Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-20/17, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-596/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Bottka u P.-J. Loewenthal, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Ungerija u Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawża T-20/17, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni;

tiċħad it-tieni u t-tielet motiv li jinsabu fir-rikors ippreżentat mill-Ungerija quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tagħhom l-Ungerija tallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u użu ħażin tal-poter, u tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi li preċedentement ma kinux ġew eżaminati, fejn jiġu rriżervati l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju l-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li l-istruttura tar-rati ta’ taxxa progressivi tat-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ma kinitx selettiva. Il-Kummissjoni tibbaża din l-allegazzjoni fuq tliet argumenti:

Fl-ewwel lok, fil-punti 78 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat li meta l-Kummissjoni identifikat is-sistema ta’ riferiment, hija eskludiet b’mod żbaljat ir-rati ta’ taxxa progressivi tat-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar. Kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali, l-approċċ propost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment.

Fit-tieni lok, fil-punti 84 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat li meta l-Kummissjoni identifikat b’mod żbaljat l-għan tat-taxxa fuq ir-reklamar li fid-dawl tiegħu għanda tiġi eżaminata l-paragunabbiltà. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà huwa rilevanti biss l-għan tat-taxxa li għaliha tirreferi l-miżura, jiġifieri l-għan fiskali tal-miżura ddeterminat mill-fatt taxxabbli. Għanijiet oħra, bħal pereżempju l-kapaċità kontributtiva, huma rilevanti biss mill-perspettiva tal-evalwazzjoni dwar jekk tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata xi tip ta’ distinzjoni magħmula mit-taxxa – dejjem jekk tali għanijiet ikunu inerenti għan-natura tat-taxxa. Għaldaqstant, l-invokar mill-Qorti Ġenerali tal-allegat għan ridistributtiv tat-taxxa dwar ir-reklamar għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-paragunabbiltà jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

Fit-tielet lok, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali espressa fil-punti 91 sa 105 tas-sentenza appellata, li skontha l-Kummissjoni wettqet żball billi kkonkludiet li l-għan ta’ ridistribuzzjoni ma jiġġustifikax in-natura progressiva tat-taxxa bbażat fuq il-volum ta’ kummerċ hija żbaljata. L-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-taxxa Ungeriża fuq ir-reklamar ma hijiex diskriminatorja u li l-għan tagħha huwa wieħed ridistributtiv hija bbażata fuq il-preżunzjoni żbaljata li l-impriżi b’volum għoli ta’ kummerċ neċessarjament ikollhom iktar benefiċċji mill-impriżi b’volum ta’ kummerċ iktar baxx. Billi bbażat ruħha fuq din il-preżunzjoni żbaljata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu aċċettat, sabiex tiġġustifika d-distinzjoni maħluqa mit-taxxa, għan li ma jiffurmax parti min-natura tal-imsemmija taxxa. Barra minn hekk, billi ammettiet li din il-preżunzjoni hija żbaljata, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova b’mod indebitu u obbligat lill-Kummissjoni turi li r-rati ta’ taxxa stabbiliti mit-taxxa Ungeriża dwar ir-reklamar ma jistgħux jiġu ġġustifikati permezz tal-allegat għan ridistributtiv tagħha.

Fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi ddikjarat li t-tnaqqis ta’ 50 % tat-telf ma kienx selettiv. Fl-ewwel lok, il-miżura ma hijiex kompatibbli mas-sistema ta’ riferiment li jitqies li tagħmel parti minnha, inkwantu tippermetti li l-persuni suġġetti għall-ħlas tat-taxxa skont il-volum ta’ kummerċ inaqqsu t-telf magħmul, liema fatt ma jirriflettix il-benefiċċji tal-impriża. Fit-tieni lok, il-miżura ma hijiex ta’ natura ġenerali, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, u ma tiddependix minn ċirkustanza inċerta, ġaladarba l-benefiċjarji tal-miżura relatata mal-eżerċizzju fiskali preċedenti setgħu jiġu identifikati fil-mument tal-introduzzjoni tat-taxxa.

____________