Language of document : ECLI:EU:F:2010:74

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

1 ta’ Lulju 2010

Kawża F-40/09

Radek Časta

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżami orali — Talba għal eżami mill-ġdid — Obbligu ta’ motivazzjoni — Esperjenza professjonali meħtieġa — Ċertifikat ippreżentat tard — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Časta jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tat-22 ta’ Diċembru 2008, li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla EPSO/AD/107/07 fil-qasam tal-liġi, tad-9 ta’ Ġunju 2008, li r-rikorrent ma jitħalliex jieħu sehem fl-eżamijiet orali u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit minħabba din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni meħuda wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Rifjut ta’ ammissjoni għall-eżamijiet — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Avviż ta’ kompetizzjoni — Suġġett

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 1(1))

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Iffissar mill-avviż ta’ kompetizzjoni — Evalwazzjoni, mill-Bord tal-Għażla, tal-esperjenza professjonali tal-kandidati — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 2 u 5)

5.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kriterji ta’ selezzjoni — Esperjenza professjonali tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

6.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn għall-finijiet tal-ammissjoni għall-eżamijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikoli 2 u 5)

7.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Limiti — Vantaġġ mogħti illegalment

8.      Uffiċjali — Rikors — Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament — Ċaħda tat-talba għal annullament li twassal għaċ-ċaħda tat-talba għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Meta parti, li t-talba tagħha għall-ammissjoni għal kompetizzjoni organizzata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tkun ġiet miċħdua, titlob eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni preċiża li torbot lill-amministrazzjoni, hija d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Għażla wara l-eżami mill-ġdid li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa wkoll mid-data ta’ din id-deċiżjoni, meħuda wara eżami mill-ġdid, li jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ ilment jew rikors, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġi vverifikat jekk, f’tali sitwazzjoni, l-imsemmija deċiżjoni tistax eventwalment titqies bħala att purament konfermattiv.

(ara l-punt 27)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il‑Parlament, T‑386/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑55, punt 39; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punt 58; 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑5 u II‑A‑2‑19, punt 29

2.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u li tikkawża preġudizzju għandha tkun immotivata. L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni. Tali obbligu għandu l-għan, b’mod partikolari, li jippermetti lill-persuna kkonċernata li tkun taf ir-raġunijiet ta’ deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha, sabiex tkun tista’ eventwalment teżerċita r-rimedji neċessarji għad-difiża tad-drittijiet u l-interessi tagħha.

Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-ammissjoni għal kompetizzjonijiet, il-Bord tal-Għażla għandu jindika preċiżament il-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni li tqiesu bħala mhux sodisfatti mill-kandidat.

(ara l-punt 42)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; 4 ta’ Lulju 1996, Il‑Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, Ġabra p. I‑3423, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il‑Parlament, T‑133/89, Ġabra p. II‑245, punt 43; 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑1169, punt 173; Gonçalves vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62; 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il‑Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 67; 27 ta’ Marzu 2003, Martínez Páramo et vs Il‑Kummissjoni, T‑33/00, ĠabraSP p. I‑A‑105 u II‑541, punt 43; 25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il‑Kummissjoni, T‑145/02, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑447, punt 54

3.      Il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni huwa marbut mit-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni u, b’mod partikolari, mill-kundizzjonijiet għall-ammissjoni li jinsabu fih. Fil-fatt, ir-rwol essenzjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni, kif kien maħsub mir-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jinforma lill-persuni kkonċernati, b’mod l-iktar preċiż possibbli, bin-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintgħażlu għall-impjieg inkwistjoni, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw, minn naħa, jekk hemmx lok għalihom li jippreżentaw applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, liema dokumenti ta’ sostenn huma importanti għax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla u konsegwentement, għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni.

(ara l-punt 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Gonçalves vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73; Petrich vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34

4.      Il-Bord tal-Għażla għandu l-obbligu li jevalwa, każ b’każ, jekk l-esperjenza professjonali ppreżentata minn kull kandidat tikkorrispondix għal-livell meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri ta’ kompetizzjoni, għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni kemm tan-natura u tat-tul tal-esperjenzi professjonali preċedenti tal-kandidati kif ukoll tar-rilevanza tagħhom għall-impjieg li jrid jimtela. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu sempliċement jivverifika li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jkunx ġie vvizzjat bi żball manifest.

(ara l-punt 58)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 1990, González Holguera vs Il‑Parlament, T‑115/89, Ġabra p. II‑831, pubblikazzjoni ta’ siltiet, punt 54; 28 ta’ Novembru 1991, Van Hecken vs CES, T‑158/89, Ġabra p. II‑1341, punt 22; Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 sa 71; Petrich vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ Ġunju 2007, De Meerleer vs Il‑Kummissjoni, F‑121/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑161 u II‑A‑1‑865, punt 116

5.      Matul kompetizzjoni, id-dokumenti li jikkonċernaw l-esperjenza professjonali ta’ kandidat imfassla minnu personalment, jirrappreżentaw l-opinjoni tal-kandidat fuq l-esperjenza proprja tiegħu, u l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jikkorrispondi għal dak ta’ curriculum vitae. Peress li tali dokumenti ma jistgħux ikunu, bħala prinċipju, ivverifikati b’mod oġġettiv b’tali mod li jippermettu lill-Bord tal-Għażla jwettaq eżami fid-dettall tal-esperjenza professjonali meħtieġa, ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti ta’ sostenn għall-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali, iżda sempliċement bħala li jagħmlu parti mill-curriculum vitae tal-kandidat.

(ara l-punt 64)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il‑Parlament, T‑420/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑185 u II‑A‑2‑943, punt 49

6.      Sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni humiex sodisfatti, il-Bord tal-Għażla jista’ biss jieħu inkunsiderazzjoni indikazzjonijiet ipprovduti mill-kandidati fl-applikazzjoni tagħhom u d-dokumenti ta’ sostenn li huma obbligati li jipproduċu insostenn tagħha. Il-Bord tal-Għażla ma jistax ikun obbligat li jagħmel riċerki huwa stess sabiex jivverifika jekk il-kandidati jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha kemm huma imposti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, meta d-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ avviż ta’ kompetizzjoni jistipulaw, mingħajr ekwivoku, l-obbligu li mal-applikazzjoni jiġu mehmuża dokumenti ta’ sostenn, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu min-naħa ta’ kandidat la jista’ jawtorizza u wisq inqas, jobbliga lill-Bord tal-Għażla jew l-Awtorità tal-Ħatra jaġixxu b’mod li jmur kontra dan l-avviż ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 67 u 71)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 31 ta’ Marzu 1992, Burban vs Il‑Parlament, C‑255/90 P, Ġabra p. I‑2253, punt 12; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77; Gonçalves vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74; Petrich vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 49

7.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka favurih, illegalità mwettqa fil-konfront ta’ ħaddieħor. Eventwali illegalità mwettqa fil-konfront ta’ kandidati oħrajn ta’ kompetizzjoni, li ma humiex parti fil-proċeduri, ma tistax twassal lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fil-konfront ta’ kandidat. Tali approċċ ikun ekwivalenti għal affermazzjoni tal-prinċipju ta’ “ugwaljanza fit-trattament fl-illegalità”. Madankollu, ma jistax ikun hemm ugwaljanza fit-trattament fl-illegalità, peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma jista’ joħloq l-ebda dritt għall-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’ trattament illegali.

(ara l-punti 88 u 89)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 134/84, Ġabra p. 2225, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 160; 20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 367; 11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 479; 16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 77; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il‑Kummissjoni, F‑4/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑47 u II‑A‑1‑229, punt 81

8.      Fir-rikorsi ta’ uffiċjali, it-talbiet intiżi għall-kumpens ta’ dannu għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma jkunu marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament li huma stess kienu miċħuda jew bħala inammissibbli jew bħala infondati.

(ara l-punt 94)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punt 159; 30 ta’ Settembru 2003, Martínez Valls vs Il‑Parlament, T‑214/02, ĠabraSP p. I‑A‑229 u II‑1117, punt 43; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 207; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Wenning vs Europol, F‑114/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑363 u II‑A‑1‑1935, punt 210