Language of document : ECLI:EU:C:2018:243

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑12 ta’ April 2018 (1)

Kawżi magħquda C195/17, C197/17 sa C203/17, C226/17, C228/17, C254/17, C274/17, C275/17, C278/17 sa C286/17 u C290/17 sa C292/17

Helga Krüsemann

Gabriele Heidenreich

Doris Manneck

Rita Juretschke (C195/17)

Thomas Neufeldt

Julia u Gabriel Neufeldt, it-tnejn irrappreżentati legalment mill-ġenituri tagħhom Sandra u Thomas Neufeldt (C197/17)

Ivan Wallmann (C198/17)

Rita Hoffmeyer

Rudolf Meyer (C199/17)

Susanne de Winder (C200/17)

Holger u Nicole Schlosser (C201/17)

Peter Rebbe

Hans-Peter Rebbe

Harmine Rebbe (C202/17)

Eberhard Schmeer (C203/17)

Brigitte Wittmann (C226/17)

Reinhard Wittmann (C228/17)

Regina Lorenz

Prisca Sprecher (C254/17)

Margarethe Yüce

Ali Yüce

Emin Yüce

Emre Yüce (C274/17)

Friedemann Schoen

Brigitta Schoen (C275/17)

Susanne Meyer

Sophie Meyer

Jan Meyer (C278/17)

Thomas Kiehl (C279/17)

Ralph Eßer (C280/17)

Thomas Schmidt (C281/17)

Werner Ansorge (C282/17)

Herbert Blesgen (C283/17)

Simone Künnecke

Thomas Küther

Antonia Künnecke

Moritz Künnecke (C284/17)

Marta Gentile

Marcel Gentile (C285/17)

Gabriele Ossenbeck (C286/17)

Angelina Fell

Florian Fell

Vincent Fell (C290/17)

Helga Jordan-Grompe

Sven Grompe

Yves-Felix Grompe

Justin Joel Grompe (C291/17)

vs

TUIfly GmbH

(24 talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja))

u

EUflight.de GmbH (C292/17)

vs

TUIfly GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 5(3) — Kumpens għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet —Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’ — Assenza massiva ta’ persunal tat-titjira minħabba l-hekk imsejjaħ ’strajk selvaġġ‘ bl-iskuża ta’ leave tal-mard — Kawżalità — Natura evitabbli”






I.      Introduzzjoni

1.        L-imsejjaħ “strajk selvaġġ” (2) bl-iskuża ta’ leave tal-mard iwassal għal “ċirkostanzi straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (3), sabiex trasportatur bl-ajru ma jkunx obbligat iħallas kumpens lill-passiġġieri li jsofru dewmien u kanċellazzjonijiet ta’ titjira b’konsegwenza ta’ dan?

2.        Essenzjalment din hija d-domanda ewlenija magħmula għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ dawn ir-rinviji magħquda għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fejn diversi passiġġieri ressqu kawża quddiemhom biex jiksbu kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 wara li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati jew imdewma b’mod kunsiderevoli minħabba li perċentwali għoli iktar mis-soltu ta’ persunal tat-titjira tat-trasportatur bl-ajru ma ħadimx għax kien bil-leave tal-mard.

3.        Għalhekk dan il-każ jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 li, għandu jitfakkar, għandu impatt effettiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-persuni kollha li jivvjaġġaw fi ħdan il-fruntieri tagħha.

II.    Il-kuntest ġuridiku

4.        Il-premessi 1, 2, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

5.        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxi:

“Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Rinviju mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover)

6.        Ir-rikorrenti fl‑24 kawża pendenti quddiem l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) ipprenotaw titjiriet ma’ TUIfly GmbH (“TUIfly”) li hija trasportatur bl-ajru bbażat f’Hannover, il-Ġermanja. Ir-rikorrenti qegħdin ifittxu li jiksbu kumpens mingħand TUIfly skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 (4) minħabba li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati jew imdewma b’mod kunsiderevoli bejn it-3 ta’ Ottubru 2016 u t-8 ta’ Ottubru 2016.

7.        Il-kanċellazzjonijiet jew id-dewmien tat-titjira inkwistjoni ġejjin minn ġrajja li seħħet fil-bidu ta’ Ottubru 2016 meta numru kbir ta’ persunal tat-titjira ta’ TUIfly irrapporta għall-għarrieda li ma jiflaħx, b’konsegwenza li iktar minn 100 titjira kellhom jiġu kkanċellati u ħafna oħrajn ġew imdewma b’mod kunsiderevoli.

8.        Din il-mewġa ta’ leave tal-mard seħħet wara li l-ġestituri ta’ TUIfly innotifikaw lill-ħaddiema tagħhom fit‑30 ta’ Settembru 2016 dwar pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni prospettivi li kienu ġew opponuti b’saħħa.

9.        Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rata tal-mard tal-persunal ta’ TUIfly ġeneralment tammonta għal madwar 10 % tal-ħaddiema tiegħu, li jinkludu l-persunal tal-cockpit u tal-kabina. Madankollu, wara l-avviż dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni mill-ġestituri ta’ TUIfly fit‑30 ta’ Settembru 2016, ir-rata tal-mard tal-persunal ta’ TUIfly splodiet, speċjalment fil-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Ottubru 2016 u d-9 ta’ Ottubru 2016, fejn l-ogħla rata ntlaħqet fis‑7 ta’ Ottubru 2016 b’89 % tal-persunal tal-cockpit u 62 % tal-persunal tal-kabina assenti minħabba mard.

10.      Konsegwentament, fit‑3 ta’ Ottubru 2016, TUIfly abbandunat kompletament il-pjan oriġinali tat-titjiriet tagħha u ħolqot wieħed ġdid. TUIfly kriet linji oħra tal-ajru u sejħet lura lil membri tal-persunal li kienu fuq btala.

11.      Fit‑3 ta’ Ottubru 2016, minħabba nuqqas ta’ persunal, 24 titjira ġew imdewma b’mod kunsiderevoli. Fl‑4 ta’ Ottubru 2016, 7 titjiriet ġew ikkanċellati u 29 titjira ġew imdewma b’mod kunsiderevoli. Mill‑5 ta’ Ottubru 2016 ’il quddiem numru kbir ta’ titjiriet ġew ikkanċellati. Fis‑7 u fit‑8 ta’ Ottubru 2016, TUIfly ikkanċellat it-titjiriet kollha mill-Ġermanja lejn id-destinazzjonijiet rispettivi tagħhom abbażi tal-preżunzjoni li t-trasport ta’ ritorn tal-passiġġieri fl-aħħar tal-vjaġġ tagħhom ma setax jiġi ggarantit.

12.      Fis‑7 ta’ Ottubru 2016, il-ġestituri ta’ TUIfly informaw lill-ħaddiema tagħhom li ntlaħaq ftehim mar-rappreżentanti tal-persunal rigward il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni. Sussegwentement, ir-rata tal-mard tal-persunal tat-titjira tagħha reġa’ lura għal-livell normali.

13.      Fil-kawża prinċipali, TUIfly tikkontesta li ma hijiex obbligata tħallas kumpens lir-rikorrenti peress li l-kanċellazzjonijiet u d-dewmien tat-titjiriet inkwistjoni ġew ikkawżati minn “ċirkostanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Ir-rikorrenti argumentaw li TUIfly ma hijiex meħlusa milli tħallashom kumpens peress li l-avvenimenti inkwistjoni ma jikkostitwixxux ċirkustanzi straordinarji u setgħu jiġu evitati li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

14.      Huwa minħabba dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-24 proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      L-assenza minħabba mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: kemm għandha tkun ir-rata ta’ assenza sabiex tali ċirkustanza tiġi ammessa?

2.      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: l-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (‘strajk selvaġġ’), tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: kemm għandha tkun ir-rata ta’ assenza sabiex tali ċirkustanza tiġi ammessa?

3.      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: iċ-ċirkustanza straordinarja fiha nnifisha kellha tkun preżenti meta ġiet ikkanċellata t-titjira jew it-trasportatur bl-ajru jista’ jistabbilixxi skeda ġdida ta’ titjiriet għal raġunijiet ekonomiċi?

4.      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: il-kunċett ta’ natura evitabbli huwa marbut maċ-ċirkustanza straordinarja jew pjuttost mal-konsegwenzi tal-okkorrenza tal-imsemmija ċirkustanza?”

B.      Rinviju mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf)

15.      Fil-kawża prinċipali pendenti quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf), rikorrent wieħed fetaħ kawża kontra TUIfly biex jikseb kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004. Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li r-rikorrenti EUflight.de qiegħda tfittex li tikseb dan il-kumpens f’isem il-passiġġier li assenjalha d-dritt tiegħu għal kumpens skont l-istess regolament abbażi ta’ titjira kkanċellata fis‑7 ta’ Ottubru 2016.

16.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) tassumi li l-okkorrenza għall-għarrieda ta’ numru kbir ta’ membri tal-persunal li ħareġ bil-leave tal-mard, kemm forsi minħabba mewġa ta’ mard reali jew forsi minħabba l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ”, tikkwalifika bħala “ċirkostanzi straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Iżda, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk hemmx rabta kawżali suffiċjenti bejn dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji u l-kanċellazzjoni tat-titjira inkwistjoni peress li saret fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni ġenerali tal-pjan tat-titjiriet ta’ TUIfly mit‑2 ta’ Ottubru 2016. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tinnota li peress li TUIfly ma tiddikjarax liema ekwipaġġ speċifiku kien ippjanat għat-titjira inkwistjoni, hija ser tkun eżentata milli tħallas kumpens minħabba ċirkustanzi straordinarji biss jekk ir-rabta kawżali bejn dawn iċ-ċirkustanzi u l-kanċellazzjoni tat-titjira tiġi interpretata b’mod wiesa’.

17.      Huwa minħabba dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kanċellament tat-titijira huwa wkoll dovut għal ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, meta ċ-ċirkustanzi (f’dan il-każ, ‘strajk selvaġġ’ jew ‘mewġa ta’ mard’) jaffettwaw biss indirettament lit-titjira inkwistjoni, minħabba li dawn iċ-ċirkustanzi wasslu lit-trasportatur bl-ajru sabiex jorganizza mill-ġdid il-pjanifikazzjoni tat-titjiriet kollha tiegħu u din ir-riorganizzazzjoni tinkludi wkoll il-kanċellazzjoni tat-titjira skedata? Trasportatur bl-ajru jista’ jkun eżentat skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, fil-każ li t-titjira inkwistjoni setgħet titwettaq li kieku ma kienx hemm din ir-riorganizzazzjoni, peress li l-ekwipaġġ previst għal din it-titjira skedata kien ikun disponibbli li kieku ma ġiex assenjat għal titjiriet oħra minħabba din ir-riorganizzazzjoni?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-24 rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u l-uniku rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura u għas-sentenza (5).

19.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-rappreżentanti tar-rikorrenti f’disgħa mill-kawżi magħquda (6), TUIfly, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea.

20.      Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fi 11 mill-kawżi magħquda (7), TUIfly, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil‑25 ta’ Jannar 2018.

V.      Analiżi

21.      L-analiżi tiegħi hija maqsuma fi tliet partijiet prinċipali. L-ewwel nett, ser nipprovdi rimarka preliminari li tikkonċerna l-kunsiderazzjoni tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni nett, ser nindirizza ċerti kwistjonijiet preliminari dwar l-ammissibbiltà li ġew imqajmin minn TUIfly. It-tielet nett, ser nipproċedi għall-qofol tal-erba’ domandi preliminari, ippreċeduti minn ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2014 li fuqha tibbaża l-evalwazzjoni li ssegwi.

A.      Rimarka preliminari

22.      Bis-saħħa tal-erba’ domandi preliminari tagħha, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) essenzjalment tistaqsi jekk “strajk selvaġġ” bl-iskuża ta’ leave tal-mard li direttament jew indirettament ikkawża kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira jikkostitwixxix “ċirkostanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, biex b’hekk it-trasportatur bl-ajru jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri fir-rikors prinċipali.

23.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li trasportatur bl-ajru ma huwiex obbligat li jħallas kumpens skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament “jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

24.      Konsegwentament, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jindika li trid tingħata prova mit-trasportatur bl-ajru ta’ tliet elementi prinċipali sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni stabbilita fih: (1) trid tintwera l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji”; (2) il-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira jridu jiġu “kkawżat[i]” minn ċirkustanzi straordinarji; u (3) iċ-ċirkustanzi straordinarji “ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin” (8).

25.      L-erba’ domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) jirrelataw ma’ dawn it-tliet kundizzjonijiet. L-ewwel u t-tieni domandi jikkonċernaw l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri jekk mewġa ta’ leave tal-mard jew l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkwalifikawx bħala “ċirkostanzi straordinarji”. It-tielet domanda tikkonċerna t-tieni kundizzjoni fir-rigward tal-kawżalità, dwar jekk huwiex suffiċjenti li ċirkustanzi straordinarji jikkostitwixxu biss kawża indiretta tal-kanċellazzjoni jew tad-dewmien twil tat-titjira minħabba r-riorganizzazzjoni tal-pjan tat-titjiriet ta’ TUIfly. Ir-raba’ domanda tikkonċerna t-tielet kundizzjoni fir-rigward ta’ jekk iċ-ċirkustanzi straordinarji nnifishom jew il-konsegwenzi tagħhom kellhomx jiġu “evitati”.

26.      L-unika domanda magħmula mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) tikkonċerna jekk, skont il-preżunzjoni li mewġa ta’ mard jew l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkwalifikaw bħala “ċirkostanzi straordinarji”, il-kanċellazzjoni tat-titjira hijiex xorta waħda kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji meta dawn jaffettwaw biss indirettament it-titjira inkwistjoni, peress li l-ekwipaġġ għal dik it-titjira kien effettivament disponibbli u t-titjira setgħet titwettaq li kieku ma kienx minħabba r-riorganizzazzjoni ġenerali ta’ TUIfly, biex b’hekk l-istess ekwipaġġ ġie assenjat għal titjiriet oħra minħabba dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji.

27.      Għaldaqstant, id-domanda preliminari tal-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) hija simili ħafna għat-tielet domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover). Għalhekk fl-analiżi tiegħi hawn taħt ser nittrattahom it-tnejn flimkien.

B.      Ammissibbiltà

28.      TUIfly issostni li r-rinviju mressaq mill-Amtsgericht Hannover huwa parzjalment inammissibbli. Hija tikkontesta li l-ewwel u t-tieni domandi jmorru lil hinn mis-suġġett tal-kawża prinċipali peress li dawn id-domandi jippreżupponu rata għolja ta’ leave tal-mard tal-persunal kollu tat-trasportatur bl-ajru, waqt li l-kawża prinċipali tikkonċerna rata għolja ta’ leave tal-mard fost il-persunal tat-titjiriet, jiġifieri, il-bdoti, l-air hostesses u l-istewards. Hija targumenta wkoll li l-ewwel u t-tieni domandi, fit-tfittxija għal indikazzjonijiet dwar kemm trid tkun għolja r-rata tal-assenza sabiex tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja, jikkonċernaw rikonoxximent tal-fatti li jaqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, TUIfly tafferma li t-tielet domanda ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li TUIfly ma stabbilixxietx pjan ġdid ta’ titjiriet “għal raġunijiet ekonomiċi”, u fi kwalunkwe każ, din id-domanda hija wisq astratta.

29.      Qiegħed ninnota wkoll li għalkemm il-Gvern Ġermaniż ma qajjem l-ebda oġġezzjoni dwar l-inammissibbiltà fir-rigward tar-rinviju mressaq mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), madankollu huwa jikkunsidra li risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) ma hijiex determinattiva biex issolvi t-tilwima fir-rikors prinċipali, peress li ma kienx hemm ammont kbir ta’ mard fost il-persunal tat-titjiriet ta’ TUIfly, iżda pjuttost l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ”.

30.      Fil-fehma tiegħi, id-domandi preliminari magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) huma ammissibbli.

31.      Huwa stabbilit sew skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li l-istess qorti għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxih, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mal-fatti reali tar-rikors prinċipali jew mal-għan tiegħu, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (9).

32.      Iktar minn hekk, din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti li minnhom tiddependi d-delimitazzjoni tas-suġġett tal-imsemmija kawża (10).

33.      F’din il-kawża, jidher ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-kuntest tal-ewwel u t-tieni domandi kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju li dawn id-domandi jirrigwardaw il-persunal tat-titjira ta’ TUIfly. Ma huwiex ikkontestat li l-partijiet ikkonċernati skont it-tifsira tal-Artikolu 23 tal-Istatut setgħu jiddikjaraw il-fehmiet tagħhom b’mod effettiv dwar dawn id-domandi.

34.      Barra minn hekk, ma huwiex manifest li d-domandi magħmula ma għandhomx rabta mal-fatti reali tar-rikors prinċipali jew l-għan tiegħu. Fid-deċiżjoni tar-rinviju ma hemm xejn li jissuġġerixxi li d-domandi jirrelataw ma’ problema li hija purament ipotetika.

35.      Għaldaqstant, ma hemmx raġunijiet suffiċjenti biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha d-domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) għal deċiżjoni preliminari.

C.      Fuq il-mertu

1.      Ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004

36.      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li derogi minn dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod strett (11). Madankollu, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi ugwalment li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ukoll jibbilanċja l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi bl-ajru (12). Minħabba dan, l-eżenzjoni mill-obbligu tat-trasportaturi bl-ajru biex iħallsu kumpens għall-kanċellazzjonijiet u d-dewmien twil f’każ ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, terminu li ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 261/2004, ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ġej.

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti fir-rigward li spejjeż finanzjarji eċċessivi fuq trasportaturi bl-ajru għandhom jippredominaw fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u rrimarkat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-importanza li jgawdi minnha l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, f’dak li jirrigwarda għalhekk il-passiġġieri tal-ajru, jista’ jiġġustifika l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (13).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-ammont ta’ kumpens, iffissat għal EUR 250, 400 u 600 skont id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati jista’ jitnaqqas bin-nofs, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) jew (b), taħt l-erba’ sigħat (14), u l-obbligi imposti mir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li t-trasportaturi bl-ajru jitolbu kumpens mingħand kwalunkwe persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Tali kumpens għaldaqstant għandu mnejn inaqqas, u saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja tal-imsemmija trasportaturi bl-ajru bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi.

39.      Barra minn hekk, ma jidhirx irraġonevoli, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn l-obbligi jkunu, bla ħsara għad-dritt għal kumpens imsemmi iktar ’il fuq, inizjalment imqiegħda fuq it-trasportaturi bl-ajru li magħhom il-passiġġieri kkonċernati huma marbuta b’kuntratt ta’ trasport li jagħtihom dritt għal titjira li la għandha tiġi kkanċellata u lanqas imdewma (15).

40.      Ir-regola stabbilita mit-test tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ngħatat preċiżjoni ulterjuri permezz tal-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004, ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru (16). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-avvenimenti li, min-natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar (17). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kolliżjoni bejn inġenju tal-ajru u għasfur, kif ukoll kwalunkwe ħsara kkawżata minn din il-kolliżjoni, ma humiex marbuta intrinsikament mas-sistema ta’ funzjonament tal-inġenju tal-ajru, ma humiex, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Dan l-avveniment kien lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru (18). Fil-wasla għal din il-konklużjoni l-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “t-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx jiġu inkoraġġuti joqogħdu lura milli jieħdu l-miżuri meħtieġa minn tali inċident sabiex iwettqu t-titjiriet tagħhom u sabiex ikunu fil-ħin b’detriment għall-għan tas-sigurtà ta’ dawn it-titjiriet” (19).

41.      B’dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, matul l-attivitajiet ta’ trasportatur bl-ajru, ħsara kkawżata mill-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ inġenju tal-ajru hija avveniment mhux mistenni, iżda tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjomanent kumplessa ħafna tal-inġenju tal-ajru, b’tali mod li dan l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru, billi t-trasportaturi bl-ajru jaffaċċjaw, regolarment, dan it-tip ta’ problemi tekniċi mhux previsti. Barra minn hekk, il-prevenzjoni ta’ tali ħsara ma tmurx lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur (20).

42.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “difett moħbi ta’ fabbrikazzjoni li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet” jista’ jirriżulta minn avvenimenti li ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u huma lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu (21), u l-istess japplika għal ħsara lill-inġenju tal-ajru kkawżata minn atti ta’ sabotaġġ jew terroriżmu (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-eruzzjoni ta’ vulkan jammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” (23).

43.      Iktar minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprovdi eżenzjoni mill-obbligu li jħallas kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjiriet mhux fir-rigward taċ-ċirkustanzi straordinarji kollha, iżda biss fir-rigward ta’ dawk iċ-ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin (24).

44.      Peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha jagħtu lok għal eżenzjoni, l-oneru jaqa’ fuq il-parti li qiegħda tfittex li tistrieħ fuqhom, bħal TUIfly, biex tistabbilixxi, barra minn hekk, li ċ-ċirkustanzi straordinarji, fi kwalunkwe każ, ma setgħux jiġu evitati permezz ta’ miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw, inter alia, il-kundizzjonijiet li huma teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

45.      Hija f’idejn din il-parti biex tistabbilixxi li, anki li kieku kellha tuża r-riżorsi kollha tagħha f’termini ta’ persunal jew ta’ apparat u l-mezzi finanzjarji li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, evidentement xorta ma kinitx tkun tista’ mingħajr ma tbati minn sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tagħha fiż-żmien rilevanti, tevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kienet qiegħda taffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira (25).

46.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kunċett individwalizzat u flessibbli ta’ “miżuri raġonevoli”, filwaqt li ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża partikolari, it-trasportatur bl-ajru setax jiġi kkunsidrat li ħa l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni (26).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trasportatur bl-ajru għandu raġonevolment, fl-istadju tal-ippjanar tat-titjira, jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ dewmien marbut mal-eventwali fatt li jseħħu ċirkustanzi straordinarji (27). Sabiex jiġi evitat kull dewmien, anki dak insinjifikattiv, li jirriżulta mill-fatt li jseħħu ċirkustanzi straordinarji biex inevitabbilment wasslu għall-kanċellazzjoni ta’ titjira, it-trasportatur bl-ajru raġonevoli għandu jippjana r-riżorsi tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikollu ċertu żmien ta’ riżerva, sabiex ikun jista’, jekk possibbli, jopera l-imsemmija titjira ladarba jintemmu ċ-ċirkustanzi straordinarji (28).

48.      Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu abbord inġenju tal-ajru, huwa ċar mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004 li “ċirkostanzi straordinarji” jistgħu jirrelataw biss għal “inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari”, b’hekk ma jistgħux japplikaw għal passiġġier li ma tħalliex jitla’ minħabba r-riorganizzazzjoni tat-titjiriet wara li ċirkustanzi straordinarji affettwaw titjira preċedenti. Il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” huwa intiż sabiex l-obbligi tat-trasportatur bl-ajru jiġu limitati, jekk mhux saħansitra sabiex dan jiġi eżentat minnhom, meta l-ġrajja inkwistjoni ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli. Jekk tali trasportatur ikun obbligat li jikkanċella titjira skedata fil-ġurnata ta’ strajk mill-persunal ta’ ajruport u wara jiddeċiedi li jorganizza mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti tiegħu, dan it-trasportatur bl-ebda mod ma jista’ jiġi kkunsidrat li kien imġiegħel mill-imsemmi strajk sabiex jirrifjuta l-imbark ta’ passiġġier li ppreżenta ruħu regolarment għall-imbark jumejn wara l-kanċellazzjoni tal-imsemmija titjira (29).

49.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddetermina jekk l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkostitwixxix “ċirkostanzi straordinarji” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u l-konsegwenzi li jsegwu f’każ li huwa hekk.

2.      Ir-risposta ssuġġerita għall-ewwel domanda

50.      Jekk titqies weħidha, ir-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda mexxejja. Min-naħa l-waħda, abbażi tal-ġurisprudenza miġbura fil-qosor hawn fuq, l-arranġamenti tal-ġestjoni tal-leave tal-mard għal impriża li twettaq negozju f’komunità li tkun normalment b’saħħitha huma fost il-kwistjonijiet li huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportaturi bl-ajru u li huma fi ħdan il-kontroll effettiv tat-trasportatur. Min-naħa l-oħra, assenza massiva minħabba pandemija jew xi emerġenza ta’ saħħa pubblika oħra ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u hija lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur. L-ewwel waħda ma tkunx tammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, iżda l-aħħar waħda tkun.

51.      Madankollu, jidher ċar miż-żewġ proċessi u l-argumenti mressqa fis-seduta, li dawn ma humiex ċirkustanzi fattwali fil-kawża prinċipali. Li ġara huwa li kien hemm assenza massiva, bl-iskuża ta’ leave tal-mard, biex jitwettaq l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ”. Għaldaqstant, filwaqt li l-ewwel domanda, meqjusa weħidha, hija fil-prinċipju fl-affermattiv, dan ma huwiex biżżejjed biex tissolva t-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija fattwalment ibbażata fuq l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” u mhux fuq pandemija jew xi emerġenza ta’ saħħa pubblika oħra. Dan, almenu jifforma l-qofol tal-gwida li qiegħda titlob il-qorti nazzjonali tar-rinviju (30).

52.      Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda:

“L-assenza ġenwina bil-leave tal-mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru li hija dovuta għal pandemija jew xi emerġenza tas-saħħa pubblika oħra biss tammonta għal ‘ċirkostanza straordinarja’ skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Ir-rata preċiża ta’ assenteiżmu, f’tali ċirkustanzi, meħtieġa qabel ma s-sitwazzjoni tkun tista’ tammonta għal ‘ċirkostanzi straordinarji’ għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.”

3.      Ir-risposta ssuġġerita għat-tieni domanda

53.      Il-qorti tar-rinviju, bit-tieni domanda tagħha essenzjalment tistaqsi jekk l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” jikkostitwixxix “ċirkostanzi straordinarji” għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kemm trid tkun għolja r-rata ta’ assenteiżmu biex tikkostitwixxi ċirkustanzi straordinarji.

54.      Kif iċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, huwa neċessarju li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġu kkunsidrati mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li tagħmel parti minnhom (31). F’dan ir-rigward, id-dispożittiv ta’ att tal-Unjoni ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu, u, meta jkun neċessarju li jiġi interpretat, għandha tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tiegħu (32).

55.      Min-naħa l-waħda, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004 tirreferi għall-bżonn ta’ “livell ogħli ta’ protezzjoni” għall-passiġġieri, waqt li l-premessa 2 ta’ dan ir-regolament tindika li l-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni ta’ titjira jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

56.      Min-naħa l-oħra, il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004 tistabbilixxi li, skont il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi bl-ajru li joperaw għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru li jopera.

57.      Għalhekk, l-għanijiet tar-Regolament Nru 261/2004 jimmiraw lejn l-inklużjoni ta’ “strajkijiet” fil-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”. Din hija msaħħa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif spjegata hawn fuq, almenu fil-kuntest ta’ assenzi sostanzjali li jaffettwaw il-kapaċità operattiva, dwar l-interpretazzjoni sa issa ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, partikolarment fir-rigward tal-hekk imsejħa “strajkijiet selvaġġi”. Minħabba li strajk selvaġġ iseħħ lil hinn mir-rigorożità tal-liġi, dawn huma lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru (33). Dan huwa appoġġjat ukoll mix-xogħol preparatorju tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Matul ix-xogħol preparatorju, it-terminu “force majeure” ġie mibdul għal “ċirkostanzi straordinarji”. Skont id-dikjarazzjoni tal-Kunsill fil-Pożizzjoni Komuni, din il-bidla saret fl-interess taċ-ċarezza legali (34).

58.      Barra minn hekk, f’Unjoni rregolata mill-istat tad-dritt, l-hekk imsejħa “strajkijiet selvaġġi” ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Dawn ma humiex simili għal xi ħaġa li hija intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament tal-inġenju tal-ajru, sabiex din tkun inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru. Iktar minn hekk, jien tal-fehma li l-fatt li l-ħaddiema ġew informati dwar ristrutturazzjoni potenzjali, ma poġġiex l-istrajk selvaġġ fi ħdan il-kontroll ta’ TUIfly, peress li strajk selvaġġ ma kienx il-konsegwenza inevitabbli ta’ din l-azzjoni (35).

59.      Għalhekk, sabiex tiġi pprovduta risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tinkludi l-elementi rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni, huwa importanti li nerġa’ ntenni (ara l-punti 43 sa 48 ta’ hawn fuq) li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi eżistenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji” ma hijiex biżżejjed biex teżenta lil trasportatur bl-ajru minn kumpens għal kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira li għall-kuntrarju, skont ir-Regolament Nru 261/2004, ikun meħtieġ li jħallas. L-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament tapplika biss fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Kif spjegat fil-punti 43 sa 48 ta’ hawn fuq, l-oneru jaqa’ fuq TUIfly biex tagħti prova li ma setgħetx tipprevjeni li ċ-ċirkustanza straordinarja li kienet qiegħda taffaċċja, twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira (36).

60.      Hija wkoll f’idejn il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-fatti rilevanti kollha, biex tiddetermina kemm trid tkun ir-rata meħtieġa ta’ assenteiżmu taħt l-hekk imsejjaħ “strajk selvaġġ” qabel ma jkun jista’ jammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” skont ir-Regolament Nru 261/2004.

61.      Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għat-tieni domanda:

“L-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (‘strajk selvaġġ’), tikkostitwixxi ‘ċirkostanza straordinarja’ fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Madankollu, l-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 5(3) tapplika biss fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Din hija kwistjoni li trid tiddeċiedi l-qorti nazzjonali, bħalma hija l-kwistjoni ta’ kemm trid tkun għolja r-rata tal-assenteiżmu biex isseħħ ċirkustanza straordinarja fil-kuntest ta’ strajk selvaġġ.”

4.      Ir-risposta ssuġġerita għat-tielet domanda

62.      Bit-tielet domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) u d-domanda magħmula mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf), il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu dwar il-wisa’ tar-rabta kawżali bejn iċ-ċirkustanzi straordinarji u l-kanċellazzjoni ta’ titjira u b’mod partikolari jekk ir-rabta kawżali tinkisirx minħabba d-deċiżjoni ta’ TUIfly biex torganizza mill-ġdid il-pjan kollu tat-titjiriet.

63.      Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, ċirkustanzi straordinarji għandhom jitqiesu li jeżistu meta l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ inġenju tal-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari jikkawża dewmien twil, dewmien matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew iktar tal-istess inġenju tal-ajru, anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat biex jiġu evitati d-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet (37).

64.      Jien tal-fehma li r-risposta għat-tielet domanda hija rregolata mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Finnair (38) (ara l-punt 48 ta’ hawn fuq) fir-rigward li meta trasportatur ikun obbligat li jikkanċella titjira skedata fil-ġurnata ta’ strajk mill-persunal tal-ajruport u sussegwentement jieħu d-deċiżjoni li jorganizza mill-ġdid it-titjiriet sussegwenti tiegħu, l-istess trasportatur ma jista’ bl-ebda mod jiġi kkunsidrat li huwa mġiegħel minn dak l-istrajk biex jirrifjuta l-imbark ta’ passiġġier li ppreżenta ruħu regolarment għall-imbark jumejn wara l-kanċellazzjoni tat-titjira. Fi kliem ieħor, iċ-ċirkustanzi straordinarji suppost seħħew fiż-żmien li fih it-titjira ġiet ikkanċellata, u ma jestendux għall-pjanijiet il-ġodda tat-titjiriet organizzati fid-dawl taċ-ċirkustanzi straordinarji. Dan huwa f’konformità mal-obbligu fuq it-trasportaturi stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward li t-trasportatur bl-ajru raġonevoli għandu jippjana r-riżorsi tiegħu fi żmien xieraq sabiex ikollu ċertu żmien ta’ riżerva, sabiex ikun jista’, jekk possibbli, jopera l-imsemmija titjira ladarba jintemmu ċ-ċirkustanzi straordinarji (ara l-punt 47 hawn fuq) (39).

65.      Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għat-tielet domanda:

“Iċ-ċirkustanzi straordinarji kellhom ikunu preżenti fiż-żmien li fih it-titjira kienet ikkanċellata jew imdewma, skont kif jagħti l-każ.”

5.      Ir-risposta ssuġġerita għar-raba’ domanda

66.      Fil-każ li t-tieni jew it-tielet domanda jingħataw risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju bir-raba’ domanda tagħha qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kriterju ta’ natura evitabbli, li jirrelata mal-prova li ċ-ċirkustanzi straordinarji “ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin”, jirrelatax mal-okkorrenza taċ-ċirkustanzi straordinarji jew jekk jikkonċernax ukoll il-konsegwenzi tagħhom.

67.      Il-formulazzjoni (40) tas-sottoklawżola “anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 tista’ tinqara bħala li tirreferi għall-“kanċellazzjoni” u mhux il-ġrajja ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, għalkemm il-pronom relattiv “li” jista’ jitqies bħala dak li qiegħed jiġġenera l-ambigwità f’dan ir-rigward. Madankollu, kif indikat mill-frażi fil-korsiv fil-punt 45 ta’ hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-qofol huwa l-prevenzjoni milli ċ-ċirkustanza straordinarja li t-trasportatur bl-ajru kien qiegħed jaffaċċja,twassal għall-kanċellazzjoni tat-tijira”.

68.      Għalhekk, “miżuri raġonevoli” jirrelataw mal-konsegwenzi taċ-ċirkustanzi straordinarji iktar milli l-ġrajja tagħhom. Jista’ ma jkun hemm, pereżempju, l-ebda obbligu fuq trasportatur bl-ajru biex jieħu kwalunkwe pass biex jipprevjeni l-ġrajja ta’ eruzzjoni vulkanika, iżda fl-istess ħin trasportatur bl-ajru huwa obbligat li jieħu l-miżuri raġonevoli biex jipprevjeni l-kanċellazzjoni ta’ titjira ladarba jiġi affaċċjat b’tali ġrajja. Tali miżuri jistgħu jinkludu, pereżempju, it-tfittxija ta’ rotot alternattivi tat-titjiriet affettwati.

69.      Inżid ngħid li din l-interpretazzjoni hija f’konformità mal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, li tirreferi għall-“impatt” ta’ ċirkustanzi straordinarji fuq trasportaturi bl-ajru, u r-riferiment għat-teħid tal-“miżuri raġonevoli” sabiex “jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet”. Hija wkoll konsistenti mal-iskop elaborat fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament biex jiġi żgurat “livell ogħli ta’ protezzjoni” għall-konsumaturi, u l-kuntest usa’ tar-Regolament Nru 261/2004 (41).

70.      Għalhekk nipproponi r-risposta li ġejja għar-raba’ domanda:

“Il-kriterju ta’ natura evitabbli huwa marbut biss mal-konsegwenzi tal-okkorrenza taċ-ċirkustanzi straordinarji.”

VI.    Konklużjoni

71.      Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) u l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

“(1)      L-assenza ġenwina bil-leave tal-mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru li hija dovuta għal pandemija jew xi emerġenza tas-saħħa pubblika oħra biss tammonta għal “ċirkostanza straordinarja” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91. Ir-rata preċiża ta’ assenteiżmu, f’tali ċirkustanzi, meħtieġa qabel ma s-sitwazzjoni tkun tista’ tammonta għal “ċirkostanzi straordinarji” għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha.

(2)      L-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (“strajk selvaġġ”), tikkostitwixxi “ċirkostanza straordinarja” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004. Madankollu, l-eżenzjoni li tidher fl-Artikolu 5(3) tapplika biss fir-rigward ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. Din hija kwistjoni li trid tiddeċiedi l-qorti nazzjonali, bħalma hija l-kwistjoni ta’ kemm trid tkun għolja r-rata tal-assenteiżmu biex isseħħ ċirkustanza straordinarja fil-kuntest ta’ strajk selvaġġ.

(3)      Iċ-ċirkustanzi straordinarji kellhom ikunu preżenti fiż-żmien li fih it-titjira kienet ikkanċellata jew imdewma, skont kif jagħti l-każ.

(4)      Il-kriterju ta’ natura evitabbli huwa marbut biss mal-konsegwenzi tal-okkorrenza taċ-ċirkustanzi straordinarji.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Fuq http://dictionnaire-juridique.jurimodel.com/Gr%E8ve.html, “grève sauvage” huwa ddefinit bħala grève déclenchée en dehors d’un mot d’ordre d’un syndicat. Fuq https://dictionary.cambridge.org/us/dictionary/english/wildcat-strike, id-dizzjunarju ta’ Cambridge jiddefinixxi strajk selvaġġ bħala “strajk għall-għarrieda (= att fejn wieħed jirrifjuta li jaħdem bħala protesta) mingħajr avviż min-naħa tal-ħaddiema u spiss mingħajr l-appoġġ uffiċjali tal-organizzazzjonijiet sindakali” [traduzzjoni libera]. Għal diskussjoni dwar l-istrajkijiet selvaġġi fid-dritt tal-Unjoni, ara eż. Alan Bogg, “Viking and Laval: The International Labour Law Perspective” f’Mark R. Freeland u Jeremias Prassl, Viking, Laval and Beyond (2014, Hart Publishing) pp. 41-74.


3      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10) (“Regolament Nru 261/2004”).


4      Għal-livelli ta’ kumpens involuti meta titjira tiġi kkanċellata jew imdewma, ara l-punt 38 iktar ’l isfel.


5      Qiegħed ninnota li oriġinarjament kien hemm 28 rinviju għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), iżda t-3 rinviji fil-Kawżi C‑196/17, C‑276/17 u C‑277/17 ġew irtirati, biex b’hekk fadal 25 kawża. Barra minn hekk qiegħed ninnota wkoll li d-19‑il rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑307/17, C‑311/17, C‑316/17, C‑317/17, C‑352/17 sa C‑362/17, C‑394/17, C‑403/17, C‑409/17 u C‑429/17 li ġew imressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) – li waħda minnhom (C‑352/17) ġiet irtirata – ġew sospiżi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ s-sentenza f’dawn il-kawżi.


6      Kawżi C‑197/17, C‑198/17, C‑201/17, C‑203/17, C‑254/17, C‑275/17, C‑280/17, C‑284/17 u C‑292/17.


7      Kawżi C‑197/17, C‑198/17, C‑201/17, C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑275/17, C‑282/17, C‑283/17 u C‑292/17. Għalhekk, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja pparteċipaw ukoll fis-seduta, ħlief għal dawk fil-Kawżi C‑280/17 u C‑284/17. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti fil-Kawżi C‑226/17, C‑228/17, C‑282/17 u C‑283/17 ippreżentaw biss osservazzjonijiet orali lill-Qorti tal-Ġustizzja.


8      Ara pereżempju l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Kramme (C‑396/06, EU:C:2007:555, punt 31).


9      Ara pereżempju s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Avon Cosmetics, C‑305/16, EU:C:2017:970, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.


10      Ara pereżempju s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair(C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 38). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:416, punt 48), fejn l-Avukat Ġenerali tinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat b’mod ċar fis-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 48), il-“protezzjoni tal-passiġġieri” bħala l-“għan immedjat” tar-Regolament Nru 261/2004.


12      Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39).


13      Ibid., punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Ibid., punt 78.


15      Ibid., punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ibid., punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18      Ibid., punt 24.


19      Ibid., punt 25.


20      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015 van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punti 41 sa 43).


21      Enfasi miżjuda minni.


22      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 26).


23      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11 EU:C:2013:43, punt 34).


24      Enfasi miżjuda minni.


25      Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 39 sa 41). Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška (C‑315/15, EU:C:2017:342, punti 28 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ss-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, (C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 30).


27      Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks (C‑294/10, EU:C:2011:303, punt 27).


28      Ibid., punt 28.


29      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604, punt 37).


30      Ara l-punti 28 sa 35 iktar ’il fuq.


31      Ara eż. is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ibid., punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Il-Proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Nru 261/2004 tirreferi għal ċirkustanzi eċċezzjonali li jmorru lil hinn mir-“responsabbiltà” ta’ trasportatur bl-ajru. Ara pereżempju COM (2001) 784, finali, p. 6, punt 20.


34      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston, Kramme (C‑396/06, EU:C:2007:555, punt 50), b’riferiment għall-Pożizzjoni Komuni, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament tal‑25 ta’ Marzu 2003 (SEC(2003) 361 finali) li l-kundizzjonijiet marbuta mal-kumpens fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 27/2003 tat‑18 ta’ Marzu 2003 (ĠU 2003 C 125 E, p. 63) ‘jorbtu l-kumpens iktar mill-qrib mal-problemi serji u inkonvenjenza kkawżati mill-kanċellazzjonijiet’ [traduzzjoni mhux uffiċjali].


35      Iktar minn hekk qiegħed ninnota li l-konklużjoni fejn strajk selvaġġ huwa ċirkustanza straordinarja hija f’konformità ma’ proposta reċenti tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament Nru 261/2004 li tipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi meqjusin bħala “ċirkostanzi straordinarji” għall-finijiet tar-Regolament. Din il-proposta tinkludi “tilwim tal-persunal tat-trasportatur operattiv tal-ajru jew tal-fornituri tas-servizzi essenzjali bħall-ajruporti u l-Fornituri tas-Servizz ta’ Navigazzjoni tal-Ajru.” Ara l-punt 1(vii) tal-Anness 1 ta’ COM(2013) 130 finali, p. 30. Ara wkoll il-punt 1(vii) tal-Anness 1 tar-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑5 ta’ Frar 2014, P7_TA(2014) 0092: “tilwim mhux previst tal-persunal tat-trasportatur li jopera tal-ajru jew tal-fornituri tas-servizzi essenzjali bħall-ajruporti u l-Fornituri tas-Servizz ta’ Navigazzjoni tal-Ajru.” Enfasi fl-oriġinal.


36      Ir-regoli nazzjonali dwar il-provi japplikaw f’dan ir-rigward, suġġetti għall-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Kramme (C‑396/06, EU:C:2007:555, punti 63 sa 72).


37      Enfasi miżjuda minni.


38      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604).


39      Ara iktar fuq dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:223, punti 53, 54 u 61).


40      Rigward il-metodi ta’ interpretazzjoni applikabbli għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, ara l-punt 54 ta’ hawn fuq.


41      Għal fehma kuntrarja, ifformulata f’kuntest li fih iċ-“ċirkostanzi straordinarji” inkwistjoni kienu jikkonċernaw falliment tekniku, u li tippreċedi ġurisprudenza sussegwenti li qiegħed isir riferiment għaliha hawnhekk, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston f’Kramme, (C‑396/06, EU:C:2007:555, punti 24 sa 32).