Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fit-30 ta’ Novembru 2018 – B, C, D vs Administration des contributions directes

(Kawża C-749/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: B, C, D

Konvenuta: Administration des contributions directes

Domandi preliminari

L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru marbuta ma’ skema ta’ integrazzjoni fiskali li, minn naħa, tippermetti konsolidazzjoni tar-riżultati ta’ kumpanniji tal-istess grupp li tipprevedi esklużivament integrazzjoni fiskali vertikali bejn kumpannija omm residenti jew stabbiliment stabbli nazzjonali ta’ kumpannija omm mhux residenti u s-sussidjarji tagħha u li, min-naħa l-oħra, tipprekludi bl-istess mod l-integrazzjoni fiskali purament orizzontali ta’ sussidjarji biss kemm ta’ kumpannija omm mhux residenti u li ma għandhiex stabbiliment stabbli nazzjonali kif ukoll ta’ kumpannija omm residenti jew mhux residenti iżda li għandha stabbiliment stabbli nazzjonali?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu l-istess leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru marbuta ma’ sistema ta’ integrazzjoni fiskali u, b’mod iktar partikolari, mas-separazzjoni stretta bejn l-iskemi ta’ integrazzjoni vertikali (bejn kumpannija omm ta’ grupp u s-sussidjarji diretti jew indiretti tagħha) u orizzontali (bejn zewġ jew diversi sussidjarji residenti ta’ kumpannija omm ta’ grupp li tibqa’ barra l-perimetru ta’ integrazzjoni fiskali) naxxenti minn din il-leġiżlazzjoni u mal-obbligu li jirriżulta minn dan li tintemm integrazzjoni fiskali vertikali preeżistenti qabel ma jkun jista’ jiġi kkostitwit grupp ta’ integrazzjoni fiskali orizzontali u dan fil-każ

li integrazzjoni fiskali ma’ kumpannija omm ta’ grupp li qiegħda tintegra fil-livell nazzjonali residenti tal-Istat Membru kkonċernċat (rappreżentanti fl-istess ħin is-sussidjarja intermedjarja inkonnessjoni mal-kumpannija omm aħħarija residenti ta’ Stat Membru ieħor) u s-sussidjarji residenti tal-kumpannija omm tal-grupp kienet preċendentement ġiet implimentata minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat taċċetta biss integrazzjoni fiskali vertikali, sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-iskema minkejja r-residenza tal-kumpannija omm aħħarija fi Stat Membru ieħor,

li kumpanniji aħwa tal-kumpannija omm tal-grupp li qiegħda tintegra tal-Istat Membru kkonċernat (u għalhekk ukoll sussidjarji tal-kumpannija omm aħħarija residenti ta’ Stat Membru ieħor) jiġu rrifjutati l-aċċess għall-integrazzjoni fiskali eżistenti minħabba l-inkompatibbiltà bejn iż-żewġ skemi ta’ integrazzjoni fiskali vertikali u orizzontali u

li l-inklużjoni tal-imsemmija kumpanniji aħwa fir-riżultati kkonsolidati tal-kumpanniji fil-grupp tinvolvi t-tneħħija tal-integrazzjoni fiskali vertikali preeżistenti – bil-konsegwenzi fiskali negattivi marbuta ma’ dan minħabba l-inosservanza tat-tul minimu tal-eżistenza tal-integrazzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali – u l-implementazzjoni ta’ integrazzjoni fiskali orizzontali ġdida minkejja li l-kumpannija integranti residenti (li fil-livell tagħha r-riżultati tal-kumpanniji fiskalment integrati huma kkonsolidati) tibqa’ l-istess?

F’każ ta’ risposta affermattiva ukoll għat-tieni domanda, l-Artikoli 49 u 54 TFUE, flimkien mal-prinċipju tal-effett utli tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-istess leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru marbuta ma’ skema ta’ integrazzjoni fiskali u, b’mod iktar partikolari, mal-applikazzjoni ta’ terminu li skontu kull talba għall-ammissjoni fl-iskema ta’ integrazzjoni fiskali għandha obbligatorjament titressaq quddiem l-awtorità kompetenti qabel l-aħħar tal-ewwel sena li għaliha tkun intalbet l-applikazzjoni ta’ din l-iskema u dan fil-każ

li, jekk ir-risposti għall-ewwel żewġ domandi jkunu affermattivi, din il-leġiżlazzjoni kienet teskludi b’mod inkompatibbli mal-libertà tal-istabbiliment integrazzjoni fiskali orizzontali bejn is-sussidjarji biss tal-istess kumpannija omm u t-tibdil ta’ grupp fiskalment integrat vertikalment eżistenti biż-żieda ta’ kumpanniji aħwa tal-kumpannija integranti,

li l-prassi amministrattiva u l-ġurisprudenza nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat kienu, qabel il-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Ġunju 2014 (Kawżi magħquda C-39/13, C-40/13 u C-41/13), stabbiliti fis-sens tal-ammissjoni tal-validità tal-leġiżlazzjoni,

li diversi kumpanniji ressqu, wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014 u anki qabel l-aħħar tas-sena 2014, talba intiża sabiex jiġi magħqud grupp fiskalment integrat eżistenti permezz tal-ammissjoni ta’ integrazzjoni fiskali orizzontali mal-kumpannija integranti tal-grupp eżistenti filwaqt li invokaw is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014 u

li din it-talba tirrigwarda mhux biss is-sena finanzjarja 2014 li kienet għadha pendenti meta tressqet it-talba, iżda wkoll is-sena finanzjarja preċedenti 2013 li minnha l-kumpanniji involuti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi kollha kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għall-ammissjoni fl-iskema tal-integrazzjoni fiskali ?

____________