Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Namur (il-Belġju) fil-15 ta’ Novembru 2019 – C.J. vs Ir-Reġjun ta’ Wallonie

(Kawża C-830/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance de Namur

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: C.J.

Konvenut: Ir-Reġjun ta’ Wallonie

Domanda preliminari

L-Artikoli 2, 5 u 19 tar-Regolament (UE) Nru°1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji 2 , jipprekludu li, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-ażjenda kollha u mhux biss sehem il-bidwi żagħżugħ fiha u/jew l-unitajiet ta’ xogħol (UX) sabiex jiġu ddeterminati l-limiti minimi u massimi meta l-ażjenda agrikola tkun organizzata taħt forma ta’assoċjazzoni de facto li minnha l-bidwi żagħżugħ jakkwista sehem indiviż u jsir il-kap tal-ażjenda iżda mhux b’mod eżklużiv?

____________

1 ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1.

2 ĠU 2014, L 227, p. 1.