Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-23 ta’ April 2019 – KS, MHK vs The International Protection Appeals Tribunal, the Minister for Justice and Equality, Ireland and the Attorney General

(Kawża C-322/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (Ireland)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: KS, MHK

Konvenuti: The International Protection Appeals Tribunal, the Minister for Justice and Equality, Ireland and the Attorney General

Domandi preliminari

Meta, fl-interpretazzjoni ta’ strument tad-dritt tal-UE li japplika fi Stat Membru partikolari, strument li ma japplikax f’dan l-Istat Membru jiġi adottat fl-istess ħin, dan l-aħħar strument jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-ewwel wieħed?

L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE1 japplika għal persuna li fir-rigward tagħha ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/20132 ?

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE, jista’ Stat Membru jadotta miżura ġenerali li effettivament tattribwixxi lil applikanti li għandhom jiġu ttrasferiti skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013, kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni jew wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment?

Meta applikant jitlaq minn Stat Membru mingħajr ma jkun applika għal protezzjoni internazzjonali u jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor fejn jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013, li abbażi tagħha huwa jerġa’ jiġi ttrasferit lejn l-ewwel Stat Membru, id-dewmien li jirriżulta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni jista’ jiġi attribwit lill-applikant għall-finijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE?

Meta applikant jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III, Regolament (UE) Nru 604/2013, iżda jkun hemm dewmien fit-trasferiment minħabba proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ppreżentata mill-applikant li għandha bħala konsegwenza s-sospensjoni tat-trasferiment skont ordni ta’ sospensjoni tal-qorti, id-dewmien li jirriżulta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi attribwit lill-applikant għall-finijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (tfassil mill-ġdid) 2013/33/UE, b’mod ġenerali jew b’mod partikolari, fil-każ li jiġi ddeterminat f’din il-proċedura li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa infondat, b’mod manifest jew le, jew jikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura?

____________

1 Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU 2013, L 180, p. 96

2 Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, ĠU 2013, L 180, p. 31