Language of document : ECLI:EU:C:2019:254

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Proprjetà immobbli ta’ investiment – Bejgħ u kiri (sale and lease back) – Aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT – Prinċipju ta’ newtralità tal-VAT – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑201/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Mydibel SA

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mydibel SA, minn W. Huber, avocat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14, 15, 168, 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat‑22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mydibel SA, minn naħa, u l-État belge (l-Istat Belġjan), min-naħa l-oħra, dwar l-aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“1.      ‘Provvista ta’ merkanzija’ [kunsinna ta’ oġġetti] għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2.      Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:

(a)      it-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens.

(b)      il-konsenja materjali ta’ merkanzija skond kuntratt għall-kiri ta’ merkanzija għal ċertu żmien, jew għall-bejgħ ta’ merkanzija magħmul bi ħlas akkont, li jipprovdi li normalment proprjeta’ għandha tgħaddi mhux aktar tard minn meta jsir l-aħħar ħlas akkont;

(ċ)      it-trasferiment ta’ merkanzija skond kuntratt li bih titħallas kummissjoni meta jsir xiri jew bejgħ.

3.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-għotja ta’ ċertu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bħala provvista ta’ merkanzija.”

4        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-elettriku, il-gass, l-enerġija għat-tisħin jew għat-tkessiħ u affarijiet simili għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetà tanġibbli.

2.      L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw dan li ġej bħala proprjetà tanġibbli:

(a)      ċerti interessi fi proprjetà immobbli;

(b)      drittijiet in rem li jagħtu lit-titulari dritt li juża l-proprjetà immobbli;

(ċ)      ishma jew interessi ekwivalenti għall-ishma li jagħtu lit-titulari tagħhom drittijiet de jure jew de facto ta’ sid jew pussess fuq il-proprjetà immobbli jew parti minnha.”

5        L-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

(b)      il-VAT dovuta rigward transazzjonijiet trattati bħala provvisti ta’ merkanzija [kunsinni ta’ oġġetti] jew servizzi skond l-Artikolu 18(a) u l-Artikolu 27;

(ċ)      il-VAT dovuta rigward akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skond l-Artikolu 2(1)(b)(i);

(d)      il-VAT dovuta fuq transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji skond l-Artikoli 21 u 22;

(e)      taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru.”

6        Taħt il-Kapitolu 5, intitolat “Aġġustament tat-tnaqqis”, tat-Titolu X tad-Direttiva dwar il-VAT, hemm l-Artikoli 184 sa 189 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 184 tal-imsemmija direttiva jispeċifika:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

7        L-Artikolu 185 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal–proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

8        Skont l-Artikolu 186 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185.”

9        L-Artikolu 187 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Fil–każ ta’ merkanzija kapitali [proprjetà immobbli ta’ investiment], l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluża dik meta l-merkanzija kienet akkwistata jew iffabbrikata.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perijodu ta’ ħames snin sħaħ li jibda miż-żmien meta l-merkanzija hija użata għall-ewwel darba.

Fil–każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala merkanzija kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

2.      L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tal-VAT imposta fuq il-merkanzija kapitali, jew, jekk il-perijodu ta’ referenza ġie estiż, fir-rigward tal-frazzjoni korrispondenti tiegħu.

L-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir abbażi tal-varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija kienet akkwistata, iffabbrikata jew, fejn hu xieraq, użata għall-ewwel darba.”

10      L-Artikolu 188 tal-istess direttiva jippreċiża:

“1.      Jekk ipprovduta matul il-perijodu ta’ aġġustament, merkanzija kapitali [proprjetà immobbli ta’ investiment] għandha tiġi trattata bħallikieku kienet applikata għal attività ekonomika tal-persuna taxxabbli sa l-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament.

L-attività ekonomika għandha tiġi preżunta bħala kompletament intaxxata f’każijiet fejn il-provvista tal-merkanzija [kunsinna tal-oġġett] hi ntaxxata.

L-attività ekonomika għandha tkun preżunta bħala kompletament eżenti f’każijiet fejn il-provvista tal-merkanzija kapitali hija eżentati.

2.      L-aġġustament previst fil-paragrafu 1għandu jsir darba biss fir-rigward tal-perijodu kollu kopert mill-perijodu ta aġġustament li għad irid jiġi kopert. Madanakollu, fejn il-provvista ta’ merkanzija kapitali hi eżenti, l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw l-ħtieġa għall-aġġustament sa kemm ix-xerrej hu persuna taxxabbli li juża’ l-merkanzija kapitali in kwistjoni biss għal transazzjonijiet li għalihom il-VAT tista’ titnaqqas.”

11      L-Artikolu 189 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 187 sa 191, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)      jiddefinixxu l-kunċett ta’ merkanzija kapitali [proprjetà immobbli ta’ investiment];

(b)      jispeċifikaw l-ammont tal-VAT li jrid jittieħed in konsiderazzjoni għall-aġġustament;

(ċ)      jaddottaw kalunkwe miżuri xierqa biex jiżguraw li l-aġġustament ma jwassalx għal kwalunkwe vantaġġ mhux ġustifikat;

(d)      jippermettu simplifikazzjonijet amministrattivi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Mydibel twettaq l-attività ta’ produzzjoni ta’ derivattivi tal-patata u hija, għalhekk, suġġetta għall-VAT. Hija l-proprjetarja ta’ diversi proprjetajiet immobbli li għalihom hija naqqset kompletament it-taxxi imposti fuq il-fatturi ta’ kostruzzjoni, ta’ trasformazzjoni jew ta’ rinnovazzjoni.

13      Fl‑1 ta’ Ottubru 2009, sabiex iżżid il-likwidità tagħha, Mydibel kkonkludiet ma’ żewġ istituzzjonijiet finanzjarji tranżazzjonijiet ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura), mhux suġġetti għall-VAT, li jirrigwardaw dawn il-proprjetajiet immobbli, maqsuma f’żewġ lottijiet. Għal kull lott, Mydibel ikkonkludiet żewġ ftehimiet ma’ dawn l-istituzzjonijiet permezz ta’ atti notarili. Minn naħa, hija kkonkludiet ftehim għal kostituzzjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi fuq l-imsemmija proprjetajiet immobbli għall-benefiċċju tal-imsemmija istituzzjonijiet, għal perijodu ta’ 99 sena, bi ħlas ta’ tariffa immedjata ta’ EUR 9 630 000 għall-ewwel lott u ta’ EUR 2 700 000 għat-tieni lott, kif ukoll ċens annwali ta’ EUR 25. Min-naħa l-oħra, hija kkonkludiet ftehim għal leasing ta’ proprjetà immobbli li jirrigwarda l-istess proprjetajiet immobbli, li permezz tiegħu dawn l-istess istituzzjonijiet ikkonċedew lil Mydibel l-użu tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni għal perijodu mhux revokabbli ta’ 15-il sena, bi ħlas ta’ kera kull tliet xhur, li tikkorrispondi għal valur ta’ investiment ta’ EUR 9 630 000 għall-ewwel lott u għal EUR 2 700 000 għat-tieni lott, miżjuda bl-interessi. Skont dan l-aħħar ftehim, Mydibel tibbenefika, fl-iskadenza tat-terminu tal-kirja, minn opzjoni ta’ xiri għal prezz li jikkorrispondi għal 10 % tal-valur ta’ investiment għall-ewwel lott u għal 3 % ta’ dan il-valur għat-tieni lott.

14      Wara kontroll fiskali, imwettaq fil‑11 ta’ Mejju u fit‑8 ta’ Ġunju 2012 u li jkopri l-perjodu mill‑1 ta’ Jannar 2009 sal‑31 ta’ Diċembru 2010, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana rrifjutat, abbażi tal-mekkaniżmu tar-reviżjoni, it-tnaqqis tal-VAT inizjalment imwettaq fuq il-proprjetajiet immobbli inkwistjoni minħabba l-imsemmija tranżazzjonijiet ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura).

15      Avviż ta’ aġġustament ġie ppreżentat fit‑18 ta’ Settembru 2012 għal approvazzjoni minn Mydibel u proċess verbal ġie stabbilit fit‑22 ta’ Novembru 2013 u nnotifikat, fl-istess data, flimkien mad-deċiżjoni ta’ aġġustament. Din id-deċiżjoni tal-aħħar tirrigwarda, l-ewwel nett, ammont ta’ EUR 981 381.28 għal żbalji ta’ tnaqqis tal-VAT, it-tieni nett, multa proporzjonali ta’ EUR 98 130, u, it-tielet nett, interessi moratorji mill‑21 ta’ Jannar 2011. Permezz ta’ tnaqqis fuq il-bilanċ tal-kreditu tal-kont kurrenti tal-VAT ta’ Mydibel, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana rċeviet, bħala ħlas tal-ammont tal-aġġustament, is-somma totali ta’ EUR 1 363 971.20.

16      Fl‑1 ta’ April 2014, Mydibel ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ aġġustament u tal-proċess verbal tat‑22 ta’ Novembru 2013 quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Hainaut (il-Belġju).

17      Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Hainaut iddikjarat dan ir-rikors ammissibbli u parzjalment fondat. Hija ddeċidiet li l-multa ma kinitx dovuta, u kkundannat lill-État belge (l-Istat Belġjan) għar-rimbors lil Mydibel tal-ammonti kollha rċevuti minħabba l-annullament tal-multa, miżjuda bl-interessi moratorji u ċaħdet it-talbiet l-oħra ta’ Mydibel.

18      Fl‑4 ta’ Marzu 2016, Mydibel appellat minn din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Mons (il-Belġju).

19      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT jimponux obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk tali aġġustament huwiex konformi mal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Appell ta’ Mons iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)]      L-Artikoli 14, 15, 168, 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod li jkun hemm jew le reviżjoni/regolarizzazzjoni [aġġustament] tal-VAT fuq proprjetà immobbli ta’ investiment li inizjalment ġiet dedotta b’mod korrett, meta din il-proprjetà immobbli ta’ investiment kienet is-suġġett ta’ tranżazzjoni ‘sale and lease back’ (bejgħ u kiri lura), premess illi:

–        is-‘sale lease back’ jinħoloq bl-għoti konġunt u simultanju ta’ dritt ta’ enfitewsi (bħala dritt reali temporanju) mill-persuna taxxabbli lil żewġ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ leasing minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji lill-persuna taxxabbli;

–        din it-tranżazzjoni ‘sale lease back’ tikkostitwixxi tranżazzjoni purament finanzjarja sabiex iżżid l-assi likwidi tal-persuna taxxabbli;

–        it-tranżazzjoni ‘sale and lease back’ (bejgħ u kiri lura) ma hijiex suġġetta għall-VAT;

–        il-proprjetà immobbli ta’ investiment baqgħet fil-pussess tal-persuna taxxabbli u intużat għall-attività taxxabbli tal-persuna taxxabbli b’mod mhux interrott u fit-tul, kemm qabel kif ukoll wara t-tranżazzjoni.

[2]      Interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dispożizzjonjiet imsemmija iktar ’il fuq li jwasslu għal reviżjoni/regolarizzazzjoni tal-VAT inizjalment dedotta, huma konformi mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT u/jew il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu obbligu ta’ aġġustament tal-VAT imposta fuq proprjetà immobbli li inizjalment tnaqqset b’mod korrett, meta din il-proprjetà kienet is-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) mhux suġġetta għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22      L-Artikoli 184 u 185 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdu b’mod ġenerali l-kundizzjonijiet meta l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali għandha teżiġi aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa. Għall-kuntrarju, l-Artikoli 187 sa 189 ta’ din id-direttiva jipprevedu regoli speċifiċi dwar l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT f’dak li jirrigwarda l-proprjetajiet immobbli ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2018, SEB bankas, C‑532/16, EU:C:2018:228, punti 25 sa 28).

23      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati bħala “proprjetajiet immobbli ta’ investiment”, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika abbażi tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 189(a) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-kunċett ta’ “proprjetajiet immobbli ta’ investiment”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett ikopri l-oġġetti li, użati għall-finijiet ta’ attività ekonomika, jiddistingwu ruħhom minħabba n-natura dejjiema u l-valur tagħhom, li jimplika li l-ispejjeż ta’ xiri ma humiex normalment ikkontabilizzati bħala spejjeż kurrenti, iżda huma amortizzati matul diversi snin (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C‑118/11, EU:C:2012:97, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT huwiex impost skont l-Artikoli 184 u 185 tal-istess direttiva.

25      Mill-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li t-tnaqqis inizjali tal-VAT għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli tkun intitolata. Skont l-Artikolu 185 ta’ din id-direttiva, l-aġġustament għandu jsir b’mod partikolari meta l-fatturi li jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont li għandu jitnaqqas jinbidlu wara li tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni tal-VAT.

26      Fir-rigward tal-eventwali impatt, fuq it-tnaqqis tal-VAT imwettaq minn persuna taxxabbli, ta’ avvenimenti li jseħħu sussegwentement għal dan it-tnaqqis, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu magħmul mill-oġġetti jew mis-servizzi, jew li jkun maħsub li jsir minnhom, jiddetermina l-portata tat-tnaqqis inizjali li l-persuna taxxabbli hija intitolata li twettaq kif ukoll il-portata tal-eventwali aġġustamenti matul il-perijodi sussegwenti (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kollroß u Wirtl, C‑660/16 u C‑661/16, EU:C:2018:372, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst fl-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva dwar il-VAT jifforma parti integrali mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva. Dan huwa maħsub sabiex tittejjeb il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’tali mod li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet imwettqa fi stadju preċedenti jibqgħu jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis biss sa fejn iservu sabiex jiġu pprovduti s-servizzi suġġetti għal din it-taxxa. Dan il-mekkaniżmu għandu għalhekk l-għan li jistabbilixxi relazzjoni stretta u diretta bejn id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati għal tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kollroß u Wirtl, C‑660/16 u C‑661/16, EU:C:2018:372, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntużaw minn Mydibel b’mod mhux interrott u fit-tul għall-attivitajiet professjonali tagħha. Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni, għalkemm it-tranżazzjonijiet ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) inkwistjoni fil-kawża prinċipali taw lok għall-ħlas ta’ tariffa immedjata lil Mydibel, din il-kumpannija, min-naħa tagħha, impenjat ruħha li tħallas lill-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati kera kull tliet xhur matul perijodu ta’ 15-il sena li l-ammont totali tagħha jikkorrispondi għal dak ta’ din it-tariffa miżjud b’interessi. Jidher għalhekk li l-imsemmija kumpannija kompliet tuża t-tranżazzjonijiet imwettqa għall-finijiet tal-kostruzzjoni, tat-trasformazzjoni jew tar-rinnovazzjoni tal-proprjetajiet immobbli inkwistjoni għat-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli tagħha. Din il-konstatazzjoni tindika, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-assenza ta’ bdil tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis li twettaq wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT.

29      Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, is-sempliċi kostituzzjoni ta’ dritt ta’ enfitewsi mhux suġġett għall-VAT ma tistax tiġi kkunsidrata bħala bidla tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont li għandu jitnaqqas li seħħet wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT. Fil-fatt, tali kostituzzjoni ma għandhiex fiha nnifisha l-effett li tinterrompi relazzjoni stretta u diretta bejn id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati għal tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli.

30      Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 184 u 185 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jimponux aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jaqgħux taħt regoli speċifiċi għall-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT f’dak li jikkonċerna l-proprjetajiet immobbli ta’ investiment u, b’mod partikolari, l-Artikoli 187 u 188 tad-Direttiva dwar il-VAT.

32      L-Artikolu 187 ta’ din id-direttiva jiddeskrivi ċerti modalitajiet ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT f’dak li jikkonċerna l-proprjetajiet immobbli ta’ investiment. B’mod partikolari, mill-Artikolu 187(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, fir-rigward ta’ tali oġġetti, l-aġġustament jitwettaq matul perijodu ta’ ħames snin, liema perijodu jista’ jiġi estiż sa għoxrin sena fil-każ tal-proprjetajiet immobbli ta’ investiment.

33      Skont l-Artikolu 188(1) tal-istess direttiva, fil-każ ta’ kunsinna waqt il-perijodu ta’ aġġustament, il-proprjetà immobbli ta’ investiment għandha titqies bħallikieku kienet applikata għal attività ekonomika tal-persuna taxxabbli sal-iskadenza tal-perijodu ta’ aġġustament.

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jkopri kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, PPUH Stehcemp, C‑277/14, EU:C:2015:719, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina f’kull każ individwali, skont il-fatti tal-każ, jekk tranżazzjoni partikolari fir-rigward ta’ oġġett tinvolvix it-trasferiment tas-setgħa ta’ proprjetarju li jiddisponi minn proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Centralan Property, C‑63/04, EU:C:2005:773, punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha kull indikazzjoni utli f’dan ir-rigward.

36      Għandu jiġi kkonstatat li t-tranżazzjonijiet ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkaratterizzati mill-għoti konġunt u fl-istess ħin, minn naħa, ta’ dritt ta’ enfitewsi mill-persuna taxxabbli liż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, minn leasing ta’ proprjetà immobbli minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet lill-persuna taxxabbli.

37      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-għoti tad-dritt ta’ enfitewsi u tal-leasing ta’ proprjetà immobbli għandhomx jiġu kkunsidrati separatament jew flimkien.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li jkun hemm servizz uniku meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li x-xoljiment tagħha jkun artifiċjali (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-elementi li jitressqu quddiemha jindikawx l-eżistenza ta’ tranżazzjoni unika, indipendentement mill-istruttura kuntrattwali tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 54).

40      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tranżazzjonijiet ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu tranżazzjonijiet purament finanzjarji intiżi sabiex tiżdied il-likwidità ta’ Mydibel u li l-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħu fil-pussess ta’ din tal-aħħar, li użathom b’mod mhux interrott u fit-tul għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Dawn il-fatti jidhru li jindikaw, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li kull waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet tikkostitwixxi tranżazzjoni unika, peress li l-kostituzzjoni tad-dritt ta’ enfitewsi li jirrigwarda l-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inseparabbli mill-leasing tal-proprjetà immobbli li jirrigwarda l-istess oġġetti.

41      Minn dan isegwi li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, kull tranżazzjoni ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tranżazzjoni unika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn it-tranżazzjonijiet ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “kunsinna ta’ oġġetti” sa fejn id-drittijiet ittrasferiti lill-istituzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali sussegwentement għall-imsemmija tranżazzjonijiet, jiġifieri d-drittijiet ċivili ta’ enfitewsi mnaqqsa bid-drittijiet li ġejjin mill-leasing ta’ proprjetà immobbli li hija l-proprjetarja tagħhom Mydibel, ma jawtorizzawhomx sabiex jiddisponu mill-proprjetajiet immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħallikieku kienu l-proprjetarji tagħhom.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 187 u 188 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jimponux aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt nazzjonali rilevanti, l-Artikoli 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux obbligu ta’ aġġustament tal-VAT imposta fuq proprjetà immobbli li inizjalment tnaqqset b’mod korrett, meta din il-proprjetà kienet is-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) mhux suġġetta għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk interpretazzjoni tal-Artikoli 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva dwar il-VAT fis-sens li huma jimponu obbligu ta’ aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

45      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, it-tieni domanda tqum biss jekk il-qorti tar-rinviju, wara l-verifika, kellha tqis li t-tranżazzjonijiet ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu bidla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis li jkun twettaq wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-VAT, fis-sens tal-Artikolu 185 tad-Direttiva dwar il-VAT, jew kunsinna, fis-sens tal-Artikolu 188 ta’ din id-direttiva, u li, għaldaqstant, ikun jeżisti obbligu ta’ aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

46      Issa, tali obbligu ta’ aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa huwa, fi kwalunkwe każ, konformi mal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

47      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, persuna taxxabbli li tkun ikkonkludiet tali tranżazzjoni mhux suġġetta għall-VAT u li tirrigwarda proprjetà immobbli li hija tkun proprjetarju tagħha ma tinsabx, mill-perspettiva tal-VAT, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna taxxabbli li tkun baqgħet proprjetarju ta’ proprjetà immobbli b’mod mhux interrott mit-twettiq tax-xogħlijiet li jkunu taw lok għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li interpretazzjoni tal-Artikoli 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva dwar il-VAT fis-sens li huma jimponu obbligu ta’ aġġustament tal-VAT inizjalment imnaqqsa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt nazzjonali rilevanti, l-Artikoli 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat22 ta’ Diċembru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux obbligu ta’ aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq proprjetà immobbli li inizjalment tnaqqset b’mod korrett, meta din il-proprjetà kienet is-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ sale and lease back (bejgħ u kiri lura) mhux suġġetta għall-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2)      Interpretazzjoni tal-Artikoli 184, 185, 187 u 188 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/162, fis-sens li huma jimponu obbligu ta’ aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) inizjalment imnaqqsa f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.