Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fit-28 ta’ Awwissu 2020 – EB et vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB)

(Kawża C-405/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: EB, JS u DP

Konvenuta: Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter, Eisenbahnen und Bergbau (BVAEB)

Domandi preliminari

Il-limitazzjoni ratione temporis tar-rekwiżit ta’ trattament ugwali bejn irġiel u nisa skont is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber 1 , kif ukoll skont il-Protokoll Nru 33 għall-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/54/KE 2 għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa biss il-pensjonant (Awstrijakk) li ma huwiex intitolat, jew li huwa biss parzjalment intitolat għal dik il-parti tad-dritt li tmur lura għall-perijodu ta’ impjieg wara l-1 ta’ Jannar 1994, li jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ trattament ugwali sabiex isostni li huwa kien is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba r-regoli dwar l-aġġustament għall-2018 previst għall-pensjonijiet tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?

Ir-rekwiżit ta’ trattament ugwali bejn irġiel u nisa (skont l-Artikolu 157 TFUE flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54) għandu jiġi interpretat fis-sens li trattament mhux ugwali indirett bħal dak li – jekk ikun il-każ – jirriżulta fil-kawża prinċipali mir-regoli dwar l-aġġustament tal-pensjoni għall-2018, b’kunsiderazzjoni wkoll ta’ miżuri simili meħuda qabel u tat-telf kunsiderevoli kkawżat mill-effett kumulattiv ta’ dawn b’rabta ma’ aġġustament relatat mal-inflazzjoni tal-valur reali tal-pensjonijiet (każ b’każ ta’ 25 %) huwa ġġustifikat, b’mod partikolari,

biex tiġi evitata “interruzzjoni” (li tirriżulta minn aġġustament regolari b’rata uniformi) bejn ħlasijiet tal-pensjoni ogħla u oħrajn iktar baxxi, minkejja li din tkun purament nominali u l-proporzjon tal-valuri jibqa’ l-istess,

biex jiġi implimentat “element soċjali” ġenerali fis-sens li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ xiri ta’ dawk li jirċievu pensjoni iktar baxxa, minkejja li (a) dan l-għan jista’ jintlaħaq ukoll mingħajr limitazzjoni fuq l-aġġustament ta’ pensjonijiet ogħla u (b) il-leġiżlatur ma jipprevedix l-istess tip ta’ miżura biex tiżdied il-kapaċità tax-xiri bl-aġġustament tal-inflazzjoni ta’ pagi iktar baxxi ta’ uffiċjali attivi tas-servizz pubbliku (minflok l-aġġustament ta’ pagi ogħla) u lanqas ma jipprevedi intervent paragunabbli fil-valur ta’ aġġustament tal-pensjonijiet minn sistemi tas-sigurtà soċjali professjonali oħra (mingħajr parteċipazzjoni mill-Istat), sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tax-xiri tal-pensjonijiet iktar baxxi (minflok l-aġġustament ta’ pensjonijiet ogħla),

għaż-żamma u għall-finanzjament “tas-sistema”, minkejja li l-pensjonijiet ta’ uffiċjali tas-servizz pubbliku ma humiex dovuti minn kumpannija tal-assigurazzjoni ta’ sistema organizzata bħall-assigurazzjonijiet u ffinanzjata permezz tal-kontribuzzjonijiet, iżda mill-Gvern Federali bħala l-persuna li timpjega lill-uffiċjali tas-servizz pubbliku rtirati bħala remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, b’tali mod li huma deċiżivi biss kunsiderazzjonijiet baġitarji, u mhux iż-żamma u lanqas il-finanzjament tas-sistema,

għaliex jikkostitwixxi ġustifikazzjoni indipendenti jew (qabel dan) jeskludi a priori l-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi tas-sess skont id-Direttiva 2006/54 li tmur kontra l-irġiel, jekk il-livell statistikament ħafna ogħla ta’ involviment tal-irġiel fil-grupp ta’ dawk li jirċievu pensjonijiet ogħla għandu jiġi kklassifikat bħala konsegwenza ta’ nuqqas tipiku ta’ opportunitajiet indaqs għan-nisa fil-qasam tax-xogħol u tal-impjieg, b’mod partikolari fil-passat, jew

għaliex ir-regola hija permessa bħala vantaġġ speċifiku fis-sens tal-Artikolu 157(4) TFUE?

____________

1     C-262/88, EU:C:1990:209.

2     Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).