Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne (Franza) fit-13 ta’ Awwissu 2019 – BNP Paribas Personal Finance SA vs VE

(Kawża C-609/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BNP Paribas Personal Finance SA

Konvenut: VE

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, mingħajr ma jistgħu jitqiesu b’mod iżolat, il-klawżoli li jistipulaw rimborsi b’intervalli fissi allokati b’mod prioritarju lill-interessi u li jipprevedu estensjoni tat-terminu tal-kuntratt u ż-żieda tal-pagamenti, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, liema bilanċ [jista’] jiżdied b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-varazzjonijiet fir-rata tal-kambju?

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li jistipulaw rimborsi b’intervalli fissi allokati b’mod prioritarju lill-interessi u li jipprevedu estensjoni tat-terminu [tal-kuntratt] u ż-żieda tal-pagamenti, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, b’mod partikolari sa fejn huma jesponu lill-konsumatur għal riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju?

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li ċ-ċarezza u l-komprensjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, jiġu evalwati, fil-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt, b’riferiment għall-kuntest ekonomiku prevedibbli, li fil-każ ineżami huma l-konsegwenzi tad-diffikultajiet ekonomiċi tas-snin 2007 sa 2009 fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għarfien espert u tal-konoxxenzi ta’ sellief professjonali u tal-bona fide tiegħu?

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li ċ-ċarezza u l-komprensjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, jiġu evalwati billi l-konsumatur jingħata informazzjoni, b’mod partikolari, kwantitattiva, li hija oġġettiva u astratta biss u li ma tieħux inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu impatt fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju, mis-sellief li għandu l-għarfien espert u l-konoxxenzi ta’ professjonist?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288).