Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Špecializovaný trestný súd (is-Slovakkja) fid-9 ta’ Awwissu 2019 – Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky vs TG, UF

(Kawża C-603/19)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Špecializovaný trestný súd

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky

Konvenuti: TG, UF

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2012/29/UE 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, hija applikabbli, fil-qasam tad-drittijiet (bħad-dritt għal parteċipazzjoni attiva tal-parti leża fil-proċeduri kriminali u d-dritt għal kumpens għad-dannu f’tali proċeduri), li min-natura tagħhom stess ma humiex mogħtija lill-persuna fiżika biss, li hija esseri senzjenti, anki għall-persuni ġuridiċi u għall-Istat, u b’mod iktar preċiż għall-awtoritajiet nazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ parti leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali?

L-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 2 tal-21 ta’ Ġunju 1999, moqri flimkien mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94 3 tal-11 ta’ Lulju 1994, jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi deċiżjonali 4 li skonthom, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat la jista’ jaġixxi b’mod li jikkumpensa d-dannu li ġie kkawżat lilu permezz ta’ aġir frawdolenti mill-persuna indagata, li l-effett tiegħu kien miżapproprjazzjoni tal-fondi mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma jista’ jippreżenta rikors, skont l-Artikolu 256(3) tal-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali, kontra digriet li permezz tiegħu l-qorti tkun iddeċidiet li l-Istat, jew l-awtorità nazzjonali li tirrappreżentah, ma jistax jintervjeni fis-seduta bħala parti leża li għandha dritt titlob kumpens għad-dannu, u lanqas ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu xi azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka d-dritt tiegħu kontra l-persuna indagata, tant li huwa wkoll impossibbli li d-dritt tiegħu għall-kumpens tad-dannu fuq il-beni u d-drittijiet patrimonjali tal-persuna indagata skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali jiġi ggarantit u b’hekk, de facto, dan id-dritt ma jkunx jista’ jiġi infurzat?

L-espressjoni “l-istess impriżaˮ li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kusnill (KE) Nru 994/98 5 tas-7 ta’ Mejju 1998 moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 6 tat-12 ta’ Jannar 2001, għandha tiġi interpretata fuq livell purament formali, fis-sens li huwa neċessarju u biżżejjed li jiġi stabbilit jekk l-entitajiet ikkonċernati għandhomx personalità ġuridika awtonoma abbażi tad-dritt nazzjonali, b’mod li għajnuna mill-Istat ta’ ammont massimu ta’ EUR 100 000 tkun tista’ tingħata lil kull waħda minn dawn l-impriżi, jew il-kriterju determinanti huwa l-mod effettiv li bih dawn l-impriżi, li huma miżmuma mill-istess persuni, jiffunzjonaw u huma amministrati bħallikieku inkwistjoni hemm sistema ta’ kumpanniji sussidjarji mmexxija minn kumpannija omm, minkejja li kull waħda minnhom għandha l-personalità rispettiva tagħha fid-dritt nazzjonali, u li għaldaqstant dawn għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “l-istess impriżaˮ u, kollha f’daqqa, jirċievu biss għajnuna mill-Istat waħda ta’ ammont massimu ta’ EUR 100 000?

Għall-finijiet tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej 7 tas-26 ta’ Lulju 1995, il-kunċett ta’ “dannuˮ jindika biss il-parti tal-fondi, miksuba illegalment, li hija direttament marbuta mal-aġir frawdolenti jew jindika anki l-ispejjeż effettivament sostnuti u debitament iġġustifikati, kif ukoll l-użu tal-kontribuzzjoni, jekk mill-provi jiġi stabbilit li kienu meħtieġa għall-ħabi tal-aġir frawdolenti, sabiex l-iskoperta tal-aġir frawdolenti tiġi ttardjata jew sabiex l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni tinkiseb kollha kemm hi?

____________

1     Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU 2012, L 315, p. 57).

2     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31).

3     Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1681/94 tal-11 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 23).

4     Opinjoni tas-Sezzjoni Kriminali tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky tad-29 ta’ Novembru 2017.

5     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312).

6     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 138).

7     Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9).