Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (ir-Rumanija) fl-10 ta’ Lulju 2019 – TS, UT, VU vs Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa

(Kawża C-538/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Constanţa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: TS, UT, VU

Partijiet oħra fil-proċedura: Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa

Domandi preliminari

Il-fatt li jkun biss tabib minn Stat Membru ieħor, li ma jkunx dak tal-Istat tar-residenza tal-persuna assigurata, li jkun ippreskriva t-terapija magħżula mill-persuna assigurata, f’sitwazzjoni li fiha d-djanjosi u l-ħtieġa, fiha nfisha, tal-implimentazzjoni urġenti għal trattament tkun ġiet ikkonfermata minn tabib taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza, li madankollu jkun irrakkomanda terapija oħra, li fir-rigward tagħha t-terapija magħżula mill-persuna assigurata għal raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti jkollha grad ta’ effettività li jkun tal-inqas identiku, filwaqt li jkollha l-vantaġġ li ma tikkawżax diżabbiltà, jista’ jitqies li huwa sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-punt 45 tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C-173/09, EU:C:2010:581) jew huwa każ ta’ impediment oġġettiv sabiex tkun tista’ tintalab l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 1 , li jista’ jiġġustifika rimbors sħiħ tal-ispejjeż sostnuti bl-implimentazzjoni ta’ trattament mediku xieraq (kura fl-isptar) fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-Istat tar-residenza tal-persuna assigurata?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk il-persuna assigurata ma taċċettax, għal raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti, it-trattament preskritt minn tabib kopert mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ residenza fir-rigward tad-djanjosi tiegħu u tmur fi Stat Membru ieħor sabiex titlob it-tieni opinjoni medika, liema opinjoni tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ terapija oħra, li l-persuna assigurata tagħti l-kunsens tagħha għaliha u li l-grad ta’ effettività tagħha jkun tal-inqas identiku, filwaqt li jkollha l-vantaġġ li ma tikkawżax diżabbiltà, u li tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex il-persuna assigurata tikseb ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti b’din it-terapija l-oħra hija għandha titlob l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament?

L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tissottometti l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, għall-iskop li wieħed jirċievi trattament xieraq (kura fl-isptar) fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit rapport mediku li jitħejja esklużivament minn tabib prattikanti taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ residenza u li jiġi approvat mill-uffiċjal mediku li jkun il-kap tal-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat, u dan inkluż meta t-terapija magħżula mill-persuna assigurata, għal raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti peress li jkollha l-vantaġġ li ma tikkawżax diżabbiltà, tkun preskritta biss minn tabib minn Stat Membru ieħor, bħala t-tieni opinjoni medika, u li, min-naħa l-oħra, ma tiggarantixxix, fil-kuntest ta’ proċedura aċċessibbli u prevedibbli, analiżi effettiva, mill-perspettiva medika, fil-kuntest tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ residenza, tal-possibbiltà li tiġi implimentata t-tieni opinjoni medika stabbilita fi Stat Membru ieħor?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tielet domanda, il-persuna assigurata, jew, skont il-każ, l-eredi tiegħu, jistgħu, sakemm jissodisfaw iż-żewġ rekwiżiti msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, jiksbu mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat tar-residenza tal-persuna assigurata r-rimbors sħiħ tal-ispejjeż sostnuti bl-implimentazzjoni ta’ terapija fi Stat Membru ieħor?

____________

1     Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).