Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fil-5 ta’ Novemrbu 2018 – OC et vs Banca d’Italia et

(Kawża C-686/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: OC et, Adusbef, Federconsumatori, PB et, QA et.

Konvenuti: Banca d’Italia, Presidenza del Consiglio dei Ministri, Ministero dell’economia e delle finanze

Domandi preliminari

L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 575/2013[, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment] 1 , l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega Nru 241/2014 2 , l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’riferiment għall-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 3 , jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik introdotta permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 3/2015, maqlub f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 33/2015 (u fil-preżent anki l-Artikolu 1(15) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72/2015, li ssostitwixxa l-Artkolu 28(2-ter), [Test Uniku Bankarju], li essenzjalment jirriproduċi t-test tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 3/2015, kif meqlub f’liġi, b’emendi mhux rilevanti f’dan il-każ), li timponi limitu ta’ attiv li lil hinn minnu l-bank popolari huwa obbligat li jittrasforma ruħu f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, filwaqt li tiffissa dan il-limitu għal 8 biljuni ta’ attiv? Barra minn hekk, l-imsemmija parametri tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ trasformazzjoni tal-bank popolari f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, tippermetti lill-istituzzjoni tiddifferrixxi jew tillimita, anki għal żmien indeterminat, ir-rimbors tal-azzjonijiet tas-soċju li jirtira?

L-Artikoli 3 u 63 et seq. TFUE dwar il-kompetizzjoni fis-suq intern u l-moviment liberu tal-kapital, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik introdotta permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 maqlub f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 33/2015, li tillimita l-eżerċizzju tal-attività bankarja fil-forma ta’ kooperattiva sa limitu determinat ta’ attiv, billi tobbliga lill-istituzzjoni tittrasforma ruħha f’kumpannija b’responsabbiltà limitata fil-każ li dan il-limitu jinqabeż?

L-Artikoli 107 et seq. TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik introdotta permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 maqlub f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 33/2015, (u fil-preżent anki l-Artikolu 1(15) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 72/2015, li ssostitwixxa l-Artkolu 28(2-ter), [Test Uniku Bankarju], li essenzjalment jirriproduċi t-test tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 3/2015, kif meqlub f’liġi, b’emendi mhux rilevanti f’dan il-każ), li timponi t-trasformazzjoni tal-bank popolari f’kumpannija b’responsabbiltà limitata fil-każ li jinqabeż ċertu limitu ta’ attiv (stabbilit għal 8 biljuni), filwaqt li tipprevedi restrizzjonijiet fuq ir-rimbors tal-ishma tas-soċju fil-każ ta’ rtirar, sabiex tiġi evitata l-likwidazzjoni possibbli tal-bank ittrasformat?

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega UE Nru 241/2014, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista mill-Artikolu 1 tad-Digriet Liġi Nru 3/2015 maqlub f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 33/2015, hekk kif interpretata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) fis-sentenza tagħha Nru 99/2018, li tippermetti lill-bank popolari jiddifferixxi r-rimbors għal perijodu illimitat u jillimita kompletament jew parzjalment l-ammont?

Fil-każ li, fl-interpretazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija kompatibbli mal-interpretazzjoni prevista mill-kontropartijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-konformità mad-dritt Ewropew tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 541/2014, fid-dawl tal-Artikolu 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (li jipprevedi: “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”, integrat, anki fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-istess Karta (li jipprevedi: “[s]afejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”) u tal-ġurisprudenza tal-KEDB dwar l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB.

____________

1 Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2013, L 208, p. 68).

2 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għar-Rekwiżiti tal-Fondi Proprji għall-istituzzjonijiet (ĠU 2014, L 74, p. 8).

3 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).