Language of document : ECLI:EU:F:2013:171

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑104/12

Ingo Hanschmann

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Rifjut li jingħata kuntratt għal żmien indeterminat — Annullament mit-Tribunal — Eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu I. Hanschmann jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 li permezz tiegħu l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) allokalu s-somma ta’ EUR 13 000 bil-għan li tiġi eżegwita s-sentenza tat-Tribunal tad-29 ta’ Ġunju 2010, Hanschmann vs Europol (F‑27/09, iktar ʼil quddiem is-“sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010”).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija alloka lil I. Hanschmann is-somma ta’ EUR 13 000 sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-29 ta’ Ġunju 2010, Hanschmann vs Europol (F‑27/09), hija annullata. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn I. Hanschmann.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Diffikultajiet partikolari — Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li rriżulta għar-rikorrent mill-att annullat — Kundizzjonijiet

(Artikolu 266 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

Ir-regoli dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ annullament għandhom jinqraw ukoll, fir-rigward b’mod partikolari ta’ sentenza fil-qasam tas-servizz pubbliku, fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari fid-dawl tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, dwar id-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni.

Huwa biss meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament tippreżenta diffikultajiet partikolari li l-istituzzjoni kkonċernata tkun tista’ tadotta kull deċiżjoni ta’ natura li tikkumpensa b’mod ġust l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuni milquta mid-deċiżjoni annullata u tista’, f’dan il-kuntest, tistabbilixxi djalogu magħhom bil-għan li tipprova tilħaq ftehim li jkun joffrilhom kumpens ġust għall-illegalità li huma sfaw vittmi tagħha.

Meta sentenza tal-qorti tal-Unjoni tannulla deċiżjoni tal-amministrazzjoni minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża, hija l-amministrazzjoni kkonċernata li għandha turi li hija adottat il-miżuri kollha possibbli li jistgħu jinnewtralizzaw l-effetti ta’ din l-illegalità kkonstatata mill-qorti. Għaldaqstant, l-amministrazzjoni ma tistax sempliċement tikkonferma li ma għadux possibbli li l-vittma ta’ dan il-ksur ta’ dritt fundamentali titpoġġa fil-kundizzjonijiet li fihom tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha tad-difiża, b’mod partikolari minħabba deċiżjonijiet li adottat hija stess sussegwentement, fl-istess qasam. L-aċċettazzjoni ta’ tali aġir twassal sabiex tiżvesti minn kull sustanza l-obbligu li jiġi żgurat fl-ewwel lok ir-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża u li tiġi eżegwita s-sentenza li tikkonstata l-ksur tagħhom. Huwa biss meta, għal raġunijiet mhux imputabbli lill-amministrazzjoni kkonċernata, ikun oġġettivament diffiċli, u anki impossibbli, li jiġu nnewtralizzati l-effetti tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ssanzjonat mis-sentenza ta’ annullament li din tal-aħħar tkun tista’ tagħti lok għal ħlas kumpensatorju.

(ara l-punti 38, 39 u 50)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata