Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de grande instance de Lille (Franza) fis-6 ta’ Ġunju 2016 – proċeduri kriminali kontra Uber France SAS

(Kawża C-320/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de grande instance de Lille

Parti fil-kawża prinċipali

Uber France SAS

Domanda preliminari

L-Artikolu L. 3124-13 tal-Code des transports (kodiċi tat-trasport), li jirriżulta mil-Liġi Nru 2014-1104 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar it-taxis u l-vetturi ta’ trasport b’xufier, jikkostitwixxi regola teknika ġdida, mhux impliċita, dwar wieħed jew iktar mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva 98/34/KE tat-22 ta’ Ġunju 1998 1 , b’tali mod li dan it-test kellu jiġi nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva; jew dan l-artikolu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi 2 , li fl-Artikolu 2[(2)](d) tagħha teskludi t-trasport?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti tad-domanda, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 8 tad-direttiva jimplika li l-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport ma jistax jiġi invokat kontra individwi?

____________

1     Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).

2     Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).