Language of document :

Rikors ippreżentat fl-21 ta’ Novembru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-849/19)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar, C. Hermes)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma adottatx, fit-termini previsti, il-miżuri neċessarji kollha sabiex tistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni xierqa għal dak li jirrigwarda l-239 sit ta’ importanza għall-Komunità (SIK) li jinsabu fit-territorju Elleniku u li jissemmew fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/613/KE 1 tad-19 ta’ Lulju 2006, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva 92/43/KEE 2 kif ukoll taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx, fit-termini previsti, l-għanijiet ta’ konservazzjoni xierqa għal dak li jirrigwarda l-239 sit ta’ importanza għall-Komunità li jinsabu fit-territorju Elleniku.

Il-Kummissjoni Ewropea tqis barra minn hekk li r-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx, fit-termini previsti, il-miżuri ta’ konservazzjoni xierqa għal dak li jirrigwarda l-239 sit ta’ importanza għall-Komunità li jinsabu fit-territorju Elleniku.

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Repubblika Ellenika kisret l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva 92/43/KEE kif ukoll it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/613/KE tad-19 ta’ Lulju 2006 li tadotta, skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Meditteranju (ĠU 2006, L 259, p. 1).

2     Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).