Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ Mejju 2020 – P vs “K” EOOD

(Kawża C-229/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:P

Konvenuta: ‟K” EOOD

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż ta’ servizzi addizzjonali, miftiehma fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, bħalma huma t-tariffi għall-possibbiltà ta’ estensjoni u ta’ tnaqqis tar-rimborsi, jikkostitwixxu parti mir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena tal-kreditu?

L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni żbaljata tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur konkluż bejn negozjant u konsumatur bħala debitur għandha titqies bħala assenza ta’ indikazzjoni ta’ rata ta’ imposta perċentwali fis-sena fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur u fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tapplika l-effetti previsti fid-dritt nazzjonali tagħha fil-każ li ma tkunx ġiet indikata rata ta’ imposta perċentwali fis-sena fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur?

L-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tfisser li jiġi rrimborsat biss l-ammont prinċipali tal-kreditu, hija sanzjoni proporzjonata fil-każijiet fejn il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur ma jkunx fih indikazzjoni preċiża tar-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena?

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 2 għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa għal sett ta’ servizzi addizzjonali prevista fi ftehim addizzjonali għal kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, konkluż separatament u b’mod addizzjonali għall-kuntratt prinċipali, għandha titqies li hija parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt u għalhekk ma tistax tkun suġġetta għal evalwazzjoni tan-natura inġusta?

Irrispettivament mir-risposta għat-tielet domanda, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(o) tal-Anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija inġusta klawżola f’kuntratt dwar servizzi addizzjonali għall-kreditu lill-konsumatur, li tipprevedi l-possibbiltà għall-konsumatur li b’mod astratt jiddiferixxi jew jipposponi l-ħlas, li fir-rigward tiegħu huwa obbligat iħallas tariffa, u dan anki meta ma jinvokax tali possibbiltà?

____________

1     ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.