Language of document : ECLI:EU:F:2012:179

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑112/10

Cornelia Trentea

vs

Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-FRA — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Ċaħda ta’ kandidatura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Trentea titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn naħa, jannulla d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (iktar ʼil quddiem il-“FRA” jew l-“Aġenzija”) li jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ segretarja amministrattiva u dwar reklutaġġ ta’ kandidata oħra għall-imsemmija pożizzjoni, min-naħa l-oħra, li l-FRA tiġi kkundannata tħallasha d-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-FRA.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Proċedura — Reklutaġġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta’ membru tal-persunal temporanju sabiex jimtela’ impjieg għal perijodu twil — Obbligu ta’ ftuħ u ta’ għeluq ta’ proċedura ta’ reklutaġġ intern jew ta’ proċedura ta’ reklutaġġ fi ħdan aġenziji oħra tal-Unjoni qabel il-ftuħ ta’ proċedura esterna — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 110; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikoli 2(a) u 12(5))

2.      Uffiċjali — Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Suġġett — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra jew li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ — Limiti — Osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

3.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati — Modalitajiet — Possibbiltà li jinstemgħu l-kandidati f’kull stadju tal-eżami tal-kandidaturi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-kumitat ta’ selezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25; Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ))

5.      Uffiċjali — Pożizzjoni vakanti — Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra jew li għandha l-awtorità sabiex tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg — Osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

1.      Peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/3 tal-Aġenżija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(FRA), li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċeduri li jirregolaw ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal temporanju tal-FRA, jipprovdu li “[i]l-pożizzjonijiet vakanti dwar l-impjiegi għal perijodu twil jistgħu jimtelgħu permezz ta’ reklutaġġ intern jew f’aġenziji oħra tal-Unjoni Ewropea, qabel ma jimtelgħu permezz ta’ reklutaġġ estern” [“traduzzjoni mhux uffiċjali”] u li “[i]l-pożizzjoni vakanti dwar impjieg għal perijodu twil tista’ tiġi ppubblikata fl-istess ħin fi ħdan l-Aġenzija u fl-aġenziji l-oħra tal-Unjoni Ewropea, qabel ma’ tkun is-suġġett ta’ pubblikazzjoni esterna” [“traduzzjoni mhux uffiċjali”] ma jistgħux jinqraw bħala li jobbligaw lill-FRA, sabiex timtela’ pożizzjoni ta’ impjieg għal perijodu twil, tiftaħ jew tagħlaq proċedura ta’ reklutaġġ intern jew proċedura ta’ reklutaġġ fi ħdan l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni qabel ma tiftaħ proċedura esterna.

L-użu tal-verb “tista’” jenfasizza biss il-fatt li l-FRA għandha l-għażla, fil-każ li hija tqis li pożizzjoni għal impjieg għal perijodu twil tista’, x’aktarx, timtela’ permezz ta’ proċedura ta’ reklutaġġ fi ħdanha jew fi ħdan l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, li tagħmel użu minn waħda minn dawn il-proċeduri. Għalhekk, f’każ li l-FRA tqis, għall-kuntrarju, li l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ ma tista’, b’ċertezza suffiċjenti, tilħaq dan il-għan, hija tista’ tagħmel użu mill-bidu nett mill-proċedura ta’ reklutaġġ estern.

Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/3 fis-sens li jimponi fuq l-FRA l-obbligu, minn qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ reklutaġġ estern, li tagħlaq il-proċedura ta’ reklutaġġ fi ħdanha jew fi ħdan l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni tmur kontra l-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni, li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-FRA, li n-numru ta’ impjegati tagħha huwa intenzjonat li jikber, sabiex tirrekluta malajr membri tal-persunal sabiex tkun tista’ tissodisfa l-missjonijiet kollha tagħha.

(ara l-punti 46 u 47)

2.      Il-funzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti hija, minn naħa waħda, li tinforma lill-persuni kkonċernati bl-iktar mod eżatt possibbli bin-natura tal-kundizzjonijiet stipulati sabiex il-pożizzjoni vakanti timtela bl-għan li b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok li jippreżentaw il-kandidatura tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi l-kuntest legali fi ħdan liema l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tipproċedi għall-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati. Din it-tieni funzjoni timplika li jiġu stabbiliti rekwiżiti suffiċjentement speċifiċi sabiex ikun jista’ jsir dan l-eżami komparattiv u sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata l-għażla magħmula.

F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma kienx jinkludi informazzjoni dwar l-importanza mogħtija lil kull wieħed mill-kriterji ta’ ammissjoni jew dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-provi bil-miktub u orali ma jfissirx li l-għażla tal-kandidat magħżul kienet neċessarjament saret mingħajr kunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ ammissjoni, iżda tixhed biss li, fil-kuntest legali kkostitwit mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ riedet tħalli f’idejn il-kumitat ta’ selezzjoni marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-importanza mogħtija lil kull wieħed mill-kriterji ta’ ammissjoni u dwar kif isiru l-provi bil-miktub u orali.

(ara l-punti 57 u 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Frar 1998, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T-3/97, punt 100

3.      Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ skont id-definizzjoni ta’ kif issir l-evalwazzjoni komparattiva tal-kandidaturi, hija din l-awtorità kif ukoll id-diversi responsabbli ġerarkiċi li kienu ġew ikkonsultati matul il-proċedura ta’ selezzjoni, li jevalwaw f’kull pass tal-eżami tal-kandidaturi, jekk ikunx il-każ li jinġabru, f’dan l-istadju, informazzjoni jew elementi ta’ evalwazzjoni supplimentari permezz ta’ intervista lill-kandidati kollha jew lil xi uħud minnhom biss, sabiex jieħdu deċiżjoni kemm jista’ jkun informata.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Konidaris vs Il-Kummissjoni, T-93/03, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżawlha dannu u jagħtiha l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din tal-aħħar li tivverifika l-legalità tal-att. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ssostni, fl-Artikolu 41(2)(ċ) tagħha, li d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

Madankollu, tali obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ sabiex jimtela’ l-post vakanti, mal-osservanza tas-segretezza tax-xogħol tal-kumitat ta’ selezzjoni, li tipprekludi kemm l-iżvelar tal-attitudnijiet adottati mill-membri individwali tal-kumitat ta’ selezzjoni kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha relatati mal-evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva li jirrigwardaw il-kandidati.

(ara l-punti 89 u 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata; 14 ta’ Novembru 2006, Neirinck vs Il-Kummissjoni, T-494/04, punt 73

5.      L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-amministrazzjoni fir-rigward tal-ħatra jew tal-promozzjoni jippreżumi li hija teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi rilevanti ta’ kull kandidat u li tosserva bl-ikbar reqqa r-rekwiżiti stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, b’tali mod li hija obbligata twarrab kull kandidat li ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi fil-fatt kuntest legali li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li hija għandha tosserva skrupolożament.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ żball eventwali fl-għażla tal-kandidat selezzjonat, tali żball għandu jkun manifest u għandu jmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li, fil-kuntest legali mfassal fl-avviż għal pożizzjoni vakanti, l-amministrazzjoni għandha fil-paragun tal-merti tal-kandidati u fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-imsemmija amministrazzjoni sabiex tistabbilixxi l-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar osservatx il-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat jew għal għanijiet differenti minn dawk li kienu ngħatawlha għalihom. Il-qorti tal-Unjoni għaldaqstant ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-merti u l-kwalifiki tal-kandidati għal dik tal-amministrazzjoni meta ma jkun jeżisti l-ebda element fil-fajl li jafferma li, fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-merti u ta’ dawn il-kwalifiki, l-amministrazzjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Issa, f’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li kandidat ikollu merti evidenti u rikonoxxuti ma jeskludix, fil-kuntest tal-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati, li kandidati oħra jkollhom merti superjuri. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li kandidat kien jissodisfa l-kriterji kollha li jinsabu fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tikkostitwixxi prova li l-amministrazzjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 101, 102 u 104)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, punti 26, 38 u 41; 4 ta’ Frar 1987, Bouteiller vs Il-Kummissjoni, 324/85, punt 6

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T-73/01, punt 54; 9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il-Kunsill, T-116/03, punt 65; 4 ta’ Mejju 2005, Sena vs AESA, T-30/04, punt 80

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 6 ta’ Mejju 2009, Campos Valls vs Il-Kunsill, F-39/07, punt 43