Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2019 minn Servier SAS, Servier Laboratories Ltd, Les Laboratoires Servier SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-691/14, Servier et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-201/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Servier SAS, Servier Laboratories Ltd, Les Laboratoires Servier SA (rappreżentanti: M. Utges Manley, Solicitor, A. Robert, advocate, J. Killick, J. Jourdan, T. Reymond, O. de Juvigny, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA)

Talbiet

Prinċipalment, fid-dawl tal-aggravji 1 sa 5 li jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE:

tannulla l-punti 4, 5 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T691/14, Servier vs Il-Kummissjoni;

tannulla l-Artikoli 1(b), 2(b), 3(b) u 5(b) u, konsegwentement l-Artikoli 7(1)(b), 7(2)(b), 7(3)(b) u 7(5)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni finali Nru C(2014) 4955 tad-9 ta’ Lulju 2014 [AT.39.612 – Périndopril (Servier)], jew fin-nuqqas tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-effetti tal-ftehimiet ikkonċernati;

Sussidjarjament, fid-dawl tal-aggravju 6:

tannulla l-punti 4 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza sa fejn jikkonferma l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur distint u ta’ multi kumulattivi għall-Ftehimiet Niche u Matrix; konsegwentement, tannulla l-Artikoli 1(b), 2(b), 7(1)(b) u 7(2)(b) tad-deċiżjoni;

U sussidjarjament:

tannulla l-punti 4 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza u l-Artikoli 7(1)(b), 7(2)(b), 7(3)(b) u 7(5)(b) tad-deċiżjoni fid-dawl tal-aggravji 7.1 u 7.2 li jikkontestaw il-prinċipju u l-ammont tal-multi kollha;

tannulla l-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza u l-Artikoli 5(b) u 7(5)(b) tad-deċiżjoni fid-dawl tal-aggravju 5.4 dwar it-tul tal-ksur allegat u l-kalkolu tal-multa dwar il-ftehim konkluż bejn Servier u Lupin u tiffissa konsegwentement il-multa fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

U fi kwalunkwe każ:

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel aggravju, komuni għall-ftehimiet kollha ssanzjonati, Servier issostni li s-sentenza hija żbaljata fil-liġi sa fejn tibbaża fuq idea estensiva u mhux konformi mal-ġurisprudenza tal-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan. Is-sentenza tittraskura l-assenza ta’ esperjenza u ta’ restrizzjoni evidenti u tibbaża fuq test mekkaniku billi jitwarrbu l-kuntest u l-effetti ambivalenti tal-ftehimiet bonarji inkwistjoni.

Fit-tieni aggravju, ukoll trasversali, Servier tikkunsidra li s-sentenza tapplika b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali u li tibbaża fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova.

It-tieled aggravju bbażat fuq il-fatt li l-ftehimiet konklużi l-istess jum ma’ Matrix u d-distributur tiegħu Niche ma humiex antikompetittivi minħabba l-għan. Skont Servier, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat dawn l-impriżi ta’ kompetitturi potenzjali u billi kkunsidrat il-pagamenti bħala ta’ ħsara u mhux inerenti mar-riżoluzzjoni bonarja.

Fir-raba’ aggravju tagħha, Servier tallega żbalji ta’ liġi relatati mal-ftehim konkluż ma’ Teva, li ma huwiex lanqas antikompetittiv minħabba l-għan fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku li fih huwa inkluż, tal-effetti tiegħu ambivalenti u tal-komplementarjetà tal-partijiet, peress li Teva hija, kuntrarjament għal Servier, distributur ta’ ġeneriċi fir-Renju Unit.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi li jikkonċernaw il-ftehim ma’ Lupin. Il-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminat l-effetti tal-ftehim minħabba l-portata tiegħu għall-inqas ambivalenti, altrimenti pro-kompetittiv. Sussidjarjament, żball jivvizzja t-tul tal-ksur u għalhekk il-kalkolu tal-multa.

Sussidjarjament, Servier tesponi, fis-sitt aggravju, li l-Qorti Ġenerali kien imissha annullat id-deċiżjoni sa fejn tissanzjona l-ftehim konkluż ma’ Matrix flimkien ma’ dak iffirmat ma’ Niche minkejja li ma kienx jirrigwarda ksur distint.

Sussidjarjament ħafna, is-seba’ motiv huwa ddedikat għat-talba għall-annullament tas-sentenza sa fejn tivvalida il-mod ta’ determinazzjoni tal-multa.

____________