Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2019 minn Deutschen Lufthansa AG mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-17 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża  T-764/15, Deutsche Lufthansa AG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-594/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Deutsche Lufthansa AG (rappreżentant: A. Martin-Ehlers, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Land Rheinland-Pfalz

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2019 fil-Kawża T-764/15;

tilqa’ t-talba tal-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża tal-Kummissjoni SA.32833 tal-1 ta’ Ottubru 2014 1 ;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti essenzjalment tinvoka l-aggravji li ġejjin:

L-appellanti ssostni li hija diġà kellha locus standi abbażi tas-sentenza Montessori 2 . Dan għaliex l-għoti ta’ EUR 45 miljun bħala self lil Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH mill-ippuljar ta’ flus kontanti jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna. Barra minn hekk, il-fondi minn dan is-self tħallsu ovvjament lil Ryanair.

Jekk l-hekk imsejħa ġurisprudenza Mory 3 tiġi applikata, għalhekk sussidjarjament għandha tiġi applikata l-ewwel alternattiva. Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi essenzjali tal-fatti u vantaġġi addizzjonali. L-appellanti tqis, fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, li ma jistax jitqies li l-Kummissjoni eżegwiet proċedura ta’ investigazzjoni regolari. F’dan il-każ ukoll, l-appellanti kienet individwalment ikkonċernata u għalhekk kellha locus standi.

Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li r-rikors għandu jitqies bħala ammissibbli f’każ ta’ applikazzjoni tat-tieni alternattiva tal-hekk imsejħa ġurisprudenza Mory, li tipprovdi li l-appellanti għandha tipproduċi l-prova li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet affettwata b’mod sinjifikattiv. Fil-fehma tagħha, f’dan il-każ hemm inverżjoni tal-oneru tal-prova, jew tal-inqas tnaqqis tal-oneru tal-prova favur l-appellanti, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod arbitrarju, il-punti fattwali li kienet taf dwarhom u li kienu rilevanti għad-deċiżjoni. B’mod unikament sussidjarju, għandu jiġi kkonstatat, skont l-appellanti, li din effettivament ipprovat li l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienet ġiet affettwata b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ġuridika differenti tal-Qorti Ġenerali ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u hija bbażata fuq analiżi legalment żbaljata tas-suq rilevanti. F’dan ir-rigward, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali tiżnatura u tirreduċi l-fatti tal-appellanti, tibdel il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u tikser ir-regoli rigward l-oneru tal-prova.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/788 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32833 (11/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Ġermanja rigward l-arranġamenti ta’ finanzjament għall-ajruport ta’ Frankurt Hahn li ddaħħlu fis-seħħ fl-2009 sal-2011 (ĠU 2016, L 134, p. 1).

2     Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori Srl et (C-622/16 P sa C-624/16 P, EU:C:2018:873).

3     Sentenza tal-Qortit tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea (C-33/14 P, EU:C:2015:609).