Language of document : ECLI:EU:C:2017:765

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura – Żamma ta’ seduta”

Fil-Kawża C‑163/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il‑Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura

Christian Louboutin,

Christian Louboutin SAS

vs

Van Haren Schoenen BV,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Levits u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni bejn Christian Louboutin u Christian Louboutin SAS u Van Haren Schoenen BV, rigward il-kummerċjalizzazzjoni minn din l-aħħar kumpannija ta’ żraben li tippreġudika t-trade mark irreġistrata mir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali mal-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali.

3        Fit-28 ta’ Frar 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja l-kawża quddiem id-Disa’ Awla. Is-seduta seħħet fis-6 ta’ April 2017, l-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fit-22 ta’ Ġunju 2017, u wara l-fażi orali tal-proċedura ġiet magħluqa.

4        Billi qieset li l-kawża qajmet kwistjonijiet ta’ prinċipju li jmissu d-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ trade marks, id-Disa’ Awla ddeċidiet, fit-13 ta’ Settembru 2017, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi assenjata mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti ikbar skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

5        Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja mill-ġdid din il-kawża lill-Awla Manja.

6        Għalhekk, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, hemm lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura u li l-partijiet jissejħu sabiex jattendu seduta ġdida.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna:

1)      Il-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża C163/16 hija miftuħa mill-ġdid.

2)      Id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali hija ffissata sussegwentement.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.