Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2018 – Klyuyev vs Il-Kunsill

(Kawża T-240/16) 1

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni ‒ Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li fil-konfront tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Bażi legali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għall-proprjetà – Dritt għar-reputazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Andriy Klyuyev (Donetsk, l-Ukrajna) (rappreżentanti: B. Kennelly, QC, J. Pobjoy, barrister, R. Gherson u T. Garner, solicitors)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Mahnič Bruni u J.-P. Hix, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa waħda, tad- Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/319 tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 76), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311 tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016, L 60, p. 1) u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrent kien inżamm fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

Dispożittiv

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34), sa fejn isem ir-rikorrent inżamm fil-lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi, u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huma annullati sa fejn l-isem ta’ Andriy Klyuyev inżamm fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawk il-miżuri restrittivi.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

A. Klyuyev huwa kkundannat li jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tat-talba għal annullament imressqa fir-rikors.

Il-Kunsill huwa kkundannat iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż sostnuti minn A. Klyuyev, fir-rigward tat-talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2017/381 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374, imressqa fin-nota ta’ adattament.

____________

1     ĠU C 270, 25.7.2016.