Language of document : ECLI:EU:F:2011:181

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Novembru 2011

Kawża F-20/09

Marc Juvyns

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2008 — Eżami komparattiv tal-merti — Proċedura bbażata fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni 2005/2006 — Kriterju tal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Juvyns essenzjalment jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jiġix promoss għall-grad AST 7 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2008.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Kunsill.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Motivi u argumenti li ma jidhrux fl-ilment, iżda li huma relatati strettament miegħu — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Modalitajiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Anness XIII, Artikolu 10)

3.       Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

5.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25 u 45)

1.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel u r-rikors ma tistax tapplika ħlief fl-ipoteżi fejn ir-rikors jibdel is-suġġett tal-kawża, hekk kif ippreżentat fl-ilment, jew il-kawża tat-tilwima, fejn dan l-aħħar kunċett ta’ “kawża” tat-tilwima għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’.

Fir-rigward ta’ talbiet għal annullament imressqa kontra att tal-amministrazzjoni, b’“motiv tat-tilwima” għandha tinftiehem il-kontestazzjoni tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu.

(ara l-punt 41)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 119

2.      Fir-rigward tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST, l-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi rati tal-multiplikazzjoni ta’ referenza sabiex jiġi stabbilit in-numru ta’ pożizzjonijiet vakanti għal kull grad, li jvarjaw skont l-iżvolġiment differenti ta’ karriera. Filwaqt li l-amministrazzjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ dawn ir-rati, huwa korrett li l-Awtorità tal-Ħatra tqabbel fosthom il-merti tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST li jaqgħu unikament taħt l-istess żvolġiment ta’ karriera.

F’dan ir-rigward, il-paragun tal-merti, għall-bżonnijiet tal-proċedura ta’ promozzjoni, tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST skont l-iżvolġiment tal-karriera ma jiksirx l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponi eżami komparattiv tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, peress illi l-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jidderoga, inkwantu liġi speċjali, mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 42, 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja; 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C-443/07 P, punt 107, li tikkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punt 129

3.      Jekk ir-rapport ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi element indispensabbli ta’ evalwazzjoni kull darba li l-karriera ta’ uffiċjal tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna promozzjoni tiegħu, l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponix l-istabbiliment ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ħlief kull sentejn. Peress illi ma jipprevedix li l-proċedura ta’ promozzjoni għandha jkollha l-istess perjodiċità bħall-proċedura ta’ evalwazzjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jeskludux li l-promozzjoni tista’ tiġi deċiża mingħajr ma l-Awtorità tal-Ħatra jkollha f’idejha rapport ta’ evalwazzjoni reċenti.

Issa, fid-dawl tal-fatt li la r-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ir-regoli interni tal-istituzzjoni ma jimponu sinkronizzazzjoni bejn il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni u li l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex torganizza l-proċedura ta’ promozzjoni, anki jekk huwa mistenni li l-amministrazzjoni għandha tagħmel mezz li jkollha f’idejha r-rapporti ta’ evalwazzjoni l-iktar reċenti sabiex tiddeċiedi promozzjonijiet, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, eċċezzjonalment, ta’ dawn ir-rapporti ma tikkostitwixxix illegalità, partikolarment, meta l-uffiċjali kollha li jistgħu jiġu promossi ġew ikkunsidrati b’mod identiku.

Dan huwa għaldaqstant iktar il-każ meta din l-assenza ta’ rapport ta’ evalwazzjoni hija dovuta għall-iżvolġiment normali tal-proċedura ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 45 sa 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il‑Kummissjoni, C‑68/91, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Novembru 2001, Sebastiani vs Il‑Kummissjoni, T‑194/99, punti 45, 46 u 49

4.      Fid-dawl tan-numru mnaqqas ta’ pożizzjonijiet baġitarji disponibbli, istituzzjoni tista’ fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, legalment tieħu inkunsiderazzjoni, sussidjarjament, il-perijodu ta’ attività effettiv ta’ uffiċjali u tippromwovi skont il-prijorità, fid-dawl ta’ merti oħra kkunsidrati indaqs, uffiċjali oħra li jkunu żguraw eżekuzzjoni oġġettivament iktar konsistenti tad-dmirijiet tagħhom u għalhekk servew, b’mod nettament iktar wiesa’ mill-persuna kkonċernata, il-kontinwità u, għaldaqstant, l-interess tas-servizz matul il-perijodu ta’ referenza.

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-assenzi tal-uffiċjali fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, l-amministrazzjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti n-numru ta’ ġranet ta’ leave skont raġunijiet ta’ dawn l-assenzi.

(ara l-punti 50 u 53)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ April 2005, Nielsen vs Il‑Kunsill, T‑353/03, punti 76 u 77

5.      Jekk l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex l-obbligu li tindika fid-deċiżjonijiet ta’ nuqqas ta’ promozzjoni l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha, min-naħa l-oħra, hija għandha l-obbligu li tagħti din il-motivazzjoni fl-istadju taċ-ċaħda tal-ilment ta’ kandidat mhux promoss.

Fil-fatt, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarju jista’ jkollu sabiex jirċievi spjegazzjonijiet. Għalhekk, fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura li taffettwa numru kbir ta’ individwi, bħal proċedura ta’ promozzjoni, ma jistax jiġi mitlub mill-Awtorità tal-Ħatra li hija timmotiva d-deċiżjoni tagħha fl-okkażjoni taċ-ċaħda tal-ilment lil hinn mit-talbiet invokati f’dan l-ilment, billi tispjega b’mod partikolari għal liema raġunijiet kull wieħed mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kellu merti ogħla minn dawk tal-awtur tal-ilment.

(ara l-punti 66 u 70)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Jannar 1995, Pierrat vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑60/94, punti 31 u 32, 27 ta’ April 1999, Thinus vs Il‑Kummissjoni T‑283/97, punt 73; 25 ta’ Ottubru 2005, Salazar Brier vs Il‑Kummissjoni, T‑83/03, punt 78; 23 ta’ Novembru 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑422/04, punt 69

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il‑Parlament, F‑81/07, punt 27