Language of document : ECLI:EU:T:2008:102

Kawża T-233/04

Ir-Renju ta’ l-Olanda

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat – Direttiva 2001/81/KE – Miżura nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-nitrogen oxides – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Ammissibbiltà – Vantaġġ – Nuqqas ta’ natura selettiva tal-miżura”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament – Rikors ta’ l-Istati Membri

(Artikolu 88 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett

(Artikolu 87(1), KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura

(Artikoli 6 KE u 87(1) KE)

1.      L-Artikolu 230 KE jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal rikors għal annullament ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u ta’ l-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, min-naħa l-oħra, peress li t-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jagħti b’mod partikolari lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Madankollu, sabiex att tal-Kummissjoni jista’ jkun suġġett għal tali rikors, jeħtieġ li jkun ta’ natura li jipproduċi effetti legali. Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika miżura bħala għajnuna mill-Istat, ħaġa li tippermettilha teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, tipproduċi dawn l-effetti u għaldaqstant tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ Stat Membru, att li jista’ jiġi kkontestat.

(ara l-punti 37, 41-42)

2.      Fil-kuntest ta’ skema li tistabbilixxi, fil-konfront ta’ ċerti impriżi, standard ta’ emissjonijiet li għandu jiġi osservat għan-nitrogen oxide, u li tawtorizza lil dawn l-impriżi jinnegozjaw bejniethom il-kwoti ta’ emissjonijiet derivanti indirettament minn dan l-istandard, l-awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru sabiex jinnegozjaw dawn il-kwoti, li tagħtihom għalhekk in-natura ta’ assi intanġibbli li jistgħu jinbiegħu liberament, meta dan l-Istat Membru seta’ biegħhom jew irkantahom, tikkostitwixxi vantaġġ mogħti lill-impriżi kkonċernati permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

(ara l-punti 70, 74-75, 78)

3.      Ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat miżura nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-nitrogen oxides u li tippermetti lill-installazzjonijiet industrijali kbar li fil-konfront tagħhom hija tistabbilixxi limitu massimu ta’ emissjonijiet li jibbenefikaw minn vantaġġ li jikkonsisti fil-possibbiltà li jbigħu kwoti ta’ emissjonijiet, peress li l-kriterju għall-applikazzjoni tal-miżura in kwistjoni huwa kriterju oġġettiv, mingħajr ebda kunsiderazzjoni ġeografika jew settorjali, u li, barra minn hekk, billi tirrigwarda l-impriżi li jniġġsu l-iktar, hija konformi ma’ l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni ta’ l-ambjent, u man-natura u l-istruttura ġenerali ta’ l-iskema, peress li l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekoloġika jiġġustifikaw id-distinzjoni bejn l-impriżi b’emissjonijiet ta’ kwantitajiet qawwija ta’ nitrogen oxides u li għalihom japplika standard speċifiku ta’ tnaqqis mill-impriżi oħra, li għaldaqstant ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika.

(ara l-punti 88, 90, 97-99)