Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fl-24 ta’ Diċembru 2019 – Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf GmbH & Co. KG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-938/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf GmbH & Co. KG

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87/KE 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni bħal dik tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(4) tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz 2011 (il-Liġi dwar l-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra tal-2011), li tipprevedi li installazzjoni awtorizzata skont il-Bundesimissionsschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni mill-Emissjonijiet) hija wkoll suġġetta għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni sa fejn l-awtorizzazzjoni tkopri wkoll installazzjonijiet anċillari li ma jemettux gassijiet serra?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Mill-kriterji għall-kalkolu tal-kwota ta’ eliġibbiltà kkoreġut (“corrected eligibility ratio”) previsti fil-mudell għall-[ġbir ta’ data] żviluppat mill-Kummissjoni u intiż għall-Istati Membri, jirriżulta li fil-każ tas-sħana importata minn installazzjonijiet li ma humiex suġġetti għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, il-kwota għandha tiġi applikata għas-sħana totali prodotta fl-installazzjoni suġġetta għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, anki meta s-sħana importata tista’ tiġi attribwita b’mod ċar għal wieħed minn numru ta’ flussi tas-sħana identifikabbli u rreġistrati separatament u/jew għall-konsum intern tas-sħana fl-installazzjoni?

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE 2 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ sħana rilevanti għas-subinstallazzjoni li hija suġġetta għal parametru ta’ riferiment ta’ sħana jikkonċerna settur jew subsettur li huwa kkunsidrat bħala espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx ta’ karbonju konformement mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE 3 meta din is-sħana tintuża sabiex tipproduċi kesħa u l-kesħa tiġi kkonsmata minn installazzjoni li ma hijiex suġġetta għal skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni f’settur jew subsettur espost għal riskju sinjifikattiv ta’ rilaxx ta’ karbonju?

L-applikabbiltà tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278 tiddependi fuq jekk il-kesħa hijiex prodotta fil-limiti tal-installazzjoni li hija suġġetta għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni?

____________

1     Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

2     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).

3     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10), abrogata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/7469/UE (ĠU 2014, L 308, p. 114).