Kawżi magħquda C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU
L
u
P
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Diċembru 2020
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 6(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kundizzjonijiet għall‑eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Difetti strutturali jew fundamentali – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti' – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ żviluppi li seħħew wara li nħareġ il‑mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż l-eżistenza ta’ raġunijiet serji u pprovati li bihom wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq fil-każ ta’ konsenja”
1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Portata
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, premessa 6 u Artikolu 1(2), Artikoli 3, 4, 4a u5)
(ara l-punti 35 sa 37, 40)
2. Kooperazzjoni mill-pulizija – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti' fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas – Qorti – Inklużjoni – Difetti strutturali u fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti – Difetti eżistenti meta jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jkunu seħħew wara – Kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 6(1))
(ara l-punti 38, 41 sa 45, 48 sa 50, 69 u d-dispożittiv)
3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet u osservati l-prinċipji legali fundamentali – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Difetti strutturali u fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti – Difetti eżistenti meta jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jkunu seħħew wara – Preżunzjoni ta’ ksur tal-imsemmi dritt – Assenza – Verifika mill-awtoritajiet ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Portata – Konsegwenzi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))
(ara l-punti 52, 53, 56 sa 61, 63, 64, 66 sa 69 u d-dispożittiv)
Sunt
L-eżistenza ta’ elementi li juru difetti strutturali u fundamentali li jirrigwardaw l-indipendenza tal-ġustizzja fil-Polonja jew l-aggravazzjoni tagħhom ma tiġġustifikax, waħedha, li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri l-oħra jirrifjutaw li jeżegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Pollakka.
Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Pollakka għandha tiġi rrifjutata jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata, tan-natura tar-reat inkwistjoni u tal-kuntest fattwali tal-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest, ikunu jeżistu raġunijiet serji u pprovati li bihom wieħed jemmen li, minħabba dawn id-difetti, din il-persuna tkun ser taffaċċja, ladarba tiġi kkonsenjata lil dawn l-awtoritajiet, riskju reali ta’ ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq.
F’Awwissu 2015 u fi Frar 2019, inħarġu mandati ta’ arrest Ewropej (iktar’ il quddiem il- “MAE”) mill-qrati Pollakki kontra żewġ ċittadini Pollakki, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija rispettivament. Peress li l-persuni kkonċernati jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-officier van justitie (rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) ressaq, konformement mad-dritt Olandiż, quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) talbiet għall-eżekuzzjoni ta’ dawn il-MAE.
Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar jekk għandhiex tilqa’ dawn it-talbiet. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi dwar il-portata tas-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (1), mogħtija fil-kuntest tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, eċċezzjonalment, l-eżekuzzjoni ta’ MAE tista’ tiġi rrifjutata jekk jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tirriskja li ġġarrab, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru li jkun ħareġ il-MAE, ksur tad-dritt tagħha għal qorti indipendenti, li huwa komponent essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq (2). Madankollu, tali rifjut huwa possibbli biss wara eżami f’żewġ stadji: wara li jkun ġie evalwat, b’mod ġenerali, jekk jeżistux elementi oġġettivi intiżi li juru l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur ta’ dan id-dritt, minħabba difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha sussegwentement tivverifika sa fejn tali difetti jista’ jkollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-każ tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru.
Minħabba żviluppi reċenti (3), li wħud minnhom seħħew wara l-ħruġ tal-MAE inkwistjoni, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tqis li d-difetti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka huma tali li l-indipendenza tal-qrati Pollakki kollha u, konsegwentement, id-dritt għal qorti indipendenti tal-partijiet fil-kawżi Pollakki kollha ma għadhomx żgurati. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk din il-konstatazzjoni hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tiġġustifika rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ minn qorti Pollakka, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat l-impatt ta’ dawn id-difetti fiċ-ċirkustanzi tal-każ.
Fil-kuntest tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tirrispondi fin-negattiv billi tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha stabbilita fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li difetti strutturali jew fundamentali li jaffettwaw l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, ikunu kemm ikunu serji, ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex jippermettu lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-qrati kollha ta’ dan l-Istat Membru ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” ta’ MAE (4), kunċett li jimplika, bħala prinċipju, li l-awtorità kkonċernata taġixxi b’mod indipendenti.
F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li tali difetti ma għandhomx neċessarjament effett fuq kull deċiżjoni li dawn il-qrati jista’ jkollhom jadottaw. Sussegwentement, hija tindika li, għalkemm jistgħu jsiru limitazzjonijiet, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-MAE, il-fatt li ma tiġix rikonoxxuta l-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” lill-qrati kollha tal-Istat Membru kkonċernat minn dawn id-difetti iwassal għal esklużjoni ġeneralizzata tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fil-kuntest tal-MAE maħruġ minn dawn il-qrati. Barra minn hekk, tali soluzzjoni jkollha konsegwenzi oħra ferm ikbar peress li timplika, b’mod partikolari, li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jkunux jistgħu iktar iressqu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (5). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-ġurisprudenza reċenti tagħha, li tipprovdi li l-prosekuturi ta’ ċerti Stati Membri ma jippreżentawx, fid-dawl tar-relazzjoni tagħhom ta’ subordinazzjoni fil-konfront tal-eżekuttiv, garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti sabiex jitqiesu li huma “awtoritajiet ġudizzjarji emittenti” (6), ma tistax tiġi trasposta għall-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, f’Unjoni ta’ dritt, ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-qrati jeskludi, min-natura tiegħu, kull relazzjoni ta’ dan it-tip fir-rigward ta’ din is-setgħa.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-eżistenza jew l-aggravazzjoni ta’ difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, li juru riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, ma tippermettix madankollu li jiġi preżunt (7) li l-persuna suġġetta għal MAE tkun ser taffaċċja verament tali riskju fil-każ ta’ konsenja. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja żżomm ir-rekwiżit tal-eżami f’żewġ stadji stabbilit fis-sentenza Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) u tindika li l-konstatazzjoni ta’ dawn in-nuqqasijiet għandha, ċertament, tinkoraġġixxi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għal viġilanza iżda ma tistax teżentaha milli tipproċedi, konformement mat-tieni stadju ta’ dan l-eżami, għal evalwazzjoni konkreta u preċiża tar-riskju inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-persuna rikjesta, in-natura tal-ksur inkwistjoni u l-kuntest fattwali li fuqu huwa bbażat l-MAE, bħal dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jindaħlu fit-trattament ġudizzjarju li jkollu jingħata każ individwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, f’dan ir-rigward, li sospensjoni ġenerali tal-mekkaniżmu tal-MAE fir-rigward ta’ Stat Membru, li tawtorizza li wieħed jastjeni minn tali evalwazzjoni u li jirrifjuta awtomatikament l-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġ minnu, hija possibbli biss fil-każ fejn il-Kunsill Ewropew jikkonstata formalment li dan l-Istat Membru ma josservax il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (8).
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, meta l-MAE jkun inħareġ għal finijiet ta’ proċeduri kriminali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni difetti strutturali u fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti li jkunu seħħew wara l-ħruġ tal-MAE kkonċernat u tevalwa sa fejn dawn id-difetti jkun jista’ jkollhom effett fil-livell ta’ qrati ta’ dan l-Istat Membru li jkun ser ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom tkun ser tkun suġġetta l-persuna kkonċernata. Fil-każ ta’ MAE maħruġ bil-għan tal-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha teżamina sa fejn id-difetti strutturali jew fundamentali li kienu jeżistu f’dan l-Istat Membru emittenti meta nħareġ l-MAE affettwaw, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-indipendenza tal-qorti ta’ dan l-Istat Membru li tkun tat il-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni li l-eżekuzzjoni tagħha tkun is-suġġett ta’ dan il-MAE.