Language of document : ECLI:EU:F:2014:159

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

12 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑49/14 R

DQ et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew talba għal miżuri provviżorji”

Suġġett:      Talba magħmula skont l-Artikoli 278 TFUE u 157 EA, kif ukoll skont l-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha DQ u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness jitolbu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji: l-ewwel nett, “jannulla” d-deċiżjoni b’data mhux magħrufa li taħtar lid-Direttur tad-Direttorat għall-Interpretazzjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Interpretazzjoni u Konferenzi” tal-Parlament Ewropew bħala l-evalwatur inizjali għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 dwar is-sena 2013 (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ evalwazzjoni 2014”); it-tieni nett, “jissospendi” l-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 sakemm tingħalaq il-proċedura mibdija skont l-Artikolu 24 tal-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”); it-tielet nett, “jiżgura” l-kunfidenzjalità tal-inkjesta mibdija wara t-talba tagħhom skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti; ir-raba’ nett, jordna “is-sospensjoni immedjata” tal-kap tal-unità tal-interpretazzjoni Ungeriża tad-Direttorat tal-Interpretazzjoni tal-Parlament (iktar ’il quddiem l-“unità Ungeriża”); il-ħames nett, li “jitlob lill-Parlament jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol, billi fost l-oħrajn, javża s-servizz ta’ sigurtà kompetenti”.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji ta’ DQ u tar-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Ġurisdizzjoni tal-Imħallef għall-miżuri provviżorji – Għoti ta’ ordnijiet ta’ natura provviżorja

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE ; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102)

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – “Fumus boni juris” – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE ; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Mill-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa biss li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura. Konsegwentement, dawn il-proċeduri għandhom natura purament anċillari fir-rigward tal-proċedura prinċipali li fuqha hija msejsa, b’tali mod li d-deċiżjoni meħuda mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollha natura provviżorja fis-sens li la għandha tippreġudika d-direzzjoni futura tad-deċiżjoni fuq il-mertu u lanqas trendiha illużorja billi ċċaħħadha minn effett utli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għall-annullament tan-nomina tad-Direttur tad-Direttorat għall-Interpretazzjoni bħala evalwatur inizjali għal proċedura ta’ evalwazzjoni ma għandhiex natura provviżorja u għalhekk teċċedi l-kompetenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji.

(ara l-punti 13 u 14)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795punt 37

Il-Qorti tal-Prim Istanza: Alstom vs Il-Kummissjoni, T‑164/12 R, EU:T:2012:637punt 30

2.      Nuqqas ta’ imparzjalità u ksur tad-dmir ta’ assistenza ma jistgħux jitqiesu li jesponu, ipso facto, lil rikorrent għal riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli, inkella jintrabtu flimkien il-fumus boni juris u l-urġenza, filwaqt li mill-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta b’mod ċar li dawn huma żewġ kundizzjonijiet distinti.

(ara l-punt 20)