Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2019 minn European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation - Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico - ITS Europe) mis-sentenza mogħtija fit-22 ta’ Lulju 2019 mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-Kawża T-604/15, Ertico - ITS Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-572/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation - Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico - ITS Europe) (rappreżentanti: M. Wellinger u K. T’Syen, avocats)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-604/15;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata 1 u tikkonferma li l-appellanti għandha l-istatus ta’ IŻM (impriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużu ta’ dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

Is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn fiha ġie deċiż li (i) il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2012/838/UE 2 tat‑18 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adozzjoni tar-Regoli biex tiġi żgurata verifika konsistenti tal-eżistenza u tal-istatus ġuridiku tal-parteċipanti, kif ukoll tal-kapaċitajiet operazzjonali u finanzjarji tagħhom, f’azzjonijiet indiretti appoġġjati permezz ta’ forma ta’ għotja skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ u (ii) l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 3 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità jirrigwardaw rimedji separati.

Is-sentenza appellata tapplika ħażin u tikser ir-rakkomandazzjoni dwar l-IŻM 4 u tikser il-prinċipji legali fundamentali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (u hija għalhekk ivvizzjata bi żball ta’ liġi) meta fiha ġie deċiż li huwa legalment permess li l-appellanti ma tingħatax l-istatus ta’ IŻM abbażi tal-“għan u tal-ispirtu” tar-rakkomandazzjoni dwar l-IŻM minkejja l-fatt li l-appellanti tissodisfa formalment il-kriterji tar-rakkomandazzjoni dwar l-IŻM (fatt li ma huwiex ikkonfutat mis-sentenza appellata).

Is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u hija sostantivament invalida, sa fejn fiha ġie deċiż li l-appellanti “ma kellhiex l-iżvantaġġi li l-IŻM kienu normalment jiffaċċjaw” (u li għaldaqstant l-appellanti ma hijiex IŻM fl-“għan u fl-ispirtu” tar-rakkomandazzjoni dwar l-IŻM).

____________

1 Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat‑18 ta’ Awwissu 2015.

2 ĠU 2012, L 359, p 45.

3 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235.

4 Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas‑6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU 2013, L 124, p. 36).