Language of document : ECLI:EU:F:2010:24

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

15 ta’ April 2010

Kawża F-4/09

Jorge de Britto Patricio-Dias

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Assenjazzjoni — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz — Korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Drittijiet tad-difiża — Motivazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu J. de Britto Patricio‑Dias jitlob, l-ewwel nett, l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-11 ta’ April 2008, li tassenjah mill-ġdid fl-unità B.3 “Loġistika, innovazzjoni u komodalità” tad-Direttorat Ġenerali “Enerġija u Trasport” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-21 ta’ Ottubru 2008, li tiċħad l-ilment tiegħu.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

2.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz — Obbligu ta’ motivazzjoni — Assenza

3.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 25)

1.      Għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal ma jsemmux il-frażi “assenjazzjoni mill-ġdid”, id-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid huma suġġetti, bħalma huma t-trasferimenti, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-uffiċjali kkonċernati, għar-regoli tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-istituzzjonijiet għandhom, għaldaqstant, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir‑rigward tal-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-funzjonijiet fdati lilhom, u tal-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-funzjonijiet, tal-persunal disponibbli, bil-kundizzjoni, madankollu, minn naħa, li din l-assenjazzjoni ssir fl‑interess tas-servizz u, min-naħa l-oħra, li din tosserva l-korrispondenza bejn il-grad u l‑pożizzjoni, filwaqt li l-perċezzjoni tal-parti kkonċernata, f’dan ir-rigward, hija irrilevanti.

Fid-dawl tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l‑osservanza tal-kundizzjoni relattiva għall-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk l-Awtorità tal-Ħatra aġixxietx fil-limiti raġonevoli u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skont il-kompetenzi speċifiċi tagħhom u l-preferenzi personali tagħhom, xorta waħda ma jistax jiġi rrikonoxxut lilhom id-dritt li jeżerċitaw jew iżommu funzjonijiet speċifiċi.

(ara l-punti 35 sa 38 u 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1981, Kruse vs Il‑Kummissjoni, 218/80, Ġabra p. 2417, punt 7; 23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, Ġabra p. 1681, punt 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Ottubru 2004, Meister vs UASI, T‑76/03, ĠabraSP p. I‑A‑325 u II‑1477, punt 64; 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T-339/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑29 u II‑A‑2‑179, punti 35 u 47; 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑37 u II‑A‑2‑253, punt 99; It-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku: 8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑119/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑147 u II‑A‑1‑787, punti 84 u 98, li hija suġġetta għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑266/08 P

2.     Jekk sempliċi miżura ta’ organizzazzjoni interna, meħuda fl-interess tas-servizz, bħalma hija miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, ma tippreġudikax il-pożizzjoni statutorja ta’ uffiċjal jew il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, l‑amministrazzjoni ma hijiex obbligata li tagħti motivazzjoni għaliha.

(ara l-punt 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Clotuche vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 153 u 195; Caló vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 126 u 142

3.     Deċiżjoni hija mmotivata biżżejjed jekk tkun saret f’ċirkustanzi li l-uffiċjal ikkonċernat ikun jaf bihom u li jippermettulu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu. Dan huwa l-każ fejn iċ-ċirkustanzi li fihom il-miżura inkwistjoni tkun ġiet adottata, kif ukoll l-avviżi u l-komunikazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjawha, jippermettu għarfien tal-elementi essenzjali li ggwidaw lill‑amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punt 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Settembru 2005, Napoli Buzzanca vs Il‑Kummissjoni, T‑218/02, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1221, punt 65.