Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fl-20 ta’ Awwissu 2020 – SR

(Kawża C-397/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SR

Domandi preliminari

L-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) 1 , kif ukoll l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq 2 , li ssostitwixxa d-direttiva mit-3 ta’ Lulju 2016, moqri fid-dawl tal-premessa 65 ta’ dan ir-regolament, ma jimplikawx, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura moħbija tal-informazzjoni skambjata u tal-fatt li membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jkunu affettwati, il-possibbiltà, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jobbliga lill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaħżnu temporanjament iżda b’mod ġeneralizzat id-data ta’ konnessjoni sabiex, meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett fil-konfront ta’ ċerti persuni li dawn huma involuti f’insider dealing jew f’manipulazzjoni tas-suq, l-awtorità amministrattiva msemmija fl-Artikolu 11 tad-direttiva u fl-Artikolu 22 tar-regolament tkun tista’ titlob, mingħand l-operatur, ir-rekords eżistenti tad-data dwar it-traffiku fil-każijiet fejn jeżistu raġunijiet ta’ suspett li dawn ir-rekords marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni jistgħu jkunu rilevanti għall-produzzjoni ta’ prova tar-realtà tal-ksur, billi jippermettu, b’mod partikolari, it-traċċar tal-kuntatti stabbiliti mill-persuni kkonċernati qabel ma qamu s-suspetti?

Fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tali li twassal lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) sabiex tqis li l-leġiżlazzjoni Franċiża dwar il-ħażna tad-data ta’ konnessjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jistgħu l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu b’mod provviżorju sabiex tiġi evitata inċertezza legali u sabiex ikun possibbli li d-data miġbura u maħżuna preċedentement tintuża għal wieħed mill-għanijiet imsemmija f’din il-leġiżlazzjoni?

Tista’ qorti nazzjonali żżomm b’mod provviżorju l-effetti ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti lill-aġenti ta’ awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-abbuż tas-suq li jiksbu data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti oħra?

____________

1     ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367.

2     Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320).