Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fit-12 ta’ Diċembru 2018 – ZQ vs Corte dei Conti et

(Kawża C-790/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ZQ

Konvenuti: Corte dei Conti, Presidenza del Consiglio dei Ministri, Ministero dell’Economia e delle Finanze, Inps-Gestione

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(2) u (3) TUE, l-Artikoli 9, 45, 126, 145, 146, 147, 151(1) TFUE, l-Artikolu 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3 u 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(489) tal-Liġi Nru 147/2013, sa fejn din id-dispożizzjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi Taljani jippreferu biss, waqt ir-reklutaġġ jew l-għoti ta’ funzjonijiet, lill-ħaddiema li diġà jirċievu pensjoni mingħand korpi tas-sigurtà soċjali pubbliċi Taljani?

L-Artikoli 106(1) u 107 TFUE jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(489) tal-Liġi Nru 147/2013, li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi Taljani li jwettqu attività ekonomika, suġġetti għall-osservanza tal-Artikoli 101 et seq. TFUE, jimpjegaw persuni li taw il-kunsens tagħhom sabiex jirrinunzjaw, kompletament jew parzjalment, għar-remunerazzjoni korrispondenti, u b’hekk ikun possibbli li jiġu ekonomizzati l-ispejjeż u din l-istess awtorità tkun ivvantaġġata fil-kompetizzjoni ma’ operaturi ekonomiċi oħra?

L-Artikoli 2, 3, 6 TUE, l-Artikoli 126 u 151(1) TFUE, l-Artikolu 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 3 u 7(a) tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(489) tal-Liġi Nru 147/2013, li, skont il-kundizzjonijiet indikati mid-dispożizzjoni, taċċetta li ħaddiem jista’ validament jirrinunzja, kompletament jew parzjalment, għar-remunerazzjoni, anki jekk din ir-rinunzja tkun ġiet iffinalizzata biss sabiex jiġi evitat it-telf tal-attività professjonali?

L-Artikoli 2, 3 u 6 TUE, l-Artikoli 14, 15(1), 126 u 151(1) TFUE, l-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 5, 6 u 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(489) tal-Liġi Nru 147/2013, li, skont il-kundizzjonijiet indikati mid-dispożizzjoni, tippermetti lil ħaddiem jeżerċità, favur awtorità pubblika Taljana, attività professjonali filwaqt li jirrinunzja kompletament jew parzjalment, għar-remunerazzjoni korrispondenti, anki jekk fir-rigward ta’ din ir-rinunzja ma hija prevista ebda bidla fl-organizzazzjoni tax-xogħol, la fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u lanqas fuq il-livell tal-ammont u tal-kwalità tax-xogħol mitlub u tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw minnu, u għaldaqstant anki jekk permezz tar-rinunzja għal parti mir-remunerazzjoni jkun hemm bidla sinjifikattiva fin-natura reċiproka tar-relazzjoni ta’ xogħol, kemm mil-lat tal-proporzjonalità bejn ir-remunerazzjoni u l-kwalità u l-ammont ta’ xogħol imwettaq, kif ukoll għaliex b’dan il-mod il-ħaddiem ikun obbligat jeżerċità l-attività tiegħu f’kundizzjonijiet ta’ xogħol li ma jkunux l-aħjar, fatt li jħeġġu jinvesti inqas fix-xogħol tiegħu u huwa l-bażi ta’ inqas effettività tal-awtorità?

L-Artikoli 2, 3 u 6 TUE, l-Artkolu 126 u 151(1) TFUE, l-Artikolu 15(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jipprekludu d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(489) tal-Liġi Nru 147/2013 u tal-Artikolu 23ter(1) tad-Digriet Liġi Nru 201/2011, maqlub f’liġi permezz tal-Liġi Nru 214/2011, sa fejn tali dispożizzjonijiet jippermettu lil jew jeżiġu minn awtorità pubblika Taljana, anki waqt ir-relazzjoni ta’ xogħol jew ta’ kollaborazzjoni, li tnaqqas ir-remunerazzjoni dovuta lill-ħaddiem skont il-limitu massimu ta’ remunerazzjoni li għalih jirreferi dan l-Artikolu 23ter(1) tad-Digriet Liġi Nru 201/2011, maqlub f’liġi permezz tal-Liġi Nru 214/2011, u għaldaqstant b’konsegwenza ta’ avveniment mhux prevedibbli u, f’kull każ, b’applikazzjoni ta’ mekkaniżmu li ma jinftehimx mill-ewwel u minkejja l-informazzjoni pprovduta lill-ħaddiem fil-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol?

L-Artikoli 2, 3 u 6 TUE, l-Artikoli 8 u 126 TFUE, l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 10 u 15 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(489) tal-Liġi Nru 147/2013, li, skont il-kundizzjonijiet indikati mid-dispożizzjoni, timponi lill-awtorità pubblika Taljana tnaqqas ir-remunerazzjonijiet dovuti lill-ħaddiema tagħha stess u lill-kollaboraturi li jirċievu pensjoni mingħand korp tas-sigurtà soċjali pubbliku, u b’hekk tippenalizza lil dawn il-ħaddiema għaliex għandhom riżorsi ekonomiċi oħra, fatt li jiskoraġġixxi l-prolongazzjoni tal-ħajja attiva, l-inizjattiva ekonomika privata u l-istabbiliment u ż-żieda tal-assi privati, li jikkostitwixxu madankollu ġid u riżorsa għan-nazzjon?

____________