Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fis-27 ta’ Marzu 2020 – Bundeswettbewerbsbehörde vs Nordzucker AG et

(Kawża C-151/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundeswettbewerbsbehörde

Konvenuti: Nordzucker AG, Südzucker AG, Agrana Zucker GmbH

Domandi preliminari

1.    It-tielet kriterju stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju “ne bis in idem”, jiġifieri dak li jgħid li għandu jkun ikkonċernat l-istess interess ġuridiku protett, għandu jiġi applikat ukoll meta l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni ta’ żewġ Stati Membri jintalbu japplikaw, għall-istess fatti u fir-rigward tal-istess persuni, minbarra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-istess regoli tad-dritt Ewropew (f’dan il-każ, l-Artikolu 101 TFUE) ?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

2.    F’każ bħal dan ta’ applikazzjoni parallela tad-dritt Ewropew dwar il-kompetizzjoni u ta’ dak nazzjonali, huwa protett l-istess interess ġuridiku?

3.    Minbarra dan, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju “ne bis in idem”, huwa rilevanti jekk l-ewwel deċiżjoni – fuq il-livell kronoloġiku – tal-awtorità għall-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li timponi multa tkun effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti ħżiena fuq il-kompetizzjoni fl-Istat Membru l-ieħor li l-awtorità għall-kompetizzjoni tiegħu ddeċidiet biss sussegwentement fil-proċedura ta’ dritt dwar il-kompetizzjoni li hija mexxiet?

4.    Proċedura li fiha, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ parti kkonċernata fil-programm nazzjonali ta’ klemenza, jista’ jiġi kkonstatat biss ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, hija wkoll proċedura suġġetta għall-prinċipju “ne bis in idem”, jew tali sempliċi konstatazzjoni ta’ ksur tista’ ssir indipendentement mill-eżitu ta’ proċedura preċedenti rigward l-impożizzjoni ta’ multa (fi Stat Membru ieħor)?

____________