Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-24/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, J. Norris u I. Naglis, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/1754 1 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi;

tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2019/1754 sa fejn dan jinkludi riferimenti għall-Istati Membri, jew, alternattivament, tannulla l-Artikolu 4 kollu kemm huwa jekk ir-riferimenti għall-Istati Membri ma jistgħux jiġu separati mill-kumplament tal-artikolu;

iżżomm l-effetti tal-partijiet tad-Deċiżjoni 2019/1754 li ġew annullati, b’mod partikolari kull użu tal-awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 3, implimentati qabel id-data tas-sentenza mill-Istati Membri li huma attwalment parti għall-Ftehim ta’ Lisbona tal-1958, sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli li ma għandux jaqbeż sitt xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza, ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lil Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 218(6) u 293(1) TFUE, tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi previst fl-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali u tad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr proposta tal-Kummissjoni.

It-tieni motiv, ippreżentat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 2(1) u 207 TFUE u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kunsill eċċeda s-setgħa tiegħu billi ta’ awtorizzazzjoni li hija ġenerali, permanenti u mhux iġġustifikata debitament.

____________

1 ĠU 2019, L 271, p. 12