Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (ir-Rumanija) fis-26 ta’ Novembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra FX, CS u ND

(Kawża C-859/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie

Partijiet fil-kawża prinċipali

FX, CS, ND

Il-parti l-oħra fil-kawża:

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie și Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie

Domandi preliminari

L-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE 1 , l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali 2 , [li] kienet adottata abbażi tal-Artikolu 83(2) TUE, [li ssostitwixxiet il-Konvenzjoni] dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Lulju 1995, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn korp estern għall-poter ġudizzjarju, il-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), li teħtieġ ir-rinviju għal eżami mill-ġdid ta’ kawżi ta’ korruzzjoni deċiżi matul perijodu speċifiku u li jinsabu fl-istadju tal-appell, minħabba li l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti speċjalizzati f’dan il-qasam ma kinux fil-livell tal-qorti suprema, anki jekk l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin li jagħmlu parti minnhom hija rikonoxxuta minn din?

L-Artikolu 2 TUE u [t-tieni paragrafu ta]l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-konstatazzjoni, minn korp estern għall-poter ġudizzjarju, tal-illegalità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ awla tal-qorti suprema (kulleġġi komposti minn imħallfin fil-kariga, li fil-mument tal-promozzjoni tagħhom, kienu wkoll jissodisfaw b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ speċjalizzazzjoni meħtieġ għall-promozzjoni fl-awla kriminali tal-qorti suprema)?

Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikata deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali, mogħtija f’kawża relatata ma’ tilwima kostituzzjonali, li hija vinkolanti taħt id-dritt nazzjonali?

____________

1     ĠU 2015, L 141, p. 73.

2     ĠU 2017, L 198, p. 29.