

Christian Louboutin SAS

vs

Van Haren Schoenen BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. Louboutin, minn T. van Innis, avocat,

–        għal Christian Louboutin SAS, minn J. Hofhuis, advocaat,

–        għal Van Haren Schoenen BV, minn W. J. G. Maas, M. R. Rijks, E. T. Bergsma u M. van Gerwen, advocaten,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn E. E. Sebestyén, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u T. Rendas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn N. Saunders, Z. Lavery u D. Robertson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, T. Scharf u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Ġunju 2017,

wara li rat id-digriet għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura tat‑12 ta’ Ottubru 2017 u wara s-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet supplimentari tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ kontrafazzjoni bejn, minn naħa, Christian Louboutin u Christian Louboutin SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Christian Louboutin”) u, min-naħa l-oħra, van Haren Schoenen BV (iktar ’il quddiem “Van Haren”) dwar il-kummerċjalizzazzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ żraben li jiksru t-trade mark li tagħha C. Louboutin huwa l-proprjetarju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti”, jipprevedi li:

Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità”, jistabbilixxi li:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[...]

(e)      sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

(i)      l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija stess,

(ii)      l-għamla tal-merkanzija li tkun meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku,

(iii)      l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[...]”

 Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade Marks u Disinni)

5        Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade Marks u Disinni), tal‑25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tipprevedi, fl-Artikolu 2.1 tagħha, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark tal-Benelux”, li:

“1.      Għandhom jitqiesu li huma trade marks individwali ismijiet, disinni, timbri, siġilli, ittri, numri, forom ta’ prodotti jew ta’ ppakkjar u kull sinjal ieħor li jista’ jikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika li sservi sabiex tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża.

2.      Madankollu, ma jistgħux jitqiesu bħala trade marks is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li hija imposta min-natura stess tal-prodott, li tagħti valur sostanzjali lill-prodott jew li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Christian Louboutin joħloq u jipproduċi żraben.

7        Fit‑28 ta’ Diċembru 2009, C. Louboutin ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Benelux lill-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali, li ġiet irreġistrata fis‑6 ta’ Jannar 2010, bin-numru 0874489, għal prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi)” (iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”).

8        Din it-trade mark hija rrappreżentata kif ġej:

Image not found

9        Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark kontenzjuża hija deskritta kif ġej:“It-trade mark tikkonsisti fil-kulur aħmar (Pantone 18‑1663TP) applikat fuq il-pett ta’ żarbun kif muri (il-kontorn taż-żarbun ma huwiex parti mit-trade mark iżda għandu l-għan li jenfasizza l-pożizzjoni tat-trade mark)”.

10      Fl‑10 ta’ April 2013, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet is-suġġett ta’ adattament, li jikkonsisti f’li jiġi limitat il-qasam tal-protezzjoni ta’ din it-trade mark għal “Żraben bi tkaken għoljin (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi)”.

11      Van Haren, li twettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi kummerċ bl-imnut ta’ żraben, biegħet, matul is-sena 2012, żraben bi tkaken għoljin li l-pett tagħhom kien ta’ kulur aħmar.

12      Fis‑27 ta’ Mejju 2013, Christian Louboutin ressaq quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) azzjoni ta’ kontrafazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kontra Van Haren. Fis‑17 ta’ Lulju 2013, din il-qorti tat sentenza fil-kontumaċja, li permezz tagħha laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ Christian Louboutin.

13      Van Haren appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti ta’ rinviju, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), billi sostniet, fuq il-bażi tal-Artikolu 2.1(2) tal-Konvenzjoni Benelux, li t-trade mark ikkontestata kienet invalida. Skont Van Haren, din it-trade mark hija trade mark figurattiva bidimensjonali, jiġifieri superfiċji ta’ kulur aħmar.

14      Ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) tqis, l-ewwel nett, li, fid-dawl tar-rappreżentazzjoni grafika u tad-deskrizzjoni tat-trade mark kontenzjuża, il-kulur aħmar huwa marbut b’mod indissoċjabbli mal-pett ta’ żarbun, b’tali mod li din it-trade mark ma tistax tiġi kklassifikata bħala sempliċi trade mark figurattiva bidimensjonali. Skont il-qorti tar-rinviju, din l-evalwazzjoni ma hijiex invalidata miċ-ċirkustanza li d-deskrizzjoni tal-imsemmija trade mark tippreċiża li “il-kontorn taż-żarbun ma huwiex parti mit-trade mark”. Din il-kjarifika tikkonferma, għall-kuntrarju, din l-evalwazzjoni, peress li, skont l-imsemmija deskrizzjoni, il-kontorn taż-żarbun, li jidher fir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark kontenzjuża, għandu l-għan li jenfasizza l-pożizzjoni ta’ din it-trade mark u mhux li tiġi ridotta għal trade mark bidimensjonali.

15      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, sussegwentement, li, fil-ħarifa tal-2012, “parti kunsiderevoli tal-konsumaturi ta’ żraben għan-nisa bi tkaken għoljin, fil-Benelux, setgħet tidentifika ż-żraben ta’ [Christian Louboutin] bħala li joriġinaw minnu u għalhekk setgħet tiddistingwihom miż-żraben għan-nisa bi tkaken għoljin [li joriġinaw] minn impriżi oħra”, b’tali mod li, f’din id-data, għal dawn il-prodotti, it-trade mark kontenzjuża kienet ipperċepita bħala trade mark.

16      Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li l-pett aħmar jagħti valur sostanzjali liż-żraben mibjugħa minn Christian Louboutin sa fejn dan il-kulur jagħmel parti mid-dehra ta’ dawn iż-żraben, li għandu rwol importanti fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jinxtraw. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li Christian Louboutin beda juża l-kulur aħmar għall-pettijiet għal raġunijiet estetiċi, qabel ma beda jużah bħala identifikazzjoni ta’ oriġini u bħala trade mark.

17      Din il-qorti tindika fl-aħħar nett li, sa fejn it-trade mark kontenzjuża tikkonsisti f’kulur imqiegħed fuq il-pett ta’ żarbun, li jikkoinċidi għalhekk ma’ element tal-prodott, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 tapplikax għal din it-trade mark. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hijiex limitata biss għall-karatteristiċi tridimensjonali ta’ prodott, bħall-kontorn, id-dimensjonijiet u l-volum tiegħu, jew jekk tali kunċett jirrigwardax karatteristiċi oħra, mhux tridimensjonali, ta’ prodott.

18      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘għamla’, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-[Direttiva 2008/95] (fil-verżjoni Ġermaniża, fil-verżjoni Ingliża u fil-verżjoni Franċiża tad-Direttiva dwar it-trade marks, rispettivament: Form, shape u forme), huwa limitat għall-karatteristiċi tridimensjonali tal-prodotti, bħall-kontorni, il-kejl u l-volumi tagħhom (espressi tridimensjonalment) jew jinkludi karatteristiċi (mhux tridimensjonali) oħrajn tal-prodotti, bħall-kulur tagħhom?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa kkostitwit esklużivament minn “forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

20      F’dan ir-rigward, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva 2008/95, tal-kunċett ta’ “forma”, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ din il-kelma għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih hija tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19).

21      Fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks, il-kunċett ta’ “forma” normalment jinftiehem, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, fis-sens li jirreferi għal sensiela ta’ linji jew ta’ kontorni li tiddelimita l-prodott ikkonċernat f’termini ta’ spazju.

22      Ma jirriżulta la mid-Direttiva 2008/95, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mit-tifsira komuni ta’ din il-kelma li kulur fih innifsu, mingħajr delimitazzjoni f’termini ta’ spazju, jista’ jikkostitwixxi forma.

23      Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li kulur partikolari jiġi applikat fuq parti speċifika tal-prodott ikkonċernat ifissirx li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit minn forma, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm, ċertament, il-forma tal-prodott jew ta’ parti mill-prodott għandha rwol fid-delimitazzjoni tal-kulur f’termini ta’ spazju, madankollu ma jistax jitqies li sinjal huwa kkostitwit minn din il-forma meta r-reġistrazzjoni tat-trade mark ma tkunx intiża li tipproteġi tali forma, iżda biss l-applikazzjoni ta’ kulur fuq parti speċifika tal-imsemmi prodott.

25      Hekk kif osservaw il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, it-trade mark kontenzjuża ma tirreferix għal forma speċifika ta’ pett ta’ żraben bi tkaken għoljin, peress li d-deskrizzjoni ta’ din it-trade mark tindika espressament li l-kontorn taż-żarbun ma huwiex parti mill-imsemmija trade mark, iżda jservi biss sabiex jenfasizza l-pożizzjoni tal-kulur aħmar imsemmi fir-reġistrazzjoni.

26      Fi kwalunkwe każ, sinjal, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li huwa kkostitwit “esklużivament” mill-forma, meta, bħal f’dan il-każ, l-għan prinċipali ta’ dan is-sinjal huwa kulur speċifikat permezz ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni rrikonoxxut internazzjonalment.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkostitwit esklużivament mill-“forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li sinjal li jikkonsisti f’kulur applikat fuq il-pett ta’ żarbun b’takkuna għolja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkostitwit esklużivament mill-“forma”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.