Language of document : ECLI:EU:F:2011:141

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

15 taʼ Settembru 2011

Kawża F-62/10

Jürgen Esders

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Assenjazzjoni — Proċedura ta’ rotazzjoni 2010 — Artikolu 1d(1) u (4) tar-Regolamenti tal-Persunal — Deċiżjoni C/(2008) 3983 — Talba għal eżenzjoni mir-rotazzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa — Dmir taʼ premura — Deċiżjoni C/ (2004) 1318 — Akkomodazzjoni raġonevoli — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament — Diżabbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu J. Esders jitlob l-annullament tad-deċiżjoni, tas-27 taʼ Lulju 2010, tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Komunikazzjoni” tal-Kummissjoni li tassenjah mill-ġdid fi Brussell.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha, ħlief l-ispejjeż tar-rikorrent marbuta maż-żamma tas-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu marbuta maż-żamma tas-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Sistema ta’ rotazzjoni tal-uffiċjali assenjati fir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni

2.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Diskriminazzjoni — Dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni — Diżabbiltà — Obbligu li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli fil-qasam tal-impjieg — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, premessa 20, u l-Artikolu 5; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d(4))

3.      Uffiċjali — Dmir taʼ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Obbligu msaħħaħ fil-każ li tiġi affettwata s-saħħa tal-uffiċjal — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

4.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rotazzjoni obbligatorja tal-persunal

5.      Uffiċjali — Rikors — Motiv ibbażat fuq l-illegalità ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Possibbiltà li tiġi invokata irregolarità — Kundizzjoni

1.      Peress li r-regola stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tar-rotazzjoni tal-uffiċjali fir-rappreżentanzi, li tipprevedi l-formulazzjoni ta’ offerta ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tmien xhur qabel id-data li fiha sseħħ ir-rotazzjoni, hija fformulata b’mod kundizzjonat, hija ma hijiex strettament vinkolanti, iżda indikattiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din ir-regola ma jistax iwassal, minnu nnifsu, għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

Barra minn hekk, minkejja li din ir-regola tipprovdi li l-uffiċjali suġġetti għal rotazzjoni obbligatorja għandhom jiġu proposti impjieg li jikkorrispondi għall-profil tagħhom, dan il-kunċett partikolarment wiesa’ jkopri, ċertament, mhux biss il-kompetenzi miksuba diġà minn uffiċjal, iżda wkoll dawk li jistgħu jiġu żviluppati minnu abbażi tat-taħriġ tiegħu jew tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu.

(ara l-punti 60 u 61)

2.      Mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 1d(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, rigward il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, jista’ jiġi dedott li l-amministrazzjoni għandha tipprovdi akkomodazzjoni raġonevoli sabiex uffiċjal li jbati minn nuqqas ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet essenzjali marbuta mal-impjieg tiegħu. Għaldaqstant, minkejja li din id-deċiżjoni tipprovdi, fost l-akkomodazzjoni raġonevoli li tista’ tiġi stabbilita, il-possibbiltà li jinbidlu regoli jew prattiki, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għal regoli u prattiki li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ġestjoni tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam ma’ impjieg speċifiku li l-persuna li tbati minn nuqqas tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet essenzjali tiegħu permezz tal-akkomodazzjoni prevista. Għaldaqstant, il-fatt li uffiċjal jitħalla jiġi eżentat minn kull obbligu ta’ rotazzjoni, mingħajr eżami konkret tal-ħtiġijiet tal-impjieg ikkonċernat u tal-miżuri xierqa, u dan bħala akkomodazzjoni raġonevoli, imur lil hinn mir-rekwiżiti previsti permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Minbarra dan, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-qari tad-Direttiva 2000/78 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li ma tistax tiġi injorata fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li din ġiet adottata sabiex jiġi implementat l-Artikolu 1d(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ akkomodazzjoni raġonevoli f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 68, 70 u 71)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 taʼ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, punt 121; 4 taʼ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, F‑134/07 u F‑8/08, punt 115, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑325/09 P

3.      L-obbligi tal-amministrazzjoni li jirriżultaw mid-dmir ta’ premura huma msaħħa b’mod kunsiderevoli meta l-każ jittratta s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li s-saħħa fiżika jew mentali tiegħu tirriżulta affettwata. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-amministrazzjoni għandha teżamina t-talbiet tiegħu b’moħħ partikolarment miftuħ. Bl-istess mod, b’mod ġenerali huwa s-servizz mediku ta’ istituzzjoni, b’mod partikolari meta tinġibed l-attenzjoni tiegħu, mill-uffiċjal ikkonċernat innifsu, jew inkella mill-amministrazzjoni, għall-konsegwenzi allegatament dannużi li jista’ jkollha deċiżjoni amministrattiva fuq is-saħħa tal-persuna li lilha hija indirizzata, li għandu jivverifika r-realtà u l-portata tar-riskji invokati u li għandu jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra bir-riżultat tal-eżami tiegħu.

Huwa minnu li l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-uffiċjali għandha dejjem tkun limitata bl-osservanza tan-normi fis-seħħ, u b’hekk l-invokazzjoni tad-dmir ta’ premura kontra istituzzjoni ma tistax twassal lil din l-istituzzjoni sabiex tikser norma leġiżlattiva. Madankollu, istituzzjoni ma tistax teħles mill-obbligi kollha li jirriżultaw mid-dmir ta’ premura li hija għandha permezz ta’ deċiżjoni interna ta’ portata ġenerali, li tirregola b’mod strett l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjoni tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 80 sa 82)

Referenza:

Il-Qorti tal-PrimʼIstanza: 16 taʼ Marzu 1993, Blackman vs Il-Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, punt 96; 10 taʼ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il-Kummissjoni, T‑81/96; punti 90 u 91; 23 taʼ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u T‑109/99, punti 309 u 310

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 taʼ Ottubru 2010, U vs Il-Parlament, F‑92/09, punt 67; 17 taʼ Frar 2011, Strack vs Il-Kummissjoni, F‑119/07, punt 85

4.      Fir-rigward tal-allegat riskju għas-saħħa ta’ uffiċjal li huwa s-suġġett ta’ assenjazzjoni mill-ġdid obbligatorja u li jsegwi trattament terapewtiku fil-pajjiż ta’ assenjazzjoni tiegħu, jekk dijanjosi mogħtija fl-għamla ta’ ċertifikat minn tabib tgawdi minn preżunzjoni ta’ eżattezza, dan ma huwiex il-każ ta’ opinjoni mogħtija minn tabib dwar jekk huwiex possibbli li jiġi segwit tali trattament f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma jiġi stabbilit mill-inqas li l-imsemmi tabib wettaq xi tip ta’ eżami f’dan ir-rigward.

(ara l-punt 87)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 9 taʼ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punt 58

5.      Minkejja li argument ibbażat fuq aġir pożittiv tal-istituzzjoni jew fuq astensjonijiet, bħal ġestjoni ħażina tal-fajl tal-uffiċjal u l-għoti ta’ informazzjoni amministrattiva falza, jista’ jikkostitwixxi argument effettiv sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjoni minħabba irregolarità, ma huwiex rilevanti fil-kontenzjuż tal-legalità, għaliex irregolarità ma hijiex tali li twassal, minnha nfisha, għall-illegalità ta’ deċiżjoni, sakemm din l-irregolarità ma kellhiex effett fuq il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

(ara l-punt 92)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 taʼ Diċembru 2010, Ezerniece Liljeberg et vs Il-Kummissjoni, F‑83/05, punt 105