Language of document : ECLI:EU:F:2009:45

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Mejju 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra – Pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent – Kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża F‑39/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Manuel Campos Valls, uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz u I. Šulce, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn P. Mahoney (President), H. Kanninen (Relatur) u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ April 2007 permezz ta’ faks (ir-rikors oriġinali ġie ppreżentat fil-25 ta’ April ta’ wara), M. Campos Vallas ippreżenta dan ir-rikors intiż għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra dwar il-ħatra tas-Sur G. bħala kap tad-diviżjoni tal-lingwa Spanjola fid-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti” fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) A “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni inkwistjoni”) u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni inkwistjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-ebda ħatra jew promozzjoni m’għandha ssir għal xi skop ieħor barra dak biex jimtela post vojt kif provdut f’dawn ir-Regolament[i] tal-Persunal.

Postijiet vojta f’istituzzjoni għandhom ikunu notifikati lill-persunal ta’ dik l-istituzzjoni hekk kif l-awtorità tal-ħatra tiddeċiedi li l-post għandu jimtela.

Jekk il-post battal ma jistax jimtela minn trasferiment, ħatra għal posizzjoni skond l-Artikolu 45a, jew promozzjoni, dan ikun notifikat lill-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra, u/jew kompetizzjoni interna tkun organizzata.”

3        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal:

“L-Awtorità tal-Ħatra għandha, waqt li taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr kas tan-nazzjonalità, tassenja kull uffiċjal b’ħatra jew trasferiment għall-posizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu li jikkorrispondi mal-grad tiegħu.”

4        L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Qabel ma jimtela posizzjoni battala f’istituzzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra

a)      jekk il-posizzjoni tistax timtela bi:

i)      trasferiment, jew

ii)      ħatra skond l-Artikolu 45a, jew

iii)      promozzjoni

ġewwa l-istituzzjoni;

[…]

u mbagħad jimxu mal-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il-bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, jekk ta’ kwalifikazzjonijiet kif ukoll ta’ eżamijiet. […]”

5        L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Il-promozzjoni tkun b’deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(2). Tkun effettwata bil-ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmis fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-meriti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. Meta tikkunsidra l-meriti għall-paragun, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tikkunsidra partikolarment ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew, skond l-Artikolu 28(f) u, fejn ikun il-każ, il-livell tar-responsabbiltajiet eserċitat minnhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fil-15 ta’ Marzu 2006, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ippubblika, fil-Komunikazzjoni lill-Persunal Nru 46/06, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti 60/06 intiż sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ kap tad-diviżjoni tal-lingwa Spanjola fid-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti” (Kategorija A, Grad 14, 13 jew 12) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”).

7        Il-parti “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kienet miktuba b’dan il-mod:

“ –      Jassumi, taħt il-koordinazzjoni tal-kapijiet tad-dipartiment lingwistiku, ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tad-diviżjoni tal-lingwa Spanjola, kemm mill-aspett tar-riżorsi umani (tradutturi, segretarji u persunal anċillari) u kif ukoll mill-aspett tal-produzzjoni globali (preparazzjoni, traduzzjoni, reviżjoni u preżentazzjoni finali ta’ dokumenti, osservanza tat-termini kif ukoll tal-kwalità);

–        jikkontribwixxi għad-definizzjoni u għall-implementazzjoni tal-prinċipji li għandhom imexxu lis-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] fil-qasam lingwistiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-lingwa Spanjola;

–        jiżgura kuntatti individwali u jorganizza b’mod regolari laqgħat mad-diviżjoni kollha jew ma’ wħud mill-membri tagħha;

–        jiġġestixxi, fir-rigward tal-lingwa Spanjola, il-kuntatti u jiżgura l-kooperazzjoni mal-persuni f’pożizzjoni ekwivalenti fl-istituzzjonijiet l-oħra;

–        jiġġestixxi l-bidliet strutturali deċiżi fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tad-[Direttorat III ‘Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti’, fi ħdan id-DĠ A ‘Persunal u Amministrazzjoni’] wara l-aħħar tkabbir.”

8        Il-parti “Kwalifiki meħtieġa” kienet miktuba kif ġej:

“–      Ikun uffiċjal tal-Kunsill.

–        Ikun jagħmel parti mill-Kategorija A*, Gradi 14, 13 jew 12.

–        Ikollu l-kapaċità ta’ amministrazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà meħtieġa sabiex imexxi diviżjoni lingwistika.

–        Ikollu l-kapaċità li jiġġestixxi bidliet organizzazzjonali.

–        Ikollu konoxxenza tajba tal-attività tas-Segretarjat Ġenerali u tal-proċeduri tiegħu; ikollu konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni u ta’ organizzazzjoni kif ukoll tal-metodi ta’ ħidma tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

–        Ikollu l-kapaċitajiet ta’ koordinazzjoni u ta’ organizzazzjoni kif ukoll dispożizzjoni adegwata fir-rigward tar-relazzjonijiet umani u tal-komunikazzjoni (ħidma ma’ individwi oħra, ġestjoni tal-kunflitti, flessibbiltà, motivazzjoni tal-persunal, ...).

–        Ikollu konoxxenza tajba ħafna tal-lingwa Spanjola u konoxxenza tal-lingwa Ingliża u/jew Franċiża li tippermettilu jikteb b’waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.”

9        Ir-rikorrent, promoss fit-22 ta’ Diċembru 1994 għall-grad LA 3 (li sar AD 14 b’effett mill-1 ta’ Mejju 2006) u assenjat lid-diviżjoni tal-lingwa Spanjola bħala konsulent lingwistiku, ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni inkwistjoni.

10      Fir-rapport tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2006, il-Bord tal-Għażla, wara li intervista erba’ kandidati, fosthom is-Sur G. u r-rikorrent, ikkunsidra li s-Sur G. kien l-uniku kandidat li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex timtela l-pożizzjoni inkwistjoni u, għalhekk, irrakkomanda li tintlaqa’ l-kandidatura tiegħu.

11      Permezz ta’ nota tas-7 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrent ġie informat li l-kandidatura tiegħu ma kinitx intlaqgħat. Din in-nota tindika li kien intgħażel “kandidat ieħor li jissodisfa b’mod iktar komplet il-ħtiġijiet [tal-pożizzjoni inkwistjoni]”.

12      Fid-9 ta’ Ġunju 2006, il-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ġie informat bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li taħtar lis-Sur G. għall-pożizzjoni inkwistjoni b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006.

13      Fis-6 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni li taħtar lis-Sur G. u kontra d-deċiżjoni li tiġi miċħuda l-kandidatura tiegħu.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2007, li ntbagħtet lill-konsulent tar-rikorrent permezz ta’ faks tal-11 ta’ Jannar 2007, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Kunsill, skont l-Artikolu 55(2)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jipproduċi kopja integrali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u kopja tad-direttivi interni applikati fil-kuntest tal-proċedura tal-għażla tal-kandidati.

16      Permezz ta’ ittra li wasslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-30 ta’ April 2008 permezz ta’ faks (l-ittra oriġinali ġiet ippreżentata fit-8 ta’ Mejju ta’ wara), il-Kunsill ipproduċa:

–        kopja integrali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti;

–        kopja tal-Komunikazzjoni lill-persunal mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill Nru 113/04, tas-16 ta’ Lulju 2004, dwar id-Deċiżjoni Nru 111/2204 tal-Assistent Segretarju Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li tinkludi l-organigramma tal-pożizzjonijiet ta’ senior management tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill kif ukoll il-lista tal-uffiċjali li kienu jokkupawhom fit-30 ta’ April 2004;

–        kopja ta’ nota tas-17 ta’ Ġunju 2005 indirizzata lill-uffiċjali li jaqgħu fil-kategorija A* dwar il-proċedura sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ kapijiet ta’ diviżjoni;

–        kopja tal-Komunikazzjoni lill-persunal mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill Nru 188/04, tad-9 ta’ Novembru 2004, dwar il-proċedura ta’ għażla tal-kapijiet ta’ diviżjoni.

17      Fl-ittra tiegħu bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill spjega li huwa kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi proċedura ġdida bil-għan li jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ kapijiet ta’ diviżjoni. Skont il-Kunsill, din il-proċedura kienet intiża li tapplika, b’xi bidliet, il-prassi stabbilita fir-rigward ta’ kif jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ diretturi għall-għażla tal-kapijiet ta’ diviżjoni. Il-Kunsill żied li, sakemm tiġi fformalizzata din il-proċedura, il-prassi kienet li tiġi segwita, mutatis mutandis, il-proċedura prevista sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ diretturi. B’hekk, fir-rigward ta’ kif jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ kapijiet ta’ diviżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tkun assistita minn Bord tal-Għażla kompost minn president (id-direttur ġenerali/direttur tad-dipartiment li jkollu pożizzjoni vakanti), minn żewġ membri maħtura mill-Awtorità tal-Ħatra u minn membru maħtur mill-Kumitat tal-Persunal.

18      Waqt is-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-Kunsill sabiex jipproduċi l-fajl tal-kandidatura tas-Sur G., kif ukoll id-dokumenti kollha redatti mill-Bord tal-Għażla marbuta mal-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, inkluża, jekk inhuwa l-każ, it-tabella komparattiva tal-merti tal-kandidati li ħadu sehem fil-proċedura tal-għażla.

19      Permezz ta’ ittra li wasslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-17 ta’ Ġunju 2008 permezz ta’ faks (l-ittra oriġinali ġiet ippreżentata fl-20 ta’ Ġunju ta’ wara), il-Kunsill għamel kif mitlub mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Permezz ta’ ittra li wasslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-7 ta’ Lulju 2008 permezz ta’ faks (l-ittra oriġinali ġiet ippreżentata fit-12 ta’ Lulju ta’ wara), ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-dokumenti prodotti mill-Kunsill.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq il-proċedura orali u bagħat il-kawża għad-deliberazzjoni.

21      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad il-kandidatura tiegħu u li taħtar lis-Sur G. fil-pożizzjoni inkwistjoni;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Kunsill jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż relattivi tagħha.

 Id-dritt

23      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

24      Peress li huma bbażati fuq l-istess argumenti, il-motivi invokati mir-rikorrent għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-rikorrent ifakkar, fl-ewwel lok, li, fost il-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, kien meħtieġ li l-kandidati jkollhom konoxxenza tajba tal-attività tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, tal-proċeduri tiegħu u tal-metodi ta’ ħidma tiegħu kif ukoll konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni u ta’ organizzazzjoni.

26      Issa, skont ir-rikorrent, wara li kiseb baċċellerat fid-dritt u fid-dritt Ewropew, is-Sur G. beda jaħdem fi ħdan id-dipartiment tal-protezzjoni tal-konsumaturi tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u sussegwentement ġie assenjat, suċċessivament, lid-“DĠ E 6 (il-Balkani)”, lid-“DĠ H 1 (Ażil)” tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u fl-aħħar lid-diviżjoni “Modernizzar amministrattiv, kontroll tal-verifiki, opportunitajiet ugwali” tad-dipartiment responsabbli għal kwistjonijiet amministrattivi ġenerali. Għaldaqstant, is-Sur G, skont ir-rikorrent, ma għandu “ebda formazzjoni u esperjenza professjonali tat-traduzzjoni u, b’mod iktar preċiż, tat-tekniki speċifiċi ta’ traduzzjoni kif ukoll tal-metodi ta’ ħidma ġodda fit-traduzzjoni tas-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] (Trados u Euramis)”.

27      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent isostni li għalkemm il-funzjonijiet ta’ traduzzjoni u ta’ kontroll tal-kwalità mhumiex eżerċitati mill-kapijiet ta’ diviżjoni tad-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti” tad-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, iżda mit-tradutturi u mill-kontrollur tal-kwalità, xorta jibqa’ l-fatt li, skont it-termini tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-persuna li kellha tinħatar għall-pożizzjoni inkwistjoni kellha tassumi r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tad-diviżjoni tal-lingwa Spanjola kemm mill-aspett tar-riżorsi umani u kif ukoll tal-produzzjoni globali (preparazzjoni, traduzzjoni, reviżjoni u preżentazzjoni finali ta’ dokumenti, osservanza tat-termini u tal-kwalità). Issa, ir-rikorrent għandu dubju dwar kemm kap ta’ diviżjoni jista’ jassumi xi tip ta’ responsabbiltà fil-proċess ta’ traduzzjoni kollu jekk ma jkollux konoxxenza ċerta u kkonfermata tat-tekniki ta’ traduzzjoni. Il-kap ta’ diviżjoni għandu, b’mod partikolari, ikun f’pożizzjoni li jivverifika x-xogħol tal-kontrollur tal-kwalità u tat-tradutturi sabiex jiġġestixxi r-riżorsi umani u l-produzzjoni globali.

28      Minkejja li jsemmi l-erba’ snin servizz li s-Sur G. għandu fil-ġestjoni amministrattiva, il-Kunsill mhuwiex f’pożizzjoni li jistabbilixxi li dan il-kandidat għandu konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni. Anki jekk jitqies li s-Sur G. għandu ċerti konoxxenzi fil-qasam tat-traduzzjoni, f’ebda każ ma jista’ jitqies li għandu konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni komparabbli għal dik li għandu r-rikorrent, li ilu diversi snin juri li għandu konoxxenza perfetta ta’ dawn it-tekniki.

29      Fl-osservazzjonijiet tiegħu msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Għażla kkonstata li s-Sur G. la kellu formazzjoni u lanqas esperjenza prattika bħala lingwista u li l-approċċ tiegħu seta’ jkun teknokratiku. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq it-tabella ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla li tindika, taħt it-titolu “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni”, li s-Sur G. “la għandu esperjenza prattika u lanqas formazzjoni bħala lingwista” u, taħt it-titolu “Aspetti marbuta mat-tmexxija u mal-ħidma ma’ persuni oħra”, li s-Sur G. “jista’ jkun teknokratiku fl-approċċ tiegħu”.

30      Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkritika lill-Bord tal-Għażla u lill-Awtorità tal-Ħatrà talli ma ħadux inkunsiderazzjoni l-aħħar tliet rapporti ta’ evalwazzjoni tal-kandidati. Fil-fehma tar-rikorrent, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tiegħu jistabbilixxu b’mod suffiċjenti li huwa għandu l-kwalifiki kollha meħtieġa, inklużi l-kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni u s-sens ta’ responsabbiltà meħtieġa sabiex imexxi diviżjoni lingwistika, kif ukoll il-kapaċitajiet ta’ koordinazzjoni u ta’ organizzazzjoni.

31      Fl-aħħar nett, dejjem fl-osservazzjonijiet tiegħu msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent iqis ukoll li l-Bord tal-Għażla wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstata, bħala punt negattiv tal-kandidatura tiegħu, konoxxenza ftit konvinċenti tal-lingwa Ingliża u meta ma niżżilx, bħala punt pożittiv, il-konoxxenza perfetta tiegħu tal-lingwa Franċiża. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent josserva li l-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jeżiġu biss konoxxenza tajba ħafna tal-lingwa Spanjola u konoxxenza tal-lingwa Ingliża u/jew tal-lingwa Franċia li tippermetti lill-kandidat jikteb b’waħda minn dawn iż-żewġ lingwi.

32      Il-Kunsill jirribatti, l-ewwel nett, billi jgħid li s-Sur G. kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li, għaldaqstant, meta ddeċidiet li taħtru għall-pożizzjoni inkwistjoni, l-Awtorità tal-Ħatra ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

33      Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għandhom jinqraw fid-dawl tal-parti dwar il-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati, kif deskritti f’dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Issa, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jiddefinixxi l-ħidma ta’ kap ta’ diviżjoni bħala dik li jamministra l-entità ta’ lingwa Spanjola tad-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti”, fi ħdan id-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, u mhux bħala dik li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ traduttur filwaqt li jissorvelja t-traduzzjonijiet tal-membri tad-diviżjoni.

34      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni mitluba mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-Kunsill isostni li minn din il-kundizzjoni jirriżuta b’mod ċar li din il-pożizzjoni ma teħtieġx esperjenza professjonali fil-qasam tat-traduzzjoni iżda sempliċement konoxxenzi tat-tekniki ta’ traduzzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li r-rikorrent qiegħed jonqos milli jagħmel distinzjoni bejn il-konoxxenza fil-qasam tat-traduzzjoni u l-esperjenza f’dan l-istess qasam.

35      Il-Kunsill jindika wkoll li s-Sur G. kien kiseb, fil-kuntest tal-funzjonijiet preċedenti tiegħu, konoxxenza tat-tekniki speċifiċi ta’ traduzzjoni u tal-metodi ta’ ħidma f’dan il-qasam, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodi li jippermettu t-titjib tal-produzzjoni globali. Mill-banda l-oħra, ir-rikorrent ma ressaq ebda element sabiex jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Bord tal-Għażla, li kkunsidra li s-Sur G. kien l-uniku kandidat li kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

36      Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrent ma jispjegax b’liema mod l-Awtorità tal-Ħatra kisret din id-dispożizzjoni.

37      Fuq dan il-punt il-Kunsill isostni, b’mod sussidjarju, li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni. Issa, fil-każ ineżami, il-pożizzjoni inkwistjoni mtliet skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal peress li kemm ir-rikorrent u kemm is-Sur G. kellhom grad li jaqa’ fil-firxa ta’ gradi prevista fl-avviż għal pożizzjoni vakanti (gradi 12 sa 14).

38      Skont il-Kunsill, minn dan jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrent f’dan ir-rigward jistgħu jinftiehmu biss fis-sens li jirreferu għall-eżami komparattiv tal-kandidaturi għall-pożizzjoni inkwistjoni. Issa, tali eżami sar bl-assistenza tal-Bord tal-Għażla. Għaldaqstant, l-argumenti dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, flimkien mal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistgħux ikunu fondati.

39      Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill jispeċifika li konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni hija biss waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Ir-rwol tal-kap ta’ diviżjoni huwa li jamministra diviżjoni. F’dan ir-rigward, u bil-kuntrarju tar-rikorrent, is-Sur G. jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

40      Ir-rikorrent isostni li s-Sur G., li ntgħażel sabiex jokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni, ma jissodisfax il-kwalifiki kollha meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Is-Sur G. ma għandu ebda formazzjoni u ebda esperjenza professjonali tat-traduzzjoni u, b’mod iktar preċiż, tat-tekniki ta’ traduzzjoni. Matul is-seduta, ir-rikorrent speċifika li d-deċiżjoni li ma tintgħażilx il-kandidatura tiegħu hija vvizzjata wkoll minn irregolarità sa fejn ġie kkunsidrat li huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Il-kwistjoni għalhekk tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tar-rikorrent u tas-Sur G., fid-dawl tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tgawdi l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward ta’ ħatra jeħtieġ li din teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-fajls tal-kandidaturi u li tosserva bl-ikbar reqqa r-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, b’tali mod li hija obbligata twarrab kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi qafas legali li l-Awtorità tal-Ħatra timponi fuqha nnifisha u li għandha tosserva b’mod skrupluż (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il-Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra p. 511, punt 51, u tat-18 ta’ Marzu 1993, Il-Parlament vs Frederiksen, C-35/92 P, Ġabra p. I-991, punti 15 u 16; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Mejju 1998, Wenk vs Il-Kummissjoni, T-159/96, ĠabraSP p. I-A-193 u II-593, punt 63; tat-3 ta’ Frar 2005, Mancini vs Il-Kummissjoni, T-137/03, ĠabraSP p. I-A-7 u II-27, punt 85; tal-4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T-30/04, ĠabraSP p. I-A-113 u II-519, punt 80; tal-5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T-370/03, ĠabraSP p. I-A-189 u II-853, punt 51, u tal-4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni, T-45/04, ĠabraSP p. I-A-2-145 u II-A-2-681, punt 46).

42      Sabiex jivverifika li l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx qabżet il-limiti tal-qafas legali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-ewwel nett jeżamina liema kienu l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u, it-tieni nett, għandu jivverifika jekk il-kandidat magħżul mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jokkupa l-pożizzjoni vakanti kienx effettivament jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 1997, Giannini vs Il-Kummissjoni, T-21/96, ĠabraSP p. I-A-69 u II-211, punt 20; Wenk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64, u Tzirani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). Fl-aħħar nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina jekk, fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet kandidat ieħor minfloku (sentenzi Wenk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u Mancini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

43      Tali eżami għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li setgħu wasslu lill-amministrazzjoni għall-evalwazzjoni tagħha, din l-amministrazzjoni żammitx ma’ limiti raġonevoli u jekk użatx s-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tiegħu (sentenzi Wenk vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64; tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, E vs Il-Kummissjoni, T-152/00, ĠabraSP p. I-A-179 u II-813, punt 29; tal-14 ta’ Ottubru 2003, Wieme vs Il-Kummissjoni, T-174/02, ĠabraSP p. I-A-241 u II-1165, punt 38; tal-11 ta’ Novembru 2003, Faita vs CES, T-248/02, ĠabraSP p. I-A-281 u II-1365, punt 71, u Tzirani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

44      Fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, għandhom, fl-ewwel lok, jiġu identifikati liema kienu l-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li, skont ir-rikorrent, is-Sur G. ma jissodisfax.

45      L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, taħt it-titolu “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet”, kien jinkludi ħames paragrafi, li ġew riprodotti fil-punt 7 ta’ din is-sentenza. Sussegwentement, taħt it-titolu “Kwalifiki meħtieġa”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jindika, f’seba’ paragrafi, ir-rekwiżiti riprodotti fil-punt 8 ta’ din is-sentenza. L-ewwel żewġ paragrafi minn dawn is-sebgħa, li huma ta’ natura ġenerali, kienu jeżiġu li l-kandidati jkunu uffiċjali tal-Kunsill u li jkunu jagħmlu parti mill-Kategorija A*, Gradi 14, 13 jew 12. L-aħħar paragrafu kien jikkonċerna l-konoxxenzi lingwistiċi. It-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi kienu jeżiġu, b’mod partikolari, kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ organizzazzjoni. Fl-aħħar nett, il-ħames paragrafu kien jeżiġi li l-kandidati jkollhom “konoxxenzja tajba tal-attività tas-Segretarjat Ġenerali u tal-proċeduri tiegħu” u “konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni u ta’ organizzazzjoni kif ukoll tal-metodi ta’ ħidma tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill”.

46      Peress li r-rikorrent qiegħed jikkontesta l-konoxxenxi tas-Sur G. fil-qasam tat-traduzzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-kwistjoni f’din il-kawża tikkonċerna r-rekwiżit marbut mat-tekniki ta’ traduzzjoni previst fil-ħames paragrafu tal-parti “Kwalifiki meħtieġa” tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Barra minn hekk, fl-atti tiegħu, ir-rikorrent jinvoka huwa stess, b’mod partikolari, din il-kundizzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

47      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma jallegax li l-kap tad-diviżjoni tal-lingwa Spanjola għandu jeżerċita funzjonijiet ta’ traduzzjoni jew ta’ kontroll tal-kwalità tat-traduzzjoni. Madankollu, ir-rikorrent isostni li, sabiex jassumi l-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni tiegħu u r-responsabbiltà ta’ organizzazzjoni tiegħu, il-kap ta’ din id-diviżjoni għandu jkollu konoxxenza ċerta tat-tekniki ta’ traduzzjoni.

48      F’dan ir-rigward għandu fil-fatt jiġi kkonstatat li mit-termini stess tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jirriżulta li mhuwiex biżżejjed li l-kandidati jkollhom konoxxenzi fil-qasam tal-amministrazzjoni u tal-organizzazzjoni kif ukoll tal-funzjonament tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Il-kandidati kellhom ikollhom ukoll konoxxenzi speċifiċi marbuta mat-traduzzjoni peress li kienet meħtieġa konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni.

49      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, fit-tielet lok, is-sens u l-portata tar-rekwiżit ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni.

50      Kif jenfasizza l-Kunsill, il-kwalifiki meħtieġa ma jistgħux jiġu interpretati b’mod indipendenti mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). Issa, dawn il-funzjonijiet, elenkati fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, jenfasizzaw ir-rwol ta’ amministratur u ta’ organizzatur tal-persuna li tokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni għandu jinftiehem fid-dawl ta’ dan ir-rwol speċifiku tal-persuna li tokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li peress li l-funzjonijiet marbuta mal-pożizzjoni inkwistjoni ma jikkonsistux direttament f’funzjonijiet ta’ traduzzjoni jew ta’ kontroll tal-kwalità tat-traduzzjoni iżda jikkonsistu essenzjalment f’funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ organizzazzjoni, il-kundizzjoni ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li teżiġi l-istess kwalifiki bħal dawk meħtieġa sabiex tkun okkupata pożizzjoni ta’ traduttur jew ta’ kontrollur tat-traduzzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jistabbilixxix, bħala kundizzjoni, formazzjoni jew esperjenza fil-qasam tat-traduzzjoni.

52      Din l-interpretazzjoni tar-rwol tal-kap ta’ diviżjoni hija kkorroborata mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill li jiddeskrivu l-istruttura l-ġdida tad-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti”, fi ħdan id-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, li minnu jagħmel parti d-dipartiment lingwistiku u, għaldaqstant, id-diviżjoni tal-lingwa Spanjola. Mid-dokument bit-titolu “La modernisation administrative du [secrétariat général du Conseil], rapport sur une structure optimale pour la DG A [‘Personnel et administration’, direction III ‘Traduction et production des documents’], nouvelle structure administrative” (L-immodernizzar amministrattiv tas-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill], rapport dwar struttura ideali għad-DĠ A ['Persunal u Amministrazzjoni’, Direttorat III ‘Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti’], struttura amministrattiva ġdida), fil-verżjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2004, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-kap ta’ diviżjoni “jinsab taħt l-awtorità tal-kapijiet tad-dipartiment lingwistiku” u għandu “jassumi r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tad-diviżjoni u tal-produzzjoni globali”. Skont dan l-istess dokument, fi ħdan kull diviżjoni lingwistika, persuna responsabbli għall-kwalità tal-prodott għandha tassumi r-responsabbiltà għall-kwalità tad-dokumenti b’mod ġenerali.

53      B’hekk, jidher b’mod ċar li wieħed mill-għanijiet tar-riorganizzazzjoni tad-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti”, fi ħdan id-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, kienet li tagħti lill-kap ta’ diviżjoni rwol ta’ amministratur filwaqt li, fi ħdan id-diviżjoni, ir-responsabbiltà għall-kwalità tad-dokumenti b’mod ġenerali u b’mod partikolari għall-kwalità tat-traduzzjoni tagħhom taqa’ fuq il-persuna responsabbli għall-kwalità tal-prodott.

54      Minn din l-analiżi tal-funzjonijiet tal-kap ta’ diviżjoni jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma qabżitx is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kundizzjoni ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

55      Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk is-Sur G. kienx jissodisfa din il-kundizzjoni.

56      Mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill fuq talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li Bord tal-Għażla, kompost minn sitt persuni, inħatar mill-Kunsill fis-7 ta’ April 2006. Il-Bord tal-Għażla ddeċieda li juża tabella ta’ evalwazzjoni sabiex tgħin fl-evalwazzjoni tiegħu matul l-intervisti tal-kandidati. Din it-tabella kien fiha tliet partijiet b’numru massimu ta’ punti għal kull parti, jiġifieri 30 punt għall-parti “Aspetti personali”, 30 punt għall-parti “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni” u 40 punt għall-parti “Aspetti marbuta mat-tmexxija u mal-ħidma ma’ persuni oħra”. Il-Bord tal-Għażla ddeċieda wkoll li dawk il-kandidati biss li jiksbu mill-inqas 50 punt minn 100 setgħu jiġu rrakkomandati sabiex jokkupaw il-pożizzjoni inkwistjoni.

57      Il-Bord tal-Għażla intervista erba’ kandidati, fosthom lir-rikorrent u lis-Sur G. Wara dawn l-intervisti, ġiet stabbilita verżjoni kkonsolidata tat-tabella ta’ evalwazzjoni għal kull kandidat, li kienet tirrifletti l-opinjoni tal-membri kollha tal-Bord tal-Għażla. Din il-verżjoni tindika wkoll in-numru ta’ punti mogħtija lil kull kandidat fir-rigward ta’ kull waħda mit-tliet partijiet tat-tabella kif ukoll in-numru totali ta’ punti miksuba. Minn dawn it-tabelli ta’ evalwazzjoni jirriżulta li s-Sur G. kiseb in-numru totali ta’ 70 punt, li kienu maqsuma kif ġej: 24 punt għall-parti “Aspetti personali”, 18-il punt għall-parti “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni” u 28 punt għall-parti “Aspetti marbuta mat-tmexxija u mal-ħidma ma’ persuni oħra”.

58      Fil-parti “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni” tat-tabella ta’ evalwazzjoni tas-Sur G. jissemmew il-punti pożittivi segwenti: “Jaf tajjeb ħafna l-funzjonament tas-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill] (kemm mill-aspett tal-kwistjonijiet politiċi kif ukoll mill-aspett tal-kwistjonijiet amministrattivi) – Ħa sehem fir-redazzjoni tal-proposta ta’ riorganizzazzjoni tad-[Direttorat III ‘Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti’ fi ħdan id-DĠ A ‘Persunal u Amministrazzjoni’] – Ħa sehem b’mod attiv fit-[think-tank] dwar l-istruttura ideali tas-servizz lingwistiku”. Il-punt negattiv dwar din il-parti huwa fformulat kif ġej: “la għandu esperjenza prattika u lanqas formazzjoni bħala lingwista”.

59      Mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill, b’mod partikolari mill-formula dwar it-talba għal bidla fl-assenjazzjoni u mill-curriculum vitae tas-Sur G., jirriżulta li dan ħa sehem b’mod attiv fir-riforma tad-Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti” tad-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, li minnu jagħmlu parti d-diviżjonijiet lingwistiċi, u li, għal diversi snin, kien “[r]esponsabbli għall-proġetti ta’ mmodernizzar amministrattiv, b’mod partikolari għal dawk marbuta mad-deskrizzjoni tal-pożizzjonijiet, mal-organigramma (inkluża l-introduzzjoni fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-kunċett ta’ ‘kap ta’ diviżjoni’), mal-organizzazzjoni finanzjarja, mad-dekonċentrazzjoni amministrattiva, mar-riforma tad-DĠ A [‘Persunal u Amministrazzjoni’, Direttorat III ‘Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ dokumenti’] u mal-prassi amministrattiva tajba”.

60      Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jindika, mingħajr mhuwa kkontestat mir-rikorrent, li mill-assenzjazzjoni tiegħu, f’Jannar 2002, lid-diviżjoni “Modernizzar amministrattiv, kontroll tal-verifiki, opportunitajiet ugwali”, fi ħdan id-dipartiment responsabbli għal kwistjonijiet amministrattivi ġenerali, is-Sur G. kien responsabbli għall-Proġett Nru 11 dwar il-pjan ta’ azzjoni għall-immodernizzar amministrattiv (PAMA) li jkopri r-riforma tad-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”. Skont il-Kunsill, “dan il-proġett kien maqsum f’[ħames] proġetti sekondarji li jikkonċernaw, rispettivament, il-koordinazzjoni ċentrali, id-dipartimenti lingwistiċi u d-dipartimenti ta’ segretarjat, is-sostenn dokumentarju u terminoloġiku, l-organizzazzjoni adegwata tal-funzjoni ta’ segretarjat u tal-assistenza fid-diviżjoni u d-dipartimenti tekniċi ta’ produzzjoni”. Il-Kunsill iżid li, minħabba r-rwol tiegħu bħala kap ta’ proġett, is-Sur G. kien membru tal-“Grupp ta’ riflessjoni tad-[Direttorat III ‘Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti’ tad-DĠ A ‘Persunal u Amministrazzjoni’] dwar il-pjan ta’ azzjoni [għall‑]immodernizzar amministrattiva tas-[Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill]”, liema grupp, bejn l-2002 u l-2004, ipprepara rapporti indirizzati lit-tmexxija tad-DĠ A “Persunal u Amministrazzjoni”, Direttorat III “Traduzzjoni u Produzzjoni ta’ Dokumenti”, kif ukoll lid-Direttur Ġenerali responsabbli għall-immodernizzar amministrattiv, dwar is-sostenn dokumentarju lit-traduzzjoni u lit-terminoloġija, dwar il-miżuri intiżi li jiżguraw il-kwalità, dwar il-funzjonijiet ta’ traduzzjoni u ta’ reviżjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni essenzjali, l-użu mit-tradutturi tal-kompjuter u ta’ programmi adegwati.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lir-rekwiżit ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-Awtorità tal-Ħatra ma rrispettatx il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti meta kkunsidrat li s-Sur G. kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lill-kundizzjoni ta’ konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni, l-argument tar-rikorrent li t-tabella ta’ evalwazzjoni tas-Sur G. issemmi, taħt il-parti “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni”, il-punt negattiv li “la għandu esperjenza prattika u lanqas formazzjoni bħala lingwista”, mhuwiex rilevanti peress li din l-esperjenza jew formazzjoni ma kinux kundizzjoni meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

62      Fl-aħħar nett, għandu jiġi vverifikat jekk, meta warrbet il-kandidatura tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra informat lir-rikorrent li kien intgħażel kandidat ieħor li “jissodisfa b’mod iktar komplet” il-ħtiġijiet tal-pożizzjoni inkwistjoni.

64      Matul is-seduta, ir-rappreżentanta tal-Kunsill spejgat li, skont l-Awtorità tal-Ħatra, ir-rikorrent kien jissodisfa l-ħtiġijiet tal-pożizzjoni inkwistjoni b’mod inqas komplet mis-Sur G.

65      Kif diġà indikat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Bord tal-Għażla ddeċieda li dawk il-kandidati biss li jiksbu mill-inqas 50 punt minn 100 fit-tabella ta’ evalwazzjoni setgħu jiġu rrakkomandati sabiex jokkupaw il-pożizzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Għażla ma ċaħad ebda waħda mill-kandidaturi ppreżentati mill-erba’ kandidati msejħa għall-intervisti għar-raġuni li ma kinux jissodisfaw xi waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li l-imsemmija intervisti nżammu qabel ma l-Bord tal-Għażla għamel eżami komparattiv tal-kandidaturi.

66      Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-kandidatura tar-rikorrent ma twarrbitx minħabba li ma kienx jissodisfa xi waħda mill-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti iżda wara l-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati. Issa, il-fatt li uffiċjal ikollu merti evidenti u rikonoxxuti ma jeskludix, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merit tal-kandidati, li uffiċjali oħra jkollhom merti superjuri (sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74; sentenza tal-Qorti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il-Kummissjoni, F-46/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 119).

67      Għall-finijiet ta’ din il-kawża, għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-Awtorità tal-Ħatra wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-paragun tal-merti tas-Sur G. u tar-rikorrent.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrent huma bbażati, prinċipalment, fuq il-premessa li tkun aċċettata l-interpretazzjoni tiegħu tal-kundizzjoni dwar il-konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni. Issa, peress li din l-interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda, kif indikat fil-punti 49 sa 54 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

69      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Għażla ta noti differenti ħafna lis-Sur G. u lir-rikorrent. Kif diġà indikat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, is-Sur G. kiseb total ta’ 70 punt, li kienu maqsuma kif ġej: 24 punt għall-parti “Aspetti personali”, 18-il punt għall-parti “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni” u 28 punt għall-parti “Aspetti marbuta mat-tmexxija u mal-ħidma ma’ persuni oħra”. Min-naħa tiegħu, ir-rikorrent kiseb biss total ta’ 42 punt, li kienu maqsuma kif ġej: 10 punti għall-parti “Aspetti personali”, 20 punt għall-parti “Aspetti marbuta mal-pożizzjoni” u 12-il punt għall-parti “Aspetti marbuta mat-tmexxija u mal-ħidma ma’ persuni oħra”.

70      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kundizzjoni meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti fir-rigward tal-konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni, l-argumenti tar-rikorrent mhumiex ta’ natura tali li jikkontestaw l-istruttura tat-tabella ta’ evalwazzjoni użata mill-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari fir-rigward tal-importanza mogħtija lill-kundizzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti dwar il-kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni.

71      It-tielet nett, ir-rikorrent ma jistabbilixxix li huwa kien jissodisfa b’mod iktar komplet mis-Sur G. il-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, kif għandhom jinftiehmu fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni marubta mal-konoxxenza tat-tekniki ta’ traduzzjoni.

72      Minn dan isegwi li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kandidatura tas-Sur G. kienet tikkorrispondi b’mod aħjar mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni inkwistjoni minn dik tar-rikorrent.

73      Din il-konklużjoni mhijiex imdgħajfa mill-ilment ibbażat fuq l-argument li l-Bord tal-Għażla ma ħax inkunsiderazzjoni, matul il-ħidma tiegħu, l-aħħar tliet rapporti ta’ evalwazzjoni, bi ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Qabel kollox, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill isostni li l-aħħar tliet rapporti ta’ evalwazzjoni kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa minnu li fl-osservazzjonijiet tiegħu msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza r-rikorrent jikkonstata li d-dokumenti prodotti mill-Kunsill quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jsemmux l-eżami tar-rapporti msemmija. Madankollu, mis-sempliċi nuqqas ta’ riferiment, fit-tabelli ta’ evalwazzjoni tal-kandidati, għall-imsemmija rapporti ta’ evalwazzjoni, ma jistax jiġi konkluż li l-Bord tal-Għażla ma eżaminax dawn ir-rapporti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta’ Settembru 2008, Strack vs Il-Kummissjoni, F-44/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 165). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, minkejja li r-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent isemmu l-kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ organizzazzjoni tiegħu, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-imsemmija rapporti juru li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-kandidatura tas-Sur G. kienet tissodisfa b’mod iktar komplet mill-kandidatura tiegħu l-ħtiġijiet tal-pożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza sostanzjali li l-Bord tal-Għażla kkonstata fl-eżami komparattiv tal-merti tar-rikorrent u tas-Sur G.

74      Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-Bord tal-Għażla wettaq irregolarità meta nnota l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-konoxxenza tal-lingwa Ingliża tar-rikorrent, dan mhuwiex biżżejjed sabiex juri li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan il-punt għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-differenza sostanzjali li l-Bord tal-Għażla kkonstata fl-eżami komparattiv tal-merti tar-rikorrent u tas-Sur G. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-curriculum vitae tiegħu, ir-rikorrent ma indikax biss il-konoxxenza tiegħu tal-lingwa Franċiża iżda indika wkoll li kellu konoxxenza eċċellenti tal-lingwa Ingliża. Fir-rigward, barra minn hekk, tal-livell ta’ konoxxenza tal-lingwa Franċiża tar-rikorrent, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Bord tal-Għażla ma indikahiex fit-tabella ta’ evalwazzjoni, la bħala aspett pożittiv u lanqas bħala aspett negattiv, lanqas ma juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motivi bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kompletament.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-dispożizzjonijiet tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, jiġifieri, mill-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej li huma rilevanti fil-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

77      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull parti li titlef għandha tkun ikkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tal-istess regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-membri tal-persunal tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Peress li r-rikorrent tilef, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Mahoney

Kanninen

Gervasoni

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta’ Mejju 2009.

W. Hakenberg

 

       P. Mahoney

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.