Language of document : ECLI:EU:C:2019:234

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ servizzi – Servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu – Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ – Servizzi għat-trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza – Trasport bl-ambulanza kkwalifikat”

Fil-Kawża C‑465/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Falck Rettungsdienste GmbH,

Falck A/S

vs

Stadt Solingen,

fil-preżenza ta’:

Arbeiter-Samariter-Bund Regionalverband Bergisch Land eV,

Malteser Hilfsdienst eV,

Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Solingen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Falck Rettungsdienste GmbH u Falck A/S, minn P. Friton u H.-J. Prieß, Rechtsanwälte,

–        għal Stadt Solingen, minn H. Glahs, Rechtsanwältin, kif ukoll minn M. Kottmann u M. Rafii, Rechtsanwälte,

–        għal Arbeiter-Samariter-Bund Regionalverband Bergisch Land eV, minn J.-V. Schmitz u N. Lenger, Rechtsanwälte, kif ukoll minn J. Wollmann, Rechtsanwältin,

–        għal Malteser Hilfsdienst eV, minn W. Schmitz-Rode, Rechtsanwalt,

–        għal Deutsches Rotes Kreuz, Kreisverband Solingen, minn R. M. Kieselmann u M. Pajunk, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Rumen, minn C.-R. Canţăr u R. H. Radu kif ukoll minn R. I. Haţieganu u C.-M. Florescu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn M. R. Norum u K. B. Moen, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker kif ukoll minn P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Falck Rettungsdienste GmbH u Falck A/S, minn naħa, u Stadt Soligen (il-Belt ta’ Solingen, il-Ġermanja), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għoti dirett tal-kuntratt “Servizzi ta’ salvataġġ f’Solingen — Numru tal-Proġett V16737/128”, Lottijiet 1 u 2 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”), mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2014/24

3        Il-premessi 28, 117 u 118 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedu:

“(28)      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, l-esklużjoni m’għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ. Għalhekk għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi. F’dak il-kuntest huwa aktar meħtieġ li jiġi ċċarat li l-Grupp CPV [Common Procurement Vocabulary (il-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi)] 601 ‘Servizzi tat-Trasport bl-Art’ ma jkoprix is-servizzi tal-ambulanzi, li jinsab fil-klassi CPV 8514. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li servizzi, li huma koperti bil-kodiċi CPV 85143000-3, li jikkonsistu b’mod esklussiv fis-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi għandu jkun soġġett għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u għal servizzi speċifiċi oħra (ir-[‘reġim anqas strett’)]. Konsegwentament, kuntratti mħallta għall-provvista tas-servizzi tal-ambulanzi b’mod ġenerali jkunu wkoll soġġetti għar-reġim anqas strett jekk il-valur tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi jkun ikbar mill-valur ta’ servizzi oħra tal-ambulanza.

[…]

(117)      L-esperjenza wriet li sensiela ta’ servizzi oħra, bħal servizzi ta’ sokkors, servizzi ta’ tifi tan-nar u servizzi tal-ħabsijiet normalment huma biss ta’ interess transkonfinali minn meta jiksbu massa kritika suffiċjenti permezz tal-valur relattivament għoli tagħhom. Sa fejn huma mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu inklużi skont ir-reġim anqas strett. Sakemm il-forniment tagħhom huwa attwalment ibbażat fuq kuntratti, kategoriji oħra ta’ servizzi, bħal servizzi governattivi jew il-forniment ta’ servizzi lill-komunità, normalment x’aktarx juru interess transkonfinali biss ’il fuq minn limitu ta’ EUR 750 000 u konsegwentment għandhom ikunu biss hemmhekk soġġetti biss għar-reġim anqas strett.

(118)      Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi, din id-Direttiva għandha tippermetti li l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist għal ċerti servizzi fl-oqsma tas-servizzi tas-saħħa, soċjali u kulturali għandhom jiġu riservati għal organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq is-sjieda tal-impjegat jew il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegat fit-tmexxija tagħhom, u għall-organizzazzjonijiet eżistenti bħal kooperattivi biex jipparteċipaw fit-twassil ta’ dawn is-servizzi lill-utenti finali. Din id-dispożizzjoni hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni esklussivament għal ċerti servizzi tas-saħħa, soċjali u oħrajn relatati, ċerti servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ, libreriji, arkivji, mużewijiet u servizzi kulturali oħra, servizzi sportivi, u servizzi għad-djar privati, u mhix intenzjonata li tkopri kwalunkwe waħda mill-esklużjonijiet previsti b’mod ieħor minn din id-Direttiva. Dawk is-servizzi għandhom ikunu koperti biss mir-reġim anqas strett.”

4        Intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi”, l-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

[…]

(h)      id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV segwenti: 75250000-3 [servizzi ta’ tifi tan-nar u salvataġġ], 75251000-0 [servizzi ta’ nar], 75251100-1 [servizzi ta’ tifi tan-nar], 75251110-4 [servizzi ta’ prevenzjoni tan-nirien], 75251120-7 [servizzi ta’ tifi tan-nar fil-foresti], 75252000-7 [servizzi ta’ emerġenza/salvataġġ], 75222000-8 [servizzi ta’ protezzjoni ċivili], 98113100-9 [servizzi ta’ sikurezza nukleari] u 85143000-3 [servizzi tal-ambulanza] ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

[…]”

5        Il-Kapitolu I dwar is-“[s]ervizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn” tat-Titolu III, intitolat “[r]eġimi partikolari ta’ akkwisti”, tad-Direttiva msemmija jinkludi l-Artikoli 74 sa 77.

6        Skont l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kuntratti riżervati għal ċerti servizzi”:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirriżervaw id-dritt li organizzazzjoni tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi esklussivament għal dawk is-servizzi ta’ saħħa, dawk soċjali u dawk kulturali kif imsemmijin fl-Artikolu 74, li huma koperti mill-kodiċi CPV 75121000-0, 75122000-7, 75123000-4, 79622000-0, 79624000-4, 79625000-1, 80110000-8, 80300000-7, 80420000-4, 80430000-7, 80511000-9, 80520000-5, 80590000-6, minn 85000000-9 sa 85323000-9, 92500000-6, 92600000-7, 98133000-4, 98133110-8.

2.      L-organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      l-objettiv tagħha huwa t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku marbuta mat-twassil tas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 1;

b)      il-profitti jerġgħu jiġu investiti bil-għan li jinkiseb l-objettiv tal-organizzazzjoni. Fejn il-profitti jkunu mqassma jew jerġgħu jitqassmu, dan għandu jkun ibbażat fuq konsiderazzjonijiet parteċipattivi;

c)      l-istrutturi tal-ġestjoni jew tas-sjieda tal-organizzazzjoni li qed twettaq il-kuntratt għandhom huma bbażati fuq sjieda mill-impjegati jew prinċipji parteċipattivi, jew jeħtieġu l-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati, l-utenti jew il-partijiet interessati; u

d)      l-organizzazzjoni ma tkunx ingħatat kuntratt għas-servizzi konċernati mill-awtorità kontraenti konċernata skont dan l-Artikolu fl-aħħar tliet snin.

[…]”

 Id-dritt Ġermaniż

7        Il-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni), tas-26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. I, p. 1750), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GWB”), jipprovdi:

“Eċċezzjonijiet ġenerali

1.      Din [ir-raba’] parti ma hijiex applikabbli għall-kuntratti tal-akkwist pubbliku jew għall-għoti ta’ konċessjonijiet:

[…]

(4)      fir-rigward ta’ servizzi ta’ difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu li huma fornuti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, u li huma koperti mill-kodiċi CPV 75250000–3, 75251000–0, 75251100–1, 75251110–4, 75251120–7, 75252000–7, 75222000–8, 98113100–9 u 85143000–3 minbarra servizzi tal-ambulanza għat-trasport ta’ pazjenti; Jiġu kkunsidrati bħala organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fis-sens ta’ dan il-punt, b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ utilità pubblika rrikonoxxuti skont id-dritt Federali jew tal-Land bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili u ta’ difiża ċivili.”

8        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Gesetz über den Rettungsdienst sowie die Notfallrettung und den Krankentransport durch Unternehmer (Rettungsgesetz NRW – RettG NRW) (il-Liġi tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen dwar is-servizzi tal-emerġenza kif ukoll dwar l-interventi urġenti u t-trasport bl-ambulanza minn impriżi), tal-24 ta’ Novembru 1992, is-servizzi tal-emerġenza jkopru l-interventi urġenti, it-trasport bl-ambulanza u l-kura ta’ numru kbir ta’ persuni mġerrħa jew ma jifilħux f’każijiet ta’ katastrofi ta’ firxa straordinarja. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi, l-interventi ta’ emerġenza għandhom l-għan li jimplimentaw miżuri, fil-post tal-emerġenza, li jistgħu isalvaw il-ħajja tal-pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, li jpoġġu lil dawn il-pazjenti f’sitwazzjoni li jiġu ttrasportati kif ukoll li jwassluhom lejn sptar adattat għall-kura ulterjuri tagħhom filwaqt li jinżammu f’kundizzjoni li jiġu ttrasportati u billi jiġi evitat kull aggravament tas-sitwazzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ vettura ta’ tabib ta’ emerġenza jew permezz ta’ vettura ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi msemmija, it-trasport bl-ambulanza għandu l-għan li jwassal għajnuna xierqa lill-morda, feruti jew persuni oħrajn fil-bżonn ta’ għajnuna, differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni u li jittrasportahom, fost oħrajn, bl-ambulanza fil-kuntest ta’ kura minn persunal ikkwalifikat.

9        It-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) taz-Zivilschutz- und Katastrophenhilfegesetz (il-Liġi dwar il-protezzjoni ċivili u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru), tal-25 ta’ Marzu 1997 (BGBl. I, p. 726), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili”), jipprovdi li jistgħu, b’mod partikolari, jipparteċipaw fit-twettiq tal-kompiti previsti minn din il-liġi l-Arbeiter-Samariter-Bund (l-Għaqda tal-Ħaddiema Samaritani), id-Deutsche Lebensrettungsgesellschaft (is-Soċjetà Ġermaniża ta’ salvataġġ), id-Deutsche Rote Kreuz (is-Salib l-Aħmar Ġermaniż), Johanniter-Unfall Hilfe (il-Volontarji ta’ San Ġwann) u l-Malteser-Hilfsdienst (is-Servizz ta’ għajnuna tal-Ordni ta’ Malta).

10      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1), u l-Artikolu 18(2) tal-Gesetz über den Brandschutz, die Hilfeleistung und den Katastrophenschutz (il-Liġi dwar il-protezzjoni kontra n-nar, l-għajnuna u d-difiża ċivili), tas-17 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni kontra n-nar”), jaqraw kif ġej:

“(1)      L-organizzazzjonijiet privati ta’ għajnuna pubblika għandhom jikkollaboraw f’każijiet ta’ inċidenti u ta’ emerġenza pubblika, skjeramenti u diżastri kbar, jekk dawn ikunu ddikjaraw mal-ogħla awtorità ta’ sorveljanza li jinsabu disposti li jikkollaboraw u jekk din tal-aħħar tkun ivverifikat l-adegwatezza ġenerali tagħhom biex jagħmlu dan u l-ħtieġa f’dan is-sens (organizzazzjonijiet ta’ għajnuna pubblika rrikonoxxuti). […]

2.      Għall-organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) tal-[Liġi dwar il-protezzjoni ċivili] la għandha tkun meħtieġa d-dikjarazzjoni li jinsabu disposti li jikkollaboraw u lanqas il-verifika tal-adegwatezza ġenerali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Il-belt ta’ Solingen iddeċidiet, f’Marzu 2016, li ġġedded il-kuntratt tas-servizzi ta’ emerġenza għal perjodu ta’ ħames snin. L-abbozz ta’ kuntratt kien b’mod partikolari jikkonċerna l-użu ta’ vetturi ta’ emerġenza muniċipali, minn naħa, għall-interventi ta’ emerġenza, bil-kompitu prinċipali tal-kura tal-pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza minn ħaddiem tas-salvataġġ assistit minn paramediku u, min-naħa l-oħra, għat-trasport bl-ambulanza, bil-kompitu prinċipali tal-kura ta’ pazjenti minn paramediku assistit minn paramediku awżiljarji.

12      Il-belt ta’ Solingen ma ppubblikat ebda avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, fil-11 ta’ Mejju 2016, hija talbet lil erba’ assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika, fosthom it-tliet intervenjenti quddiem il-qorti tar-rinviju, biex jagħmlu offerta.

13      Wara li waslu l-offerti, l-Arbeiter-Samariter-Bund Regionalverband Bergisch Land eV u l-Malteser Hilfsdienst eV ġew allokati kull waħda minnhom wieħed miż-żewġ lottijiet li jikkostitwixxu l-kuntratt inkwistjoni.

14      Falck Rettungsdienste, li hija fornitur ta’ servizzi tal-emerġenza u tas-saħħa, kif ukoll Falck Rettungsdienste li tappartjeni għall-grupp Falck A/S (iktar ’il quddiem, flimkien, “Falck et”) jilmentaw li l-belt ta’ Solingen attribwixxiet il-kuntratt inkwistjoni mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, Falck et ippreżentaw, quddiem il-Vergabekammer Rheinland (il-Bord tal-kuntratti pubbliċi ta’ Rheinland, il-Ġermanja), rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-attribuzzjoni kienet effettivament tikser id-drittijiet tagħhom u li l-belt ta’ Solingen kienet marbuta, jekk iżżomm l-intenzjoni tagħha li tagħti l-kuntratt inkwistjoni, li tattribwixxi dan wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti konformi mad-dritt tal-Unjoni.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2016, din il-Bord ċaħad dan ir-rikors bħala inammissibbli.

16      Falck et ippreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-Bord tal-kuntratti pubbliċi ta’ Rheinland quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Dawn jikkritikaw lil dan il-Bord talli ma interpretax l-ewwel sentenza tal-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-GWB, li l-kliem tiegħu jikkoinċidi fil-punti kollha mal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, b’mod konformi mal-imsemmija direttiva.

17      Quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf), Falck et isostnu li s-servizzi ta’ emerġenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli. Il-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” jirreferi biss għall-prevenzjoni tal-perikoli marbuta mal-folol kbar f’sitwazzjonijiet estremi, b’mod li dan ma għandux tifsira proprja u ma jestendix ruħu għall-prevenzjoni tal-perikoli għall-ħajja u għas-saħħa tal-individwi meħuda individwalment. Minn dan isegwi li t-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, li jinkludi, minbarra l-provvista ta’ trasport, il-kura minn paramediku assistit minn assistent mediku (iktar ’il quddiem it-“trasport bl-ambulanza kkwalifikat”), ma huwiex kopert mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, għaliex jikkostitwixxi biss servizz tal-ambulanza għat-trasport ta’ pazjenti.

18      Barra minn hekk, il-leġiżlatur nazzjonali ma jistax jiddeċiedi li t-tliet intervenjenti quddiem il-qorti tar-rinviju huma organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt minħabba l-fatt biss li huma rrikonoxxuti mil-liġi nazzjonali bħala assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika, skont it-tieni sentenza tal-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-GWB. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-klassifikazzjoni bħala “organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ” huma iktar eżiġenti fid-dawl tas-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et (C‑113/13, EU:C:2014:2440) kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56), jew, tal-inqas, tal-Artikolu 77(1) tad-Direttiva 2014/24.

19      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-appell ippreżentat minn Falck et jista’ jintlaqa’ jekk mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-esklużjoni prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-GWB ma kinitx issodisfatta. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk il-kuntratt inkwistjoni jirrigwardax servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli, it-tieni nett, minn meta għandhom jitqiesu li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb l-istatus ta’ organizzazzjoni jew ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ u, it-tielet nett, in-natura tas-servizzi li huma koperti mill-espressjoni “servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” użat f’din id-dispożizzjoni.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li d-difiża ċivili tkopri d-diżastri maġġuri imprevedibbli li jseħħu fi żmien ta’ paċi, il-protezzjoni ċivili hija intiża għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fi żminijiet ta’ gwerra. Il-kunċett ta’ “servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” jista’ madankollu jinkludi s-servizzi għall-prevenzjoni tal-perikoli tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni, meħuda individwalment, meta dawn jiġu mobilizzati kontra theddida immedjata marbuta ma’ riskji komuni bħal nirien, mard jew inċidenti. Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” hija iktar neċessarja minħabba l-fatt li l-kunċett restrittiv sostnut minn Falck et ma jagħtih ebda kontenut leġiżlattiv, peress li dan jiġi konfuż kemm mal-kunċett ta’ “difiża ċivili” kif ukoll ma’ dak ta’ “protezzjoni ċivili”.

21      Barra minn hekk, l-iskop tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, kif iċċarat mill-ewwel sentenza tal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, huwa li jippermetti lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jkomplu jaħdmu fis-settur tas-servizzi ta’ emerġenza għall-benesseri taċ-ċittadini mingħajr ir-riskju li jiġu esklużi mis-suq minħabba kompetizzjoni kbira wisq minn impriżi kummerċjali. Issa, peress li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma essenzjalment attivi fis-settur tas-servizzi ta’ emerġenza ta’ kuljum lil individwi, din l-esklużjoni ma tilħaqx l-għan tagħha kieku kienet tapplika biss għas-servizzi ta’ prevenzjoni ta’ diżastri kbar.

22      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-regola stabbilita fit-tieni sentenza tal-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-GWB hijiex kompatibbli mal-kunċett ta’ organizzazzjonijiet jew ta’ assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li tinsab fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 sa fejn ir-rikonoxximent legali, skont il-liġi nazzjonali, tal-istatus ta’ organizzazzjoni ta’ protezzjoni u ta’ difiża ċivili ma jiddependix neċessarjament mill-punt jekk l-organizzazzjoni hijiex mingħajr skop ta’ qligħ.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward tal-argument ta’ Falck et li jgħid li organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ għandha tissodisfa kundizzjonijiet oħra li jirriżultaw mill-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24, kif ukoll mis-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et (C‑113/13, EU:C:2014:2440), kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56).

24      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli, koperti mill-kodiċi CPV 85143000–3 (servizzi tal-ambulanza), huma kkonċernati mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 (iktar ’il quddiem l-“eċċezzjoni”), suġġett għas-“servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi” (iktar ’il quddiem il-“kontra-eċċezzjoni”). F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni jekk din il-kontra-eċċezzjoni tirreferix biss għat-trasport ta’ pazjent bl-ambulanza mingħajr ebda kura medika jew jekk tinkludix ukoll it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, fejn il-pazjent jibbenefika minn assistenza medika.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza f’ambulanza minn tekniku mediku/paramediku u l-kura u t-trattament ta’ pazjenti f’ambulanza għat-trasport tal-pazjenti minn paramediku/assistent mediku jikkostitwixxu ‘id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli’ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva [2014/24] li jaqgħu taħt is-CPV (il-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi) kodiċijiet 75252000–7 (servizzi ta’ emerġenza) u 85143000–3 (servizzi tal-ambulanzi)?

2.      L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva [2014/24] jista’ jinftiehem fis-sens li ‘organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ’ jinkludu, b’mod partikolari, organizzazzjonijiet ta’ għajnuna li huma rrikonoxxuti taħt id-dritt nazzjonali bħala organizzazzjonijiet ta’ difiża ċivili u ta’ protezzjoni ċivili?

3.      L-‘organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ’ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva [2014/24] huma dawk li għandhom l-għan li jassumu missjonijiet ta’ servizz pubbliku, li ma joperawx bi skop li jagħmlu qligħ u li jinvestu mill-ġdid kwalunkwe qligħ sabiex jilħqu l-għan tal-organizzazzjoni?

4.      It-trasport ta’ pazjent f’ambulanza waqt li jkun qiegħed jingħata kura minn paramediku/assistent mediku (hekk imsejjaħ transport ta’ pazjent ikkwalifikat) huwa ‘servizz[i] tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi’ fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva [2014/24], li ma huwiex kopert mill-eċċezzjoni u li għalih tapplika d-Direttiva [2014/24]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u r-raba’ domanda

26      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat, kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-kura tal-pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’vettura ta’ emerġenza permezz ta’ tekniku mediku/paramediku u t-trasport bl-ambulanza kkwalifikat ma jikkostitwixxu la “servizzi ta’ difiża ċivili” u lanqas “servizzi ta’ protezzjoni ċivili”.

27      Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, it-trattament ta’ pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’vettura ta’ emerġenza permezz ta’ tekniku mediku/paramediku u, min-naħa l-oħra, it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli” u rispettivament taħt il-kodiċijiet CPV 75252000–7 (servizzi ta’ emerġenza) u 85143000–3 (servizzi tal-ambulanzi) u, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew jekk dawn is-servizzi huma “servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi, bħala tali, suġġetta għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn.

28      Għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2014/24 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” u li, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43).

29      Għalkemm huwa minnu li l-kunċetti ta’ “protezzjoni ċivili” u ta’ “difiża ċivili” jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn għandu jiġi indirizzat dannu kollettiv, bħal, pereżempju, terremot, tsunami jew gwerra, ma jirriżultax neċessarjament li l-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli”, li jissemma wkoll fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, għandu jkollu tali dimensjoni kollettiva.

30      Fil-fatt, minn interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll kuntestwali tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-“prevenzjoni tal-perikoli” tikkonċerna kemm ir-riskji kollettivi kif ukoll ir-riskji individwali.

31      L-ewwel nett, il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għal diversi kodiċijiet CPV li jsemmu riskji li jistgħu ikunu kollettivi jew individwali mingħajr distinzjoni. Dan japplika b’mod partikolari għall-kodiċijiet CPV 75250000–3 (servizzi tat-tifi tan-nar u tas-salvataġġ), 75251000–0 (servizzi ta’ nar), 75251100–1 (servizzi tat-tifi tan-nar), 75251110–4 (servizzi ta’ prevenzjoni ta’ nirien) u, b’mod iktar partikolari, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, il-kodiċijiet 75252000–7 (servizzi ta’ emerġenza/salvataġġ) u 85143000–3 (servizzi tal-ambulanzi).

32      It-tieni nett, il-ħtieġa li l-prevenzjoni tal-perikoli jkollha dimensjoni kollettiva ċċaħħad lil din l-espressjoni minn kull kontenut proprju minħabba li dan il-kunċett jitħallat b’mod sistematiku jew mal-protezzjoni ċivili jew mad-difiża ċivili. Għalhekk, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata prijorità lil dik li għandha n-natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tal-24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21).

33      It-tielet nett, fuq il-pjan kuntestwali, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 hija kkonfermata mill-premessa 28 tagħha. Din il-premessa tispjega fil-fatt, fl-ewwel sentenza tagħha, li “[d]in id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex limitata biss għas-servizzi ta’ emerġenza mwettqa meta jseħħu riskji kollettivi. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-essenzjal tal-attività ċentrali tal-assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreferi għal servizzi ta’ emerġenza li, bħala regola ġenerali, jirrigwardaw interventi ta’ natura individwali u ta’ kuljum. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba l-esperjenza hekk miksuba bl-eżerċizzju ta’ dawn is-servizzi ta’ emerġenza ta’ kuljum li tali organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma f’pożizzjoni, skont il-qorti tar-rinviju, li jkunu operattivi meta jkollhom jipprovdu servizzi ta’ “protezzjoni ċivili” u ta’ “difiża ċivili”.

34      Ir-raba’ nett u kif sostna l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kieku l-prevenzjoni tal-perikoli u, għaldaqstant, l-esklużjoni ġenerali msemmija fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, kienet limitata biss għall-interventi ta’ emerġenza fil-każ ta’ sitwazzjonijiet estremi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux għalfejn isemmi s-sempliċi trasport bl-ambulanza fil-kontra-eċċezzjoni. F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni qies utli li jirreferi għas-“servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi”, dan kien minħabba l-fatt li, f’każ kuntrarju, dawn is-servizzi kien ikollhom jitqiesu bħala koperti mill-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

35      Minn dan isegwi li l-għan imsemmi fil-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 ma jintlaħaqx jekk il-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” kellu jinftiehem bħala li jirreferi biss għall-prevenzjoni tal-perikoli kollettivi.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, kemm il-kura tal-pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’vettura ta’ emerġenza permezz ta’ tekniku mediku/paramediku kif ukoll it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prevenzjoni tal-perikoli” fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24.

37      Għalhekk, għad irid jiġi ddeterminat jekk dawn iż-żewġ servizzi humiex koperti minn xi wieħed mill-kodiċijiet CPV elenkati f’din id-dispożizzjoni.

38      Preliminarjament, għandha tissemma’ l-istruttura tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, li tinkludi eċċezzjoni u kontra-eċċezzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teskludi mill-kamp tar-regoli klassiċi ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi lill-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jirrigwardaw servizzi ta’ difiża ċivili, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ prevenzjoni tal-perikolu, bil-kundizzjoni doppja li tali servizzi jikkorrispondu għall-kodiċijiet CPV msemmija f’din id-dispożizzjoni u li jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt. Madankollu, din l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tinkludi kontra-eċċezzjoni, fis-sens li din ma tibbenefikax lis-servizzi ta’ trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza, li jaqgħu taħt l-iskema ssimplifikata għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24.

39      L-għan tal-eċċezzjoni huwa, kif jirriżulta mill-premessa 28 ta’ din id-direttiva, li tiġi ppreżervata n-natura partikolari tal-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, billi jiġi evitat lilhom li jkunu suġġetti għall-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva msemmija. Madankollu, din l-istess premessa tipprovdi li din l-eċċezzjoni ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju.

40      F’dan il-kuntest, u hekk kif indika essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma hemm l-ebda dubju li l-kura tal-pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza li hija, barra minn hekk, żgurata f’vettura ta’ emerġenza permezz ta’ tekniku mediku/paramediku hija koperta mill-kodiċi CPV 75252000–7 (servizzi tal-emerġenza).

41      Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat jistax ukoll jaqa’ taħt l-istess kodiċi jew taħt il-kodiċi CPV 85143000–3 (servizzi tal-ambulanza).

42      F’dan ir-rigward, jidher li mill-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li t-trasport bl-ambulanza kkwalifikat ma jikkorrispondix għat-trasport tal-pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju għamlet distinzjoni bejn il-kura ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza f’vettura ta’ emerġenza u l-kura ta’ pazjenti f’ambulanzi, minn paramediku/assistent mediku. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar kura, li l-qorti tar-rinviju tikkwalifika bħala trasport bl-ambulanza kkwalifikat, ma ssirx permezz ta’ vettura ta’ emerġenza, bit-tagħmir mediku speċjalizzat kollu li din tinvolvi, iżda permezz ta’ ambulanza li tista’ sempliċiment tikkonsisti minn vettura tat-trasport.

43      Issa, mill-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tagħha, jirriżulta li l-esklużjoni mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista f’din id-dispożizzjoni favur is-servizzi ta’ prevenzjoni tar-riskji tista’ tibbenefika biss lil ċerti servizzi ta’ emerġenza pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, u li din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju.

44      Minn dan isegwi li l-inapplikabbiltà tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva hija intrinsikament marbuta mal-eżistenza ta’ servizz ta’ emerġenza.

45      Isegwi li l-preżenza ta’ persunal ikkwalifikat abbord ambulanza ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ servizz tal-ambulanza kopert mill-kodiċi CPV 85143000–3.

46      Minkejja kollox, l-urġenza tista’ tiġi stabbilita, għall-inqas potenzjalment, meta jkun hemm bżonn it-trasport ta’ pazjent li għalih hemm riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu matul l-imsemmi trasport. Huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-belt ta’ Solingen kif ukoll il-Gvern Ġermaniż sostnew, essenzjalment, li t-trasport bl-ambulanza kkwalifikat huwa kkaratterizzat mill-fatt li, minħabba l-istat ta’ saħħa tal-pazjent, tista’ tinqala’ sitwazzjoni ta’ emerġenza f’kull ħin fil-vettura tat-trasport.

48      Għalhekk, huwa minħabba li jeżisti riskju ta’ degradazzjoni fl-istat ta’ saħħa tal-pazjent matul it-trasport tiegħu li persunal imħarreġ fl-ewwel għajnuna għandu jkun jinsab abbord il-vettura, sabiex ikun jista’ jieħdu ħsieb lill-pazjent u, jekk ikun il-każ, sabiex jagħtih il-kura medika ta’ emerġenza li jista’ jkollu bżonn.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li r-riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tal-pazjent għandu, fil-prinċipju, ikun jista’ jiġi evalwat b’mod oġġettiv.

50      Minn dan isegwi li t-trasport bl-ambulanza kkwalifikat jista’ biss jikkostitwixxi “servizz tal-ambulanza” kopert mill-kodiċi CPV 85143000–3, imsemmi fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, meta, minn naħa, effettivament jitwettaq minn persunal imħarreġ fl-ewwel għajnuna u, min-naħa l-oħra, ikun jirreferi għal pazjent li għalih jeżisti riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu matul l-imsemmi trasport.

51      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbilita minnu tkopri l-kura ta’ pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’vettura ta’ emerġenza permezz ta’ tekniku mediku/paramediku koperta mill-kodiċi CPV 75252000–7 (servizzi tal-emerġenza) kif ukoll it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, kopert bil-kodiċi CPV 85143000–3 (servizzi tal-ambulanza), sa fejn, fir-rigward tat-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, dan effettivament jitwettaq minn persunal imħarreġ fl-ewwel għajnuna u jkun jirreferi għal pazjent li għalih jeżisti riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu matul dan it-trasport.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

52      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi li assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika rrikonoxxuti mil-liġi nazzjonali bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni u ta’ difiża ċivili jitqiesu bħala “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika ma huwiex suġġett fil-liġi nazzjonali għan-nuqqas ta’ skop ta’ profitt, u, min-naħa l-oħra, li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li għandhom l-għan li jassumu kompiti soċjali, li huma nieqsa minn kull skop kummerċjali, u li jerġgħu jinvestu l-profitti eventwali bil-għan li jinkiseb l-għan tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni jikkostitwixxu “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt” skont l-imsemmija dispożizzjoni.

53      Fl-ewwel lok, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju nnifisha jirriżulta li r-rikonoxximent legali, mid-dritt Ġermaniż abbażi tal-ewwel sentenza tal-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-GWB, tal-istatus ta’ organizzazzjoni għall-protezzjoni u d-difiża ċivili mhux neċessarjament jiddependi mill-punt jekk l-organizzazzjoni kkonċernata tkun mingħajr skop ta’ profitt.

54      Fil-fatt, it-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili tillimita ruħha biex issostni li huma adatti, b’mod partikolari, biex jipparteċipaw fit-twettiq tal-kompiti previsti minn din il-liġi l-Unjoni tal-Ħaddiema Samaritani, is-soċjetà ta’ salvataġġ Ġermaniża, is-Salib l-Aħmar Ġermaniż, il-volontarji ta’ San Ġwann u s-servizz ta’ għajnuna tal-Ordni ta’ Malta. Iċ-ċertifikat hekk maħruġ lil dawn il-ħames assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika jeżentahom, skont l-Artikolu 18(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra n-nirien, milli juru l-kapaċità ġenerali tagħhom biex jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ jew ta’ assistenza f’każ ta’ inċidenti u ta’ emerġenzi pubbliċi, ta’ interventi fuq skala kbira u ta’ diżastri.

55      Barra minn hekk, jidher li la t-tieni sentenza tal-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni Ċivili u lanqas l-Artikolu 18(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra n-nirien ma tindika jekk, u sa liema punt jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ skop ta’ profitt tal-attività u jekk dan huwiex kundizzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti mid-dritt Ġermaniż tal-istatus ta’ “organizzazzjoni ta’ protezzjoni u ta’ difiża ċivili” ma jistax jiżgura b’ċertezza li l-entitajiet benefiċjarji ta’ dan l-istatus ma għandux skop ta’ profitt.

57      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Arbeiter-Samariter-Bund Regionalverband Bergisch-Land (l-Assoċjazzjoni Reġjonali tal-Land ta’ Bergisch tal-Unjoni tal-Ħaddiema Samaritani) sostniet li, taħt piena li jitneħħilha l-istatus tagħha bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ profitt, persuna għandha, konformement mal-Artikolu 52 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi), teżerċita, b’mod kostanti, attività maħsuba biex tipprovdi b’mod diżinteressat lill-kollettività benefiċċji fil-qasam materjali, spiritwali jew morali.

58      F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk it-tieni sentenza tal-punt 4 tal-Artikolu 107(1) tal-GWB, moqri flimkien mal-Artikolu 52 tal-Kodiċi tat-taxxi, jistax jiġi interpretat b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24.

59      Fit-tieni lok, jikkostitwixxu “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt” fis-sens tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li għandhom bħala skop li jadottaw kompiti soċjali, li ma għandhomx skop kummerċjali u li jerġgħu jinvestu l-profitti eventwali bil-għan li jiksbu l-għanijiet tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 74 sa 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt imsemmija fil-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 ma għandhomx jissodisfaw, barra minn hekk, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77(2) ta’ din id-Direttiva. Fil-fatt, ma hemmx ekwivalenza bejn, minn naħa, dawn l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet kkonċernati mill-imsemmija premessa 28 u, min-naħa l-oħra, l-“organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq is-sjieda tal-impjegat jew il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegat fit-tmexxija tagħhom”, kif ukoll l-“organizzazzjonijiet eżistenti bħal kooperattivi”, li ssemmi l-premessa 118 ta’ din l-istess direttiva. Għaldaqstant, lanqas ma jista’ jkun hemm ekwivalenza bejn l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, li jeskludi ċerti attivitajiet tal-organizzazzjonijiet jew tal-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt mill-kamp ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 77 tal-imsemmija Direttiva, li jissuġġetta ċerti attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ibbażati fuq is-sjieda tal-ishma mill-impjegati jew fuq il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-governanza tal-organizzazzjoni u tal-organizzazzjonijiet eżistenti, bħall-kooperattivi, għal sistema inqas stretta prevista fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24.

61      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi li assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika rrikonoxxuti mil-liġi nazzjonali bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni u ta’ difiża ċivili jitqiesu bħala “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika ma huwiex suġġett fil-liġi nazzjonali għan-nuqqas ta’ skop ta’ profitt, u, min-naħa l-oħra, li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li għandhom l-għan li jassumu kompiti soċjali, li huma nieqsa minn kull skop kummerċjali, u li jerġgħu jinvestu l-profitti eventwali bil-għan li jinkiseb l-għan tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni, jikkostitwixxu “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt” skont l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbilita minnu tkopri l-kura ta’ pazjenti f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza f’vettura ta’ emerġenza permezz ta’ tekniku mediku/paramediku koperta mill-kodiċi CPV [Common Procurement Vocabulary (il-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi)] 75252000–7 (servizzi tal-emerġenza) kif ukoll it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, li minbarra l-provvista ta’ trasport, jinkludi l-kura tal-pazjenti f’ambulanza minn paramediku assistit minn paramediku awżiljarju, kopert mill-kodiċi CPV 85143000–3 (servizzi tal-ambulanza), sa fejn, fir-rigward tal-imsemmi trasport bl-ambulanza kkwalifikat, dan effettivament jitwettaq minn persunal imħarreġ fl-ewwel għajnuna u jkun jirreferi għal pazjent li għalih jeżisti riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu matul dan it-trasport.

2)      L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi li assoċjazzjonijiet ta’ utilità pubblika rrikonoxxuti mil-liġi nazzjonali bħala organizzazzjonijiet ta’ protezzjoni u ta’ difiża ċivili jitqiesu bħala “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika ma huwiex suġġett fil-liġi nazzjonali għan-nuqqas ta’ skop ta’ profitt, u, min-naħa l-oħra, li l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet li għandhom l-għan li jassumu kompiti soċjali, li huma nieqsa minn kull skop kummerċjali, u li jerġgħu jinvestu l-profitti eventwali bil-għan li jinkiseb l-għan tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni, jikkostitwixxu “organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt” skont l-imsemmija dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.