Language of document : ECLI:EU:F:2014:226

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

25 ta’ Settembru 2014

Kawża F-61/11 DEP

Daniele Possanzini

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

“Servizz pubbliku – Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għall-intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, ippreżentata skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “Frontex” jew l-“Aġenzija”) wara d-digrieti Possanzini vs Frontex (F‑61/11 R, EU:F:2011:183) u Possanzini vs Frontex (F‑61/11, EU:F:2012:146).

Deċiżjoni :      L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mingħand D. Possanzini fir-rigward tal-Kawżi F‑61/11, Possanzini vs Frontex, u F‑61/11 R, Possanzini vs Frontex, jammonta għal EUR 8 978.28. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha inkorsi taħt din il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Kunċett – Onorarji mħallsa minn istituzzjoni lill-avukat tagħha – Inklużjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19, u Annes  I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Kunċett – Spejjeż ta’ trasferiment esposti minn membru tal-persunal ta’ istituzzjoni sabiex jiltaqa’ ma’ avukat li jassistih fil-post ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Taxxa – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Spejjeż indispensabbli marbuta mal-proċedura ta’ tassazzjoni – Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))


1.      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istatut jirriżulta li l-istituzzjonijiet huma liberi jirrikorru għall-assistenza ta’ avukat. Għaldaqstant ir-rermunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar tidħol fil-kunċett ta’ spejjeż indispensabbli esposti għall-finijiet tal-proċedura, mingħajr ma l-istituzzjoni jkollha obbligu li turi li tali assistenza kienet oġġettivament ġustifikata. Għalhekk, għalkemm il-fatt li istituzzjoni tkun ġiegħlet lil membru tal-persunal u lil żewġ avukati jintervjenu huwa mingħajr effett fuq in-natura potenzjalment rekuperabbli tal-ispejjeż, peress li dawn ma għandhomx jiġu esklużi bħala prinċipju, dan jista’ jkollu impatt fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-proċedura ta’ ġbir in fine.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: digrieti Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T-498/09 P, EU:T:2012:147, punt 20, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T-278/07 P‑DEP, EU:T:2013:269, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-ispejjeż ta’ trasferiment esposti minn avukat sabiex jiltaqa’ personalment mal-klijent tiegħu fil-post ta’ residenza tiegħu b’mod ġenerali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura, sakemm il-parti li titlob ir-rimbors tagħhom tista’ tiġġustifika n-natura neċessarja għall-proċedura fil-kawża prinċipali ta’ dawn il-laqgħat u l-ħtieġa li dawn il-laqgħat jinżammu fil-post ta’ residenza tal-klijenti. Dan il-prinċipju għandu jiġi applikat ukoll għall-ispejjeż esposti minn membru tal-persunal ta’ istituzzjoni sabiex jiltaqa’ mal-avukati li jassistuh fi proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-mezzi ta’ komunikazzjoni eżistenti jiffaċilitaw l-iskambji bejn avukati u klijenti, dawn il-mezzi ma jistgħux jissostitwixxu għal kollox kull laqgħa personali u dejjem huwa possibbli li dawn il-laqgħat ikunu neċessarji għall-finijiet tal-proċedura quddiem l-imsemmi Tribunal. Madankollu hija l-parti li titlob ir-rimbors tal-ispejjeż relatati ma’ dawn il-laqgħat li għandha tipprova li dawn kienu jikkonċernaw il-kawża prinċipali u li dawn kienu neċessarji.

(ara l-punt 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: digrieti ICI vs Il‑Kummissjoni, C‑286/95 P‑DEP, EU:C:2004:412, punt 28, u Tetra Laval vs Il‑Kummissjoni, C‑12/03 P‑DEP u C‑13/03 P‑DEP, EU:C:2010:280, punt 66

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: digriet Sison vs Il‑Kunsill, T-47/03 DEP, EU:T:2009:166, punt 52

3.      Anki jekk, formalment, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni separatament dwar l-ispejjeż u l-onorarji esposti għall-finijiet ta’ proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż, madankollu hija l-qorti tal-Unjoni, meta tiffissa l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punt 52)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digrieti Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10 DEP, EU:F:2012:183, punti 49 u 50; Martinez Erades vs SEAE, F‑64/12 DEP, EU:F:2013:111, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Bogusz vs Frontex, F‑5/12 DEP, EU:F:2014:179, punt 45