Language of document : ECLI:EU:F:2013:155

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑93/12

Luigi D’Agostino

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Dmir ta’ premura — Interess tas-servizz — Eżami komplet u dettaljat fi ħdan is-servizzi kollha tal-possibbiltajiet ta’ impjieg li jikkorrispondu għall-kompiti previsti fil-kuntratt”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih L. D’Agostino essenzjalment jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt u l-kumpens għad-danni ta’ karriera, morali u ta’ saħħa li rriżultaw minn dan u, min-naħa l-oħra, l-kumpens tad-dannu morali li huwa subixxa minħabba l-illegalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2010.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-1 ta’ Diċembru 2011, li ma ġġeddidx il-kuntratt ta’ L. D’Agostino hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u hija kkundannata tbati terz tal-ispejjeż sostnuti minn L. D’Agostino. L. D’Agostino għandu jbati żewġ terzi mill-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikorsi — Termini — Ilmenti suċċessivi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(3))

2.      Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni — Sostenibbiltà tas-sitwazzjoni kuntrattwali ta’ membru tal-persunal — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 87)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 11)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni li ma ġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Possibbiltà għall-amministrazzjoni li tadotta deċiżjoni ġdida konformi mas-sentenza — Ċaħda tat-talba għall-kumpens tad-dannu materjali li rriżulta mid-deċiżjoni annullata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Żewġ ilmenti suċċessivi ppreżentati fit-terminu stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal kontra l-istess deċiżjoni huma t-tnejn ammissibbli u t-tnejn jistgħu jibdew id-dekorrenza tat-termini għall-preżentata tar-rikors kontenzjużi. F’din l-ipoteżi, għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors kontenzjuż, għandha titqies id-data meta ngħatat id-deċiżjoni li biha l-amministrazzjoni ddeċidiet il-pożizzjoni tagħha fuq l-argumenti kollha ppreżentati mir-rikorrent fit-terminu għat-tressiq tal-ilment. Jekk ir‑rikorrent ressaq, fit-terminu għat-tressiq tal-ilment, it-tieni lment li għandu l-istess portata bħall-ewwel ilment, b’mod partikolari, inkwantu la fih talba ġdida, la ilment ġdid u lanqas prova ġdida, id-deċiżjoni li tiċħad dan it-tieni lment għandha titqies li hija att purament konfermattiv taċ-ċaħda tal-ewwel ilment, b’tali mod li huwa mill-imsemmija ċaħda li għandu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn it-tieni lment ikun fih elementi ġodda meta mqabbel mal-ewwel ilment, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-tieni lment għandha titqies li hija deċiżjoni ġdida, adottata, wara eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ewwel ilment, fid-dawl tat-tieni lment.

(ara l-punti 29, 30)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Novembru 2000, Ghignone et vs Il‑Kunsill, T‑44/97, punti 39 u 41; 11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il‑Kummissjoni, T‑66/05, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Diċembru 2008, Collotte vs Il-Kummissjoni, F‑58/07, punt 32

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprojbixxu kwalunkwe forma ta’ fastidju psikoloġiku u applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt permezz tal-Artikolu 87 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra ma jistax ikollhom l-effett li jipprekludu lill-istituzzjoni milli ttemm, għal raġuni leġittima marbuta mal-interess tas-servizz u estranea għal kwalunkwe fastidju, relazzjoni kuntrattwali minħabba s-sempliċi raġuni li tali deċiżjoni li r-relazzjoni ta’ xogħol ma titkompliex tista’ tippreġudika, b’mod partikolari finanzjarjament jew minn perspettiva psikoloġika, l-interess tal-membru tal-persunal. Bl-istess mod, għalkemm il-membri tal-persunal bil-kuntratt jistgħu jinvokaw dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 sabiex jitolbu l-protezzjoni tal-istituzzjoni li timpjegahom kontra fastidju li tiegħu huma vittmi, huma ma jistgħux jinvokawhom b’mod validu, sabiex jitolbu, bħala assistenza, is-sostenibbiltà tas-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom peress li tali artikolu ma kienx maħsub, fi kwalunkwe każ, għal dan il-għan.

(ara l-punt 52)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Ġunju 2012, Cantisani vs Il‑Kummissjoni, F‑71/10, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Id-dmir ta’ premura jimplika, b’mod partikolari, li meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ marġni diskrezzjonali wiesa’, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha; u waqt li tagħmel dan hija għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda wkoll dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

F’din l-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, għalkemm ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ l-għażla tal-politika tal-persunal li istituzzjoni jkollha l-intenzjoni ssegwi sabiex twettaq tajjeb il-missjonijiet assenjati lilha, hija validament tista’, meta titressaq quddiemha talba għall-annullament ta’ ċaħda ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, tivverifika jekk ir-raġunijiet meqjusa mill-amministrazzjoni humiex tali li jmorru kontra l-kriterji u l-kundizzjonijiet bażiċi stabbiliti mil-leġiżlatur fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu lill-persunal bil-kuntratt il-possibbiltà li jibbenefika, skont il-każ, fit-tmiem, minn ċertu kontinwità ta’ impjieg.

(ara l-punt 56)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 22; 29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, punt 19

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il-Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, punti 147 sa 149; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, punti 99 u 100

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il-Kummissjoni, F‑63/11, punt 60, li tinsab appellata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑368/12 P

4.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-kumpens tad-dannu materjali li r-rikorrent subixxa minħabba li l-kuntratt tiegħu ma ġġeddidx ħlief meta d-deċiżjoni kkontestata hija annullata minħabba li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma wettqitx, fid-dawl tad-dmir ta’ premura li għandha, eżami komplet u ddettaljat tal-fatti fid-dawl tal-interess tas-servizz. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi eskluż, fi kwalunkwe każ, li din l-awtorità tqis li tista’ tadotta mill-ġdid deċiżjoni li l-kuntratt tar-rikorrent ma jiġġeddidx wara li tkun għamlet eżami mill-ġdid komplet u ddettaljat tas-sitwazzjoni tal-impjieg tar-rikorrent fid-dawl tal-bżonnijiet tas-servizz u tal-kompetenzi professjonali tiegħu.

(ara l-punti 77 sa 79)