Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (l-Awstrija) fit-8 ta’ Frar 2019 – VO vs Bezirkshauptmannschaft Tulln

(Kawża C-96/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Niederösterreich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: VO

Konvenuta: Bezirkshauptmannschaft Tulln

Domandi preliminari

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 1 , b’mod partikolari l-aħħar sentenza tal-Artikolu 34(3) u l-Artikolu 36(2) tiegħu, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi regoli nazzjonali li jeżiġu minn sewwieqa ta’ vetturi li huma mgħammra b’takografu diġitali fis-sens tal-Artikolu 2(2)(h) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 li jżommu abbord u jipproduċu, matul kontrolli, konfermazzjonijiet mill-persuna li timpjega, li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-formola mħejjija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/22/KE 2 , għal jiem tax-xogħol individwali li jkunu nieqsa mill-kard tas-sewwieq (Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014), li għalihom, madankollu, ebda folji ta’ reġistrazzjoni ma huma meħtieġa li jinżammu abbord?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Il-formola stipulata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2009/959/UE 3 tagħha hija totalment jew parzjalment invalida?

____________

1     Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1).

2     Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35).

3     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2007/230/KE dwar formola li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni soċjali marbuta mal-attivitajiet tat-trasport bit-triq (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9895) (ĠU 2009, L 330, p. 80).