Language of document : ECLI:EU:F:2013:34

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑91/10

AK

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal — Redazzjoni tardiva tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Danni morali — Telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AK titlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-24 ta’ Novembru 2009, li tiċħad it-talba tagħha, minn naħa, għall-kumpens tad-dannu li allegatament ġarrbet minħabba li ma ġewx redatti r-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera (iktar ’il quddiem ir-“RŻK”), għall-perijodi 2001/2002, 2004, 2005 u 2008, u min-naħa l-oħra, għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva dwar l-allegazzjonijiet ta’ fatti ta’ fastidju morali; fit-tieni lok, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għad-danni.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil AK is-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil AK is-somma ta’ EUR 4 000 bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità ta’ promozzjoni għal grad superjuri fil-grad A 5 jew ekwivalenti qabel l-1 ta’ Marzu 2008. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ AK.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors għad-danni — Redazzjoni tardiva tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera — Uffiċjal irtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità permanenti u totali — Żamma tal-interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 53, 78, 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Redazzjoni — Tardività — Nuqqas amministrattiv li ħoloq dannu morali — Kundizzjonijiet — Uffiċjal irtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità permanenti u totali — Portata tad-dannu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Nuqqas li jitwettaq l-obbligu li sentenza ta’ annullament tiġi eżegwita f’terminu raġonevoli — Nuqqas amministrattiv

(Artikolu 266 TFUE)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ġurisdizzjoni sħiħa — Kumpens tad-dannu materjali marbut mat-telf ta’ opportunità — Evalwazzjoni — Kriterji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Uffiċjal irtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità, kemm jekk il-possibbiltà tar-reintegrazzjoni tiegħu tkun purament ipotetika jew tabilħaqq reali, jibqagħlu, fil-prinċipju, interess li jingħata kumpens għad-dannu li effettivament ikun ġarrab minħabba d-dewmien fir-redazzjoni tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu. Madankollu, dan ma jeżentax lill-imsemmi uffiċjal milli josserva r-regoli dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-kundizzjoni li, sabiex jikseb kumpens, huwa għandu jistabbilixxi li ġarrab dannu reali u ċert.

(ara l-punti 33 u 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, punt 9; 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Diċembru 1996, Stott vs Il-Kummissjoni, T‑99/95, punt 72

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni, F-50/09, punt 117, li hija s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑401/11 P; 13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il-Kummissjoni, F-101/09, punt 78

2.      L-amministrazzjoni għandha tiżgura li ssir redazzjoni perijodika tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera fid-dati imposti mir-Regolamenti tal-Persunal jew mir-regoli adottati għall-implementazzjoni tagħhom u li l-imsemmija rapporti jiġu redatti regolarment, kemm għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll sabiex jitħarsu l-interessi tal-uffiċjali. B’hekk, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari, l-amministrazzjoni twettaq irregolarità ta’ natura tali li tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha meta twettaq ir-redazzjoni tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera b’dewmien.

Id-dewmien fir-redazzjoni tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera huwa ta’ natura tali, fih innifsu, li jikkawża dannu lill-uffiċjal għas-sempliċi fatt li l-iżvolġiment tal-karriera tiegħu jista’ jiġi affettwat min-nuqqas ta’ tali rapport f’mument meta jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernawh. Minn din il-perspettiva, jista’ jiġi aċċettat li l-uffiċjal li jkun ġie rtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità jitlob kumpens għad-dannu morali, reali u ċert, li jirriżulta mill-istat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà dwar il-futur professjonali tiegħu li n-nuqqas ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera seta’ kkawżalu meta kien għadu attiv. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-imsemmi uffiċjal matul il-perijodu kkunsidrat.

Għall-kuntrarju, meta l-perspettivi ta’ reintegrazzjoni tal-uffiċjal irtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità jkunu ipotetiċi, dan ma jkunx jista’ jibqa’ jinvoka, għall-perijodu li jibda jiddekorri mill-irtirar mhux volontarju tiegħu, dannu morali, reali u ċert li jirriżulta minn stat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà dwar il-futur professjonali tiegħu, għaliex huwa preċiżament dan il-futur professjonali li huwa ipotetiku.

(ara l-punti 49, 60 u 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il-Parlament, T‑59/96, punt 68; 23 ta’ Ottubru 2003, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑279/01, punti 55 u 56; 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T‑246/02, punt 68

3.      L-istituzzjoni li toħroġ l-att annullat hija obbligata tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. F’dan ir-rigward, peress li l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza teħtieġ l-adozzjoni ta’ għadd ta’ miżuri amministrattivi, l-istituzzjoni għandha terminu raġonevoli sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija sentenza. Għaldaqstant, istituzzjoni tmur kontra l-Artikolu 266 TFUE u twettaq nuqqas li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni meta, fin-nuqqas ta’ diffikultajiet partikolari fl-interpretazzjoni tas-sentenza ta’ annullament jew ta’ diffikultajiet prattiċi, hija tonqos milli tadotta miżuri konkreti għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza f’terminu raġonevoli.

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1997, Apostolidis et vs Il-Kummissjoni, T‑81/96, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ April 2007, C u F vs Il-Kummissjoni, F-44/06 u F-94/06, punti 60, 63 sa 67

4.      Kemm-il darba titressaq prova suffiċjenti, it-telf ta’ opportunità, bħal b’mod partikolari dik ta’ promozzjoni iktar kmieni, jikkostitwixxi dannu materjali li jista’ jiġi kkumpensat. L-uffiċjal li jiġi rtirat b’mod mhux volontarju minħabba invalidità jibqagħlu d-dritt li jitlob kumpens għat-telf ta’ opportunità li jingħata promozzjoni, anki jekk il-perspettivi tiegħu li jerġa’ jidħol jaħdem ikunu ipotetiċi, u dan għaliex dan it-telf ta’ opportunità seta’ kkawżalu dannu waqt li kien għadu attiv u seta’ kellu effett fuq l-ammont tal-allowance tal-invalidità mħallsa lilu, kif ukoll fuq l-ammont tal-pensjoni tal-anzjanità li ser jingħata ulterjorment.

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas abbażi tat-telf ta’ opportunità, wara li tiġi identifikata n-natura tal-opportunità li l-uffiċjal ikun ġie mċaħħad minnha, għandha tiġi ddeterminata d-data sa minn meta l-uffiċjal seta’ jibbenefika minn din l-opportunità, imbagħad għandha tiġi kkwantifikata din l-opportunità u, finalment, għandhom jiġu ppreċiżati liema kienu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf ta’ opportunità għall-uffiċjal. Barra minn hekk, meta dan ikun possibbli, l-opportunità li jkun ġie mċaħħad minnha uffiċjal għandha tiġi ddeterminata oġġettivament, fil-forma ta’ koeffiċjent matematiku li jirriżulta minn analiżi preċiża. Madankollu, meta din l-opportunità ma tkunx tista’ tiġi kkwantifikata b’dan il-mod, huwa aċċettat li d-dannu mġarrab jista’ jiġi evalwat ex æquo et bono.

(ara l-punti 69, 91 u 92)

Referenza:

It-Tribunal tal-Unjoni Ewropea 10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, punt 104

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: AA vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 81, 83, 93 u 94