Language of document : ECLI:EU:C:2019:218

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kunċett ta’ ‘ħarba’ – Modalitajiet ta’ estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fi tmiem il-proċedura ta’ ażil – Kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru”

Fil-Kawża C‑163/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bade-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ April 2017, fil-proċedura

Abubacarr Jawo

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, L. Bay Larsen u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Jawo, minn B. Münch u U. Bargon, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, R. Kanitz, M. Henning u V. Thanisch, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Van Lul u P. Cottin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Cordi u L. D’Ascia, avvocati dello Stato,

–        għall-gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai, M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer, M. Bulterman, C. S. Schillemans u M. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Abubacarr Jawo u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar deċiżjoni ta’ trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Italja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Intitolat “Projbizzjoni ta’ tortura”, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jistipula:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

4        Skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Id-dinjità tal-bniedem”:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

5        L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jistabbilixxi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

6        L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

7        L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.”

8        L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB] u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

 Ir-Regolament Dublin III

9        Ir-Regolament Dublin III ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”). Il-premessi 4, 5, 19, 32 u 39 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu:

“(4)      Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, adottati waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.

[…]

(32)      Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(39)      Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-[Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-asil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-[Karta] kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1, 4, 7, 24 u 47 tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ.”

10      Skont l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, b’“riskju ta’ ħarba” huwa mifhum, għall-finijiet tiegħu, “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali, li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mil-liġi, biex wieħed jaħseb li applikant jew ċittadin ta’ pajjiż terż jew ta’ persuna mingħajr Stat li huwa soġġett għal proċedura ta’ trasferiment jista’ jaħrab”.

11      L-Artikolu 3 tar-Regolament Dublin III, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

12      Il-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 27 u 29 ta’ dan ir-regolament.

13      L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Rimedji”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

14      It-Taqsima VI tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, iddedikata għat-trasferimenti tal-applikanti lejn l-Istat Membru responsabbli, tinkludi l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, li jipprevedi:

“1.      It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

Jekk trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli jsiru permezz ta’ tluq sorveljat jew taħt skorta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn isiru b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana.

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]

4.      Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi kondizzjonijiet uniformi għall-konsultazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasferimenti li ġew posposti jew damu, trasferimenti b’segwitu għal aċċettazzjoni awtomatika, trasferimenti ta’ minorenni jew persuni dipendenti, u ta’ trasferimenti sorveljati. […]”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

15      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), jinkludi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II u, issa, dawk tar-Regolament Dublin III.

16      Il-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Trasferimenti”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, huwa nnifsu intitolat “Trasferimenti posposti u mdewmin”, li jistabbilixxi:

“1.      L-Istat Membru responsabbli għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien b’kull postponiment dovut jew għal proċedura t’appell jew ta’ reviżjoni b’effett suspensiv, jew għal raġunijiet fisiċi bħal nuqqas ta’ saħħa tal-persuna li qed tfittex asil, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ trasport jew il-fatt li l-persuna li qed tfittex asil irtirat mill-proċedura ta’ trasferiment.

1a.      Fejn trasferiment ikun ittardjat wara talba mingħand l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment, it-trasferiment u l-Istati Membri responsabbli għandhom ikomplu l-komunikazzjoni sabiex jippermettu li jiġi organizzat trasferiment ġdid malajr kemm jista’ jkun, skont l-Artikolu 8 u mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-mument meta l-awtoritajiet isiru jafu bit-twaqqif taċ-ċirkostanzi li kkawżaw id-dewmien jew il-posponiment. F’każ bħal dan, għandha tintbagħat formola standard aġġornata għat-trasferiment tad-dejta qabel ma jitwettaq it-trasferiment kif stipulat fl-Anness VI.

2.      Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il-limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it-tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-[Regolament Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament.

[…]”

 Id-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni

17      Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Klassifikazzjoni”), li fih jinsabu l-Artikoli 20 sa 35 tagħha, jiddefinixxi l-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali.

18      L-Artikolu 34 tad-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni, intitolat “Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni”, jipprevedi:

“Sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni li jqisu li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi.”

 Id-Direttiva dwar l-Akkoljenza

19      Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Akkoljenza”), tipprevedi, fl-Artikolu 5 tagħha, intitolat “Informazzjoni”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-applikanti, fi żmien raġonevoli li ma jeċċedix ħmistax-il jum wara li jkunu ddepożitaw l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, għall-inqas b’xi benefiċċji stabbiliti u bl-obbligi li magħhom għandhom jikkonformaw ruħhom konnessi mal-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza.

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 tkun bil-miktub u, f’lingwa li l-applikant jifhem jew huwa raġonevolment maħsub li jifhem. Fejn xieraq, din l-informazzjoni tista’ wkoll tkun mogħtija bil-fomm.”

20      L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, intitolat “Residenza u libertà ta’ moviment”, jistabbilixxi:

“1.      L-applikanti jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru. Iż-żona assenjata m’għandhiex taffettwa l-isfera inaljenabbli tal-ħajja privata u għandha tippermetti ambitu suffiċjenti biex tiggarantixxi aċċess għall-benefiċċji kollha skont din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar ir-residenza lill-applikant minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza suġġetti għal residenza reali mill-applikanti f’post speċifiku, li għandu jkun determinat mill-Istati Membri. Tali deċiżjoni, li tista’ tkun ta’ natura ġenerali, għandha tittieħed fuq livell individwali u stabbilita mil-liġi nazzjonali.

4.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li jagħtu lill-applikanti permess temporanju li jħallu l-post ta’ residenza msemmi fil-paragrafi 2 u 3 u/jew iż-żona assenjata msemmija fil-paragrafu 1. Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq livell individwali, oġġettivament u imparzjalment u jingħataw raġunijiet jekk dawn ikunu negattivi.

L-applikant m’għandux ikun jeħtieġ permess biex iżomm appuntamenti ma’ awtoritajiet u qrati jekk il-preżenza tiegħu jew tagħha tkun meħtieġa.

5.      L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizz attwali tagħhom u jinnotifikaw kull tibdil fl-indirizz lil tali awtoritajiet mill-aktar fis possibbli.”

 Id-dritt Ġermaniż

21      L-Artikolu 60a tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali, iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”), kif emendata, b’effett mis‑6 ta’ Awwissu 2016, permezz tal-Integrationsgesetz (il-Liġi dwar l-Integrazzjoni) tal‑31 ta’ Lulju 2016 (BGBl. 2016 I, p. 1939, iktar ’il quddiem l-“Integrationsgesetz”), huwa intitolat “Sospensjoni temporanja tat-tneħħija (tolleranza)”, u jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“It-tneħħija ta’ ċittadin barrani għandha tiġi sospiża sakemm din it-tneħħija tkun impossibbli minħabba raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi u sakemm ma tingħatax permess ta’ residenza. […] Ċittadin barrani jista’ jinħariġlu dokument li juri li l-preżenza tiegħu hija ttollerata (Duldung) (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ tolleranza”) fejn raġunijiet imperattivi ta’ natura umanitarja jew personali, jew interessi pubbliċi importanti, jirrikjedu ż-żamma provviżorja tal-preżenza tiegħu fit-territorju federali. Dokument ta’ tolleranza għal raġunijiet imperattivi ta’ natura personali, fis-sens tat-tielet sentenza iktar ’il fuq, għandu jinħareġ meta ċ-ċittadin barrani jkun beda jsegwi, jew segwa, fil-Ġermanja taħriġ professjonali speċjalizzat fi professjoni rikonoxxuta mill-Istat jew irregolata b’mod ekwivalenti, meta l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6 ma jkunux issodisfatti u meta ma jkun hemm l-ebda miżuri konkreti imminenti sabiex tintemm ir-residenza. Fil-każijiet koperti mir-raba’ sentenza iktar ’il fuq, id-dokument ta’ tolleranza għandu jinħareġ għat-tul tat-taħriġ professjonali stabbilit fil-kuntratt ta’ taħriġ. […]”

22      L-Artikolu 29 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil), kif emendat, b’effett mis‑6 ta’ Awwissu 2016, bl-Integrationsgesetz (iktar ’il quddiem l-“AsylG”), huwa intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli” u jipprevedi:

“(1)      Applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli meta

1.      Stat Membru ieħor huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil

a)      skont ir-[Regolament Dublin III], jew

b)      minħabba dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ trattat internazzjonali

[…]”

23      L-Artikolu 31 tal-AsylG, intitolat “Deċiżjoni tal-Uffiċċju dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 hawn fuq u fid-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil inammissibbli, għandu jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 60(5) jew (7) tal-Aufenthaltsgesetz humiex sodisfatti. Dan ma huwiex meħtieġ, madankollu, meta ċ-ċittadin barrani jkun irrikonoxxut bħala benefiċjarju tad-dritt għall-ażil jew jingħata protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1(1).”

24      L-Artikolu 34a tal-AsylG, intitolat “Ordni ta’ tneħħija”, jipprevedi:

“(1)      Jekk iċ-ċittadin barrani għandu jitneħħa lejn Stat terz sigur (Artikolu 26a) jew lejn Stat responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ ażil (il-punt 1 tal-Artikolu 29a(1)), l-Uffiċċju għandu jordna t-tneħħija lejn dan l-Istat, fil-mument li jiġi stabbilit li tista’ tiġi implimentata din it-tneħħija. Dan huwa wkoll il-każ meta ċ-ċittadin barrani jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-ażil fi Stat ieħor responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ ażil minħabba dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew ta’ trattat internazzjonali, jew jekk ikun irtiraha qabel id-deċiżjoni tal-Uffiċċju. Ma hemmx bżonn ta’ notifika minn qabel ta’ tneħħija imminenti jew ta’ terminu sabiex l-ordni ta’ tneħħija tkun infurzabbli. Jekk ordni ta’ tneħħija ma tistax tingħata skont l-ewwel jew it-tieni sentenza iktar ’il fuq, l-Uffiċċju għandu jinnotifika t-tneħħija imminenti lejn l-Istat ikkonċernat.

(2)      L-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 80(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, magħmula kontra l-ordni ta’ tneħħija, għandhom jiġi ppreżentati f’terminu ta’ ġimgħa min-notifika. Jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata f’dan it-terminu, ma tistax issir it-tneħħija qabel id-deċiżjoni ġudizzjarja. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      A. Jawo huwa, skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, ċittadin tal-Gambja imwieled fit‑23 ta’ Ottubru 1992.

26      Wara li telaq mill-Gambja fil‑5 ta’ Ottubru 2012, A. Jawo wasal, bil-baħar, l-Italja, fejn kompla l-vjaġġ tiegħu lejn il-Ġermanja. Fit‑23 ta’ Diċembru 2014, huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru tal-aħħar.

27      Peress li A. Jawo kien diġà ppreżenta, skont id-database Eurodac, applikazzjoni għall-ażil fl-Italja, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) talab, fis‑26 ta’ Jannar 2015, lill-awtoritajiet Taljani jieħdu lura lill-persuna kkonċernata taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dawn l-awtoritajiet ma rreaġixxewx għal din it-talba.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2015, l-Uffiċċju, minn naħa, ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ A. Jawo bħala inammissibbli, u, min-naħa l-oħra, ordna t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja.

29      Fl‑4 ta’ Marzu 2015, A. Jawo ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, li kien jinkludi, fit‑12 ta’ Marzu 2015, talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ April 2015, il-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Qorti Amministrattiva ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), l-ewwel nett, ċaħdet din l-aħħar talba bħala inammissibbli, peress li din ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu.

30      Fit‑8 ta’ Ġunju 2015, A. Jawo kellu jiġi ttrasferit lejn l-Italja. Dan it-trasferiment ma sarx minħabba l-fatt li A. Jawo ma kienx preżenti fl-istruttura ta’ akkomodazzjoni kollettiva fejn suppost kien joqgħod, f’Heidelberg (il-Ġermanja). Mistoqsi dwar dan il-punt mir-Regierungspräsidium Karlsruhe (il-Prefettura ta’ Karlsruhe), is-servizz speċjalizzat fl-akkomodazzjoni ta’ urġenza f’Heidelberg indika, fis‑16 ta’ Ġunju 2015, li, skont il-purtier responsabbli mill-postijiet, A. Jawo ma kienx għadu jinsab f’din l-istruttura ta’ akkomodazzjoni kollettiva sa minn ċertu żmien.

31      Permezz ta’ formola datata s‑16 ta’ Ġunju 2015, l-Uffiċċju informa lill-awtoritajiet Taljani li, skont l-informazzjoni riċevuta fl-istess ġurnata, ma kienx possibbli preżentement li A. Jawo jiġi ttrasferit minħabba li dan tal-aħħar kien ħarab. Fuq din il-formola, ġie indikat ukoll li trasferiment tal-persuna kkonċernata kellha sseħħ sa mhux iktar tard mill‑10 ta’ Awwissu 2016, “skont l-Artikolu 29(2) [tar-Regolament Dublin III]”.

32      Huwa stabbilit li fil-jum meta l-formola kkonċernata kienet innotifikata lill-awtoritajiet Taljani, A. Jawo reġa’ kien preżenti f’Heidelberg, iżda li din l-informazzjoni ma kinitx waslet lill-Uffiċċju. Madankollu, ma huwiex stabbilit jekk, fil-mument preċiż meta A. Jawo kien preżenti f’Heidelberg, l-Uffiċċju kienx diġà kkomunika din il-formola lill-awtoritajiet Taljani.

33      A. Jawo ddikjara, fir-rigward tal-assenza tiegħu, li, fil-bidu ta’ Ġunju 2015, huwa kien żar lil ħabib li jgħix ġewwa Freiberg am Neckar (il-Ġermanja). Wara li rċieva telefonata mingħand il-persuna li kienet taqsam il-kamra miegħu f’Heidelberg fejn informatu li l-pulizija kienet qed tfittxu, dan iddeċieda li jirritorna lejn Heidelberg. Madankollu, dan ma kellux is-somma ta’ flus meħtieġa sabiex iħallas il-vjaġġ bejn dawn iż-żewġt ibliet u kellu qabelxejn jissellef din is-somma. Mar-ritorn f’Heidelberg, huwa mar fis-Sozialamt (l-Uffiċċju tal-Affarijiet Soċjali) fejn staqsa jekk il-kamra kinitx għadha tiegħu, u dan ġie kkonfermat.

34      Barra minn hekk, A Jawo ddikjara li ħadd ma kien indikalu li huwa kellu javża dwar l-assenza tiegħu.

35      Fit‑3 ta’ Frar 2016, it-tieni tentattiv ta’ trasferiment ma rnexxiex minħabba l-fatt li A. Jawo rrifjuta li jirkeb l-ajruplan li kellu jiżgura t-trasferiment tiegħu.

36      Adita b’talba għal miżuri provviżorji ġdida, il-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Qorti Amministrattiva ta’ Karlsruhe), b’deċiżjoni tat‑18 ta’ Frar 2016, ordnat l-effett sospensiv tar-rikors li A. Jawo kien ippreżenta fl‑4 ta’ Marzu 2015.

37      B’sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2016, l-imsemmija qorti ċaħdet dan ir-rikors.

38      Fil-kuntest tal-appell ippreżentat mis-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), A. Jawo sostna, b’mod partikolari, li huwa ma kienx ħarab fix-xahar ta’ Ġunju 2015 u li l-Uffiċċju ma setax validament jestendi t-terminu ta’ trasferiment. Barra minn hekk, it-trasferiment tiegħu lejn l-Italja jkun illegali minħabba l-fatt li, f’dak l-Istat Membru, jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

39      Matul il-proċedura ta’ appell, l-Uffiċċju sar jaf li r-rikorrent kien ingħata permess nazzjonali ta’ residenza fl-Italja, għal raġunijiet umanitarji, li kien validu għal sena u li kien skada fid‑9 ta’ Mejju 2015. Il-qorti tar-rinviju tqis, madankollu, li l-għoti ta’ dan il-permess ta’ residenza ma kellux il-konsegwenza li jrendi r-Regolament Dublin III inapplikabbli, peress li l-imsemmi permess ma kienx ta protezzjoni internazzjonali lil A. Jawo, fis-sens tad-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni.

40      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, hija għandha qabelxejn tagħti risposta għad-domanda dwar jekk, fis‑16 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri fid-data tan-notifika magħmula mill-Uffiċċju lill-Ministeru tal-Intern Taljan, ir-rikorrent kienx “ħarab”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III.

41      F’dan il-kuntest, hija ssostni li t-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament kien diġà skada fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Qorti Amministrattiva ta’ Karlsruhe) tat‑18 ta’ Frar 2016, li tordna l-effett sospensiv tar-rikors ippreżentat minn A. Jawo, b’tali mod li din l-aħħar deċiżjoni ma kinitx għadha tista’ testendi jew tinterrompi dan it-terminu.

42      Il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk tieħu bħala bażi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” li tinsab fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III, li fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Ġermaniża, jirreferi għall-biża’ li l-persuna kkonċernata “tevita”, billi taħrab, il-proċedura ta’ trasferiment, hemm lok li jitqies li dan il-kunċett huwa kkonċernat biss mill-aġir intenzjonali tal-persuna kkonċernata, sabiex jiġi evitat trasferiment. Madankollu, jeżistu raġunijiet validi sabiex jitqies li huwa biżżejjed, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, li l-awtorità kompetenti ma kinitx taf bil-post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fid-data tat-tentattiv ta’ trasferiment u fil-mument meta hija infurmat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest dwar dan. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jitqies li din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex tissanzjona aġir oġġezzjonabbli tal-persuna kkonċernata. L-għan tagħha huwa li tiżgura l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli żviluppata mil-leġiżlatur tal-Unjoni (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ Dublin”), li jista’ jiġi mfixkel b’mod sinjifikattiv jekk it-trasferimenti ġew imxekkla minħabba raġunijiet esterni għall-isfera ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedenti. Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li titressaq il-prova li l-persuni kkonċernati jkunu telqu mir-residenza tagħhom bl-għan li jxekklu t-trasferiment tagħhom.

43      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom tinbeda l-estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III f’każ ta’ ħarba. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tidher, prima facie, li tissuġġerixxi li l-Istati Membri jridu jaqblu dwar dan is-suġġett, din tista’ wkoll twassal għal interpretazzjoni li tgħid li l-Istat Membru rikjedenti jista’ jiddeċiedi b’mod unilaterali li jestendi dan it-terminu billi jinforma lill-Istat Membru rikjest qabel ma jiskadi t-terminu inizjali ta’ sitt xhur dwar il-fatt li t-trasferiment ma jistax isir qabel tmiem dan it-terminu u li dan ser isir f’terminu li l-Istat Membru rikjedenti jindika f’dak il-mument. Din l-aħħar interpretazzjoni, li hija ispirata mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, tista’ tkun ippreferuta sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-proċedura ta’ trasferiment.

44      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità tat-trasferiment, hija għandhiex tqis il-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-rikorrent fl-Istat Membru rikjest, fil-każ fejn l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali tiġi milqugħa, b’mod partikolari r-riskju serju li jkun suġġett għal trattament kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

45      Din il-qorti tqis, f’dan ir-rigward, li l-eżami ta’ jekk jeżistux nuqqasijiet sistematiċi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ma jistax ikun limitat għall-proċedura ta’ ażil u għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ matul din il-proċedura, iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll s-sitwazzjoni iktar tard. Għalhekk, l-għoti ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza aħjar matul l-imsemmija proċedura jkun insuffiċjenti jekk il-persuna kkonċernata, wara li tingħata l-protezzjoni internazzjonali, ikollha r-riskju li tiġi kkonfrontata b’sitwazzjoni ta’ faqar. L-obbligu li jitwettaq tali eżami globali tas-sitwazzjoni tal-applikant qabel it-trasferiment tiegħu jikkostitwixxi l-kontroparti neċessarja tas-sistema ta’ Dublin, li tipprojbixxi lill-persuni li jfittxu protezzjoni li jagħżlu liberament il-pajjiż ta’ ażil tagħhom. Fi kwalunkwe każ, dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikolu 3 tal-KEDB.

46      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li, ċertament, id-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni tipprevedi, bħala regola ġenerali, trattament ugwali biss meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, tali “trattament nazzjonali” jista’ jkun insuffiċjenti sabiex tiġi ppreżervata d-dinjità ta’ persuni li tkun ingħatatilhom protezzjoni internazzjonali, peress li dawn huma ġeneralment vulnerabbli u spostati u ma jkunux f’pożizzjoni li effettivament jinvokaw id-drittijiet li l-Istat Membru ta’ akkoljenza jiżguralhom. Sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jilħqu livell komparabbli ma’ dak ta’ ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u sabiex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet b’mod effettiv, l-Artikolu 34 tad-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw lill-imsemmija persuni aċċess effettiv għall-programmi ta’ integrazzjoni li għandhom funzjoni kumpensatorja speċifika. Dan l-istandard jikkostitwixxi rekwiżit minimu kif ukoll il-ġustifikazzjoni tas-sistema ta’ Dublin.

47      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għar-rapport tal-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fl-Italja”, ippreżentat fix-xahar ta’ Awwissu 2016, li jinkludi elementi konkreti li jippermettu li jiġi konkluż li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru għandhom ir-riskju li jgħixu fil-marġini tas-soċjetà, mingħajr domiċilju stabbilit u fil-faqar. Skont dan ir-rapport, l-iżvilupp totalment insuffiċjenti tas-sistema soċjali tal-imsemmi Stat Membru huwa, fir-rigward tal-popolazzjoni Taljana, ibbilanċjat mis-solidarjetà familjari, li hija nieqsa għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. L-imsemmi rapport, barra minn hekk, jsemmi l-assenza kważi totali, fl-Italja, ta’ programmi ta’ integrazzjoni ta’ natura kumpensatorja, u, b’mod partikolari, il-karattru inċert tal-aċċess għal korsijiet tal-lingwa indispensabbli. Fl-aħħar nett, dan l-istess rapport jindika li, minħabba ż-żieda qawwija fin-numru ta’ refuġjati matul l-aħħar snin, in-nuqqasijiet strutturali sinjifikattivi tas-sistema soċjali statali ma jistgħux ikunu kkumpensati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u mill-knejjes.

48      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Applikant għall-ażil ikun qiegħed jaħrab, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament [Dublin III], jekk xjentement u deliberatament jevadi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, sabiex jipprevjeni jew jimpedixxi t-trasferiment, jew huwa suffiċjenti jekk, għal perijodu relattivament estiż, huwa ma jirrisjedix fil-post allokat lilu u l-awtoritajiet ma jkunux jafu fejn jinsab u għaldaqstant trasferiment skedat ma jistax jitwettaq?

Il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjoni u, fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, tista’ toġġezzjona li t-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur skada, peress li hija ma ħarbitx?

2)      Il-fatt li l-Istat Membru tat-trasferiment, qabel l-iskadenza tat-terminu, jinforma lill-Istat Membru responsabbli li l-persuna kkonċernata ħarbet u, fl-istess ħin, jindika terminu konkret ta’ mhux iktar minn 18-il xahar, li matul tiegħu għandu jitwettaq it-trasferiment, huwa suffiċjenti sabiex jagħti lok għat-trasferiment previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament [Dublin III], jew it-terminu jista’ biss jiġi estiż jekk l-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu dan bi ftehim komuni?

3)      Trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli huwa illegali meta l-imsemmi applikant, fil-każ ta’ għoti ta’ status ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat, jiġi espost f’dan l-Istat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien prevedibbli, għal riskju serju ta’ trattament kif previst fl-Artikolu 4 tal-[Karta]?

Din id-domanda taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

Liema huma l-kriterji tad-dritt tal-Unjoni li permezz tagħhom għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuna li d-dritt tagħha għal protezzjoni internazzjonali ġie rrikonoxxut?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

49      Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-awla magħżula eżaminat in-neċessità li din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl‑24 ta’ April 2017, din l-awla ddeċidiet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

50      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tinqasam f’żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex ikun jista’ jitqies li l-persuna kkonċernata ħarbet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li din tkun deliberatament evadiet lill-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li jipprevjeni t-trasferiment tagħha, jew jekk, għall-kuntrarju, huwiex suffiċjenti, f’dan ir-rigward, li din il-persuna tkun telqet mill-post ta’ residenza allokat lilha, mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ikunu ġew informati dwar l-assenza tagħha, b’tali mod li dan it-trasferiment ma jistax jitwettaq.

51      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament billi ssostni li t-terminu ta’ trasferiment kien skada minħabba li din ma kinitx ħarbet.

52      Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din l-ewwel domanda, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) u tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jipprevedu li, mal-iskadenza tat-terminu imperattiv ta’ sitt xhur, isir trasferiment ipso iure tar-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru rikjedenti, ħlief jekk dan it-terminu jkun ġie eċċezzjonalment estiż għal massimu ta’ sena minħabba l-impossibbiltà li jitwettaq it-trasferiment tal-persuna kkonċernata minħabba l-priġunerija tagħha jew għal massimu ta’ tmintax-il xahar jekk din tkun ħarbet, f’liema każijiet it-trasferiment tar-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni tagħha għandu jsir mal-iskadenza tat-terminu hekk iffissat.

53      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li l-applikant “jaħrab”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament ma jinkludi l-ebda preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward.

54      Fil-fatt, ir-Regolament Dublin III ma fih l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħarba” u xejn fid-dispożizzjonijiet tiegħu ma jispeċifika espressament jekk dan il-kunċett jippreżupponix li l-persuna kkonċernata kellha l-intenzjoni li tevadi l-kontroll tal-awtoritajiet sabiex tipprevjeni t-trasferiment tagħha.

55      Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn dispożizzjoni ta’ dan id-dritt ma tagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kunċett partikolari, dan tal-aħħar għandu jkollu, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tkun imfittxija billi jitqiesu mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li minnha din id-dispożizzjoni tagħmel parti (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dan ir-rigward, mis-sens ordinarju tat-terminu “ħarba”, li huwa użat fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III u li jimplika l-volontà tal-persuna kkonċernata sabiex taħrab minn xi ħadd jew tevadi xi ħaġa, jiġifieri, f’dan il-kuntest, lill-awtoritajiet kompetenti u, għalhekk, it-trasferiment tagħha, jirriżulta li din id-dispożizzjoni, bħala prinċipju, tapplika biss meta din il-persuni tevadi deliberament lil dawn l-awtoritajiet. L-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jsemmi, barra minn hekk, fost il-kawżi possibbli ta’ posponiment ta’ trasferiment, il-fatt li “l-persuna li qed tfittex asil irtirat mill-proċedura ta’ trasferiment”, li jimplika l-eżistenza ta’ element intenzjonali. Bl-istess mod, l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III jiddefinixxi l-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” billi jirreferi, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħal fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, għall-biża’ li l-persuna kkonċernata “irtirat” mill-proċedura ta’ trasferiment billi ħarbet.

57      Il-kuntest li fih tinsab it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III u l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament madankollu jipprekludu interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, f’sitwazzjoni fejn it-trasferiment ma jistax jitwettaq minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun telqet mir-residenza allokat lilha, mingħajr ma informat lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-assenza tagħha, dawn l-awtoritajiet għandhom iressqu prova li din il-persuna effettivament kellha l-intenzjoni li tevadi lil dawn l-awtoritajiet sabiex tipprevjeni t-trasferiment tagħha.

58      Fil-fatt, mill-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li dan għandu l-għan li jistabbilixxi metodu ċar u operazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti, kemm għall-Istati Membru kif ukoll għall-persuni kkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat b’mod rapidu l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ tali protezzjoni u sabiex ma jiġix kompromess l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

59      Fid-dawl ta’ dan l-għan ta’ ħeffa, it-terminu ta’ sitt xhur għat-trasferiment stabbilit fl-Artikolu 29(1) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandu l-għan li jiżgura li l-persuna kkonċernata tiġi effettivament ittrasferita malajr kemm jista’ jkun lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jitħalla, fid-dawl tal-kumplessità prattika u tad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li huma marbuta mal-implimentazzjoni tat-trasferiment ta’ din il-persuna, il-ħin meħtieġ għaż-żewġ Stati Membri kkonċernati sabiex jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jitwettaq dan it-trasferiment u, b’mod partikolari, għall-Istat Membru rikjedenti sabiex jistabbilixxi l-modalitajiet għat-twettiq tat-trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 40).

60      Huwa f’dan il-kuntest li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jippermetti, b’mod eċċezzjonali, l-estensjoni ta’ dan it-terminu ta’ sitt xhur, sabiex jitqies il-fatt li huwa materjalment impossibbli li l-Istat Membru rikjedenti jwettaq it-trasferiment tal-persuna kkonċernata minħabba l-priġunerija tagħha jew għaliex tkun ħarbet.

61      Issa, fid-dawl tad-diffikultajiet kbar li jistgħu jiġu esperjenzati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex iressqu prova tal-intenzjonijiet tal-persuna kkonċernata, il-fatt li tintalab tali prova min-naħa tagħhom jista’ jfisser li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li ma jkunux jixtiequ jiġu ttrasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom skont ir-Regolament Dublin III ikunu jistgħu jevitaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjedenti sakemm jiskadi t-terminu ta’ sitt xhur, sabiex ir-responsabbiltà ta’ dan l-eżami jaqa’ fuq dan l-aħħar Stat Membru, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament.

62      Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ Dublin u t-twettiq tal-għanijiet tagħha, għandu jitqies li, meta t-trasferiment tal-persuna kkonċernata ma jistax jiġi implimentat minħabba l-fatt li din tkun telqet mill-post ta’ residenza allokat lilha, mingħajr ma tkun informat lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar l-assenza tagħha, dawn tal-aħħar għandhom id-dritt li jippreżumu li din il-persuna kellha l-intenzjoni li tevadi lil dawn l-awtoritajiet sabiex tipprevjeni t-trasferiment tagħha, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-imsemmija persuna tkun ġiet informata debitament dwar l-obbligi tagħha f’dan ir-rigward.

63      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7(2) sa (4) tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, l-Istati Membri, bħal ma jidher li effettivament għamlet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jistgħu jillimitaw il-possibbiltà, għall-applikanti għall-ażil, li jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom u jeżiġu li dawn tal-aħħar jiksbu awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel sabiex jitilqu minn dan il-post. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(5) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizz kurrenti tagħhom u jinnotifikaw kull tibdil fl-indirizz tagħhom malajr kemm jista’ jkun.

64      Madankollu, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Akkoljenza, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-applikanti dwar dawn l-obbligi. Fil-fatt, ma jistax jiġi allegat li l-applikant ikun telaq mill-post ta’ residenza allokat lilu mingħajr ma jkun informa lill-awtoritajiet kompetenti u, skont il-każ, mingħajr ma jkun talab awtorizzazzjoni minn qabel mingħandhom, jekk dan l-applikant ma kienx ġie avżat dwar l-imsemmija obbligi. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie effettivament informat dwar tali obbligi.

65      Barra minn hekk, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li jeżistu raġunijiet validi li jiġġustifikaw il-fatt li l-applikant ma jkunx informa lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-assenza tiegħu, dan għandu jżomm il-possibbiltà li juri li huwa ma kellux l-intenzjoni li jevadi lil dawn l-awtoritajiet.

66      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda, dwar jekk, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, il-persuna kkonċernata tistax tinvoka l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III billi ssostni li t-terminu ta’ trasferiment kien skada minħabba li hija ma kinitx ħarbet, għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805), mogħtija wara li tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li din għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

67      Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li, sabiex tiżgura li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkontestata ġiet adottata wara applikazzjoni korretta tal-proċeduri ta’ teħid inkarigu u ta’ teħid lura stabbiliti mir-Regolament Dublin III, il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tkun tista’ teżamina l-allegazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li jipprovdu li din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn l-Istat Membru rikjedenti jkun diġà sar l-Istat Membru responsabbli fil-ġurnata tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni minħabba l-iskadenza minn qabel tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 40).

68      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għan, imsemmi fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tiġi żgurata, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, protezzjoni effettiva tal-persuni kkonċernati, u l-għan, imsemmi fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li tiġi żgurata b’ħeffa d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, fl-interess kemm tal-applikanti għal tali protezzjoni kif ukoll tal-funzjonament ġenerali tajjeb tas-sistema ta’ Dublin, l-applikant għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettih jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 44 u 46).

69      Id-dritt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tidher li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tirrikonoxxi lil applikant li jsib ruħu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ A. Jawo, li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, fil-kuntest ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 46).

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li:

–        It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandha tiġi interpretata fis-sens li applikant “jaħrab”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta deliberament jevadi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, bl-għan li jipprevjeni dan tal-aħħar. Jista’ jiġi preżunt li dan huwa l-każ meta dan it-trasferiment ma jistax jiġi implimentat minħabba l-fatt li dan l-applikant ikun telaq mill-post ta’ residenza allokat lilu mingħajr ma jkun informa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-assenza tiegħu, bil-kundizzjoni li huwa jkun ġie informat dwar l-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju għandha tivverifikaha. L-imsemmi applikant iżomm il-possibbiltà li juri li l-fatt li huwa ma kienx avża lil dawn l-awtoritajiet dwar l-assenza tiegħu huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet validi u mhux minħabba l-intenzjoni li jevadi lil dawn l-awtoritajiet.

–        L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, billi ssostni li, peress li hija ma kinitx ħarbet, it-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur kien skada.

 Fuq it-tieni domanda

71      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex it-terminu ta’ trasferiment jiġi estiż sa massimu ta’ tmintax-il xahar, ikun biżżejjed li l-Istat Membru rikjedenti jinforma, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur, lill-Istat Membru responsabbli dwar il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u li dan jindika, fl-istess ħin, it-terminu l-ġdid ta’ trasferiment, jew jekk huwiex neċessarju li dawn iż-żewġ Stati Membri jaqblu dwar dan it-terminu l-ġdid.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma jipprevedi, għall-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment fis-sitwazzjonijiet imsemmija fih, l-ebda konsultazzjoni bejn l-Istat Membru rikjedenti u l-Istat Membru responsabbli. Din id-dispożizzjoni b’hekk hija differenti mill-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi espressament li t-trasferiment għandu jsir b’konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

73      Sussegwentement, il-fatt li tintalab konsultazzjoni wkoll f’sitwazzjonijiet koperti mit-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ifisser li jkun diffiċli li din id-dispożizzjoni tiġi applikata u jista’ parzjalment ineħħi l-effett utli tagħha. Fil-fatt, l-iskambji bejn iż-żewġ Stati Membri kkonċernati li jkunu meħtieġa sabiex isir ftehim dwar estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment jirrikjedu l-ħin u r-riżorsi għalihom u ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu effikaċi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar jekk il-kundizzjonijiet għal tali estensjoni humiex issodisfatti. Barra minn hekk, ikun biżżejjed li l-Istat Membru rikjest jibqa’ passiv sabiex estensjoni tat-terminu tiġi eskluża.

74      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 29(4) tar-Regolament Dublin III, il-Kummissjoni tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-kundizzjonijiet uniformi għall-konsultazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasferimenti posposti jew imdewma. Issa, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jispeċifika li huwa l-Istat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 29(2), ma jistax iwettaq it-trasferiment fit-terminu normali ta’ sitt xhur li għandu jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, mingħajr ma jipprevedi obbligu ta’ konsultazzjoni f’dan ir-rigward.

75      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex it-terminu ta’ trasferiment jiġi estiż sa massimu ta’ tmintax-il xahar, huwa biżżejjed li l-Istat Membru rikjedenti jinforma, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur, lill-Istat Membru responsabbli dwar il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u li dan jindika, fl-istess ħin, it-terminu l-ġdid ta’ trasferiment.

 Fuq it-tielet domanda

76      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ttrasferit, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, lejn l-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, meta, fil-każ ta’ għotja ta’ tali protezzjoni f’dan l-Istat Membru, dan l-applikant jiġi espost għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li jista’ jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru. Din il-qorti tistaqsi, barra minn hekk, dwar jekk din il-kwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tixtieq tkun taf, jekk ikun il-każ, liema huma l-kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ persuna li ngħatat protezzjoni internazzjonali.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jittrasferixxi applikant skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III lejn l-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa bħala prinċipju responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tikkostitwixxi parti mis-sistema Ewropea komuni ta’ ażil u, b’hekk, timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 68 u 69, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 53 u 54).

78      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati u applikati b’rispett tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tagħha, li jipprojbixxi, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ deroga, it-trattamenti inumani jew degradanti fil-forom kollha tagħhom u li huwa, għalhekk, ta’ importanza fundamentali u ta’ natura ġenerali u assoluta sa fejn huwa strettament marbut mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 85 u 86, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 59, 69 u 93).

79      It-tielet domanda għaldaqstant tikkostitwixxi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

80      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll fil-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 77 u 87).

81      Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali peress li jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati l-obbligu li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36).

82      Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, u b’mod partikolari tar-Regolament Dublin III, li huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u li huwa intiż, permezz ta’ razzjonalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, sabiex l-ipproċessar ta’ dawn jitħaffef fl-interess kemm tal-applikanti kif ukoll tal-Istati parteċipanti, għandu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat għall-persuni li jkunu qegħdin ifittxu din il-protezzjoni f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), kif ukoll tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80).

83      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ikunu ttrattati, fil-każ li jiġu ttrasferiti lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 81).

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali ser ikunu rrispettati fl-Istat Membru li, skont ir-Regolament Dublin III, huwa nominat bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni hija inkompatibbli mal-obbligu li dan ir-regolament jiġi interpretat u applikat b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 99, 100 u 105).

85      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 4 tal-Karta, l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin II, il-predeċessur tar-Regolament Dublin III, meta ma jistgħux jinjoraw li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-applikant ser ikun affaċċjat b’riskju reali li jiġi suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 106).

86      It-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, li kkodifika din il-ġurisprudenza, jippreċiżaw li, f’sitwazzjoni bħal din, l-Istat Membru li jkun qiegħed jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jsir l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jekk isib, wara analiżi tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li huwa impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn Stat Membru nominat abbażi ta’ dawn il-kriterji jew lejn l-ewwel Stat Membru fejn kienet ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

87      Għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jikkontempla biss is-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), jiġifieri dik li fiha r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, hija r-riżultat ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li, bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, huwa nominat bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni, madankollu mill-punti 83 u 84 ta’ din is-sentenza kif ukoll min-natura ġenerali u assoluta tal-projbizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 4 jirriżulta li t-trasferiment ta’ applikant lejn dan l-Istat Membru huwa eskluż f’kull sitwazzjoni fejn jeżistu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-applikant ser ikun affaċċjat b’tali riskju waqt it-trasferiment tiegħu jew bħala riżultat ta’ dan.

88      Għaldaqstant, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4, jekk huwiex fil-mument tat-trasferiment, matul il-proċedura ta’ ażil jew wara li din tintemm li l-persuna kkonċernata, minħabba t-trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III, tista’ tiġi esposta għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti.

89      Fil-fatt, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil u l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huma bbażati fuq li jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ma tirriżulta, fl-ebda stadju u taħt l-ebda forma, f’riskju serju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, ikun kontradittorju li l-eżistenza ta’ tali riskju fl-istadju tal-proċedura ta’ ażil tipprekludi trasferiment, filwaqt li l-istess riskju jkun permissibbli meta din il-proċedura tkun intemmet permezz tar-rikonoxximent ta’ protezzjoni internazzjonali.

90      F’dan ir-rigward, meta l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ikollha elementi prodotti mill-persuna kkonċernata sabiex din tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali riskju, din il-qorti hija obbligata tevalwa, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ nuqqasijiet sistematiċi jew iġġeneralizzati, jew inkella li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89).

91      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu din l-evalwazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tal-KEDB, u li s-sens u l-ambitu tiegħu huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, in-nuqqasijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandhom jissodisfaw livell partikolarment għoli ta’ gravità, li jiddependi mill-informazzjoni kollha tal-kawża (ara Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u L‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 254).

92      Dan il-livell ta’ gravità partikolarment għoli jintlaħaq meta l-indifferenza tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkollha l-konsegwenza li persuna kompletament dipendenti fuq l-għajnuna pubblika ssib ruħha, indipendentement mill-volontà tagħha u mill-għażliet personali tagħha, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema, li ma tħallihiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-iktar bażiċi tagħha, bħalma huma b’mod partikolari dawk li tiekol, li tinħasel u li jkollha fejn tgħix, u li ddgħajjef is-saħħa fiżika jew mentali tagħha jew li tpoġġiha fi stat ta’ degradazzjoni inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u L‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 252 sa 263).

93      L-imsemmi livell ma jistax għalhekk ikopri sitwazzjonijiet anki ta’ prekarjetà kbira jew ta’ deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-persuna kkonċernata, meta dawn ma jinvolvux deprivazzjoni materjali estrema li tqiegħed lil din il-persuna f’sitwazzjoni ta’ tant gravità li tista’ tammonta għal trattament inuman jew degradanti.

94      Ċirkustanza bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li, skont ir-rapport imsemmi fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-forom ta’ solidarjetà familjari li jużaw iċ-ċittadini tal-Istat Membru li huwa normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-insuffiċjenzi tas-sistema soċjali tal-imsemmi Stat Membru huma ġeneralment neqsin għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-konstatazzjoni li applikant għal protezzjoni internazzjonali ser jiġi kkonfrontat, fil-każ ta’ trasferiment lejn l-imsemmi Stat Membru, b’tali sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.

95      Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż għalkollox li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li huma speċifiċi għalih u li jimplikaw li, fil-każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru normalment responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, dan l-applikant jista’ jsib ruħu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tiegħu, indipendentement mill-volontà tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema li tissodisfa l-kriterji msemmija fil-punti 91 sa 93 ta’ din is-sentenza, wara li jkun ingħata l-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali.

96      F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, mill-Istat Membru normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ta’ programmi ta’ integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ tali protezzjoni ma tistax tikkostitwixxi raġuni serja u kkonfermata li twassal lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna kkonċernata, fil-każ ta’ trasferiment lejn dan l-Istat Membru, ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tiġi suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

97      Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li l-protezzjoni soċjali u/jew il-kundizzjonijiet tal-ħajja huma iktar favorevoli fl-Istat Membru rikjedenti milli fl-Istat Membru li huwa normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma huwiex ta’ natura li jsostni l-konklużjoni li l-persuna kkonċernata ser tkun esposta, fil-każ ta’ trasferiment lejn dan l-aħħar Stat Membru, għal riskju reali ta’ trattament kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Karta.

98      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari hija li:

–        Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4 tal-Karta jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ttrasferit, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, lejn l-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, meta, fil-każ ta’ għotja ta’ tali protezzjoni f’dan l-Istat Membru, dan l-applikant jiġi espost għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li jista’ jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

–        L-Artikolu 4 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, sakemm il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ma ssibx, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ dan ir-riskju għal dan l-applikant, minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ trasferiment, dan isib ruħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.

 Fuq l-ispejjeż

99      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandha tiġi interpretata fis-sens li applikant “jaħrab”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta deliberament jevadi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, bl-għan li jipprevjeni dan tal-aħħar. Jista’ jiġi preżunt li dan huwa l-każ meta dan it-trasferiment ma jistax jiġi implimentat minħabba l-fatt li dan l-applikant ikun telaq mill-post ta’ residenza allokat lilu mingħajr ma jkun informa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-assenza tiegħu, bil-kundizzjoni li huwa jkun ġie informat dwar l-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju għandha tivverifikaha. L-imsemmi applikant iżomm il-possibbiltà li juri li l-fatt li huwa ma kienx avża lil dawn l-awtoritajiet dwar l-assenza tiegħu huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet validi u mhux minħabba l-intenzjoni li jevadi lil dawn l-awtoritajiet.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, billi ssostni li, peress li hija ma kinitx ħarbet, it-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur kien skada.

2)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex it-terminu ta’ trasferiment jiġi estiż sa massimu ta’ tmintax-il xahar, huwa biżżejjed li l-Istat Membru rikjedenti jinforma, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur, lill-Istat Membru responsabbli dwar il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u li dan jindika, fl-istess ħin, it-terminu l-ġdid ta’ trasferiment.

3)      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludix li applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi ttrasferit, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013, lejn l-Istat Membru li, konformement ma’ dan ir-regolament, huwa normalment responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, meta, fil-każ ta’ għotja ta’ tali protezzjoni f’dan l-Istat Membru, dan l-applikant jiġi espost għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li jista’ jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Stat Membru taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, sakemm il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ma ssibx, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati u fid-dawl tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ dan ir-riskju għal dan l-applikant, minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ trasferiment, dan isib ruħu, indipendentement mir-rieda tiegħu u mill-għażliet personali tiegħu, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.