Language of document : ECLI:EU:F:2008:65

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

22 ta’ Mejju 2008

Kawża F-145/06

César Pascual García

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Esperjenza professjonali mitluba – Rifjut li jiġi rreklutat kandidat inkluż fil-lista ta’ riżerva – Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Pascual García, kandidat li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/B/23/04 (ĠU C 81A, tal-31 ta’ Marzu 2004, p. 17), qiegħed jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR) tal-Kummissjoni, li jinsab f’Ispra (l-Italja), tas-7 ta’ April 2006, li ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-kandidatura tiegħu għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/2969 u li jiġi inkluż kumment fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni li jinforma lid-dipartimenti li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni inkwistjoni.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-ĊKR tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ April 2006, li ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-kandidatura ta’ Pascual García għall-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/2969 u li jiġi inkluż kumment fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/B/23/04, li jinforma lid-dipartimenti li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni ġenerali msemmija iktar ’il fuq, hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

Uffiċjali – Kompetizzjoni – Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni – Esperjenza professjonali

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

Ir-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali għall-finijiet tal-ammissjoni ta’ kandidat għal kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet għall-aċċess għas-servizz pubbliku Komunitarju għandu jiġi interpretat esklużivament fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija kompetizzjoni, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni ġenerali tal-kompiti li għandhom jitwettqu.

Meta jkun meħtieġ li jiġi evalwat jekk perijodi ta’ attività fil-kuntest ta’ studji ta’ dottorat jew ta’ riċerki postuniversitarji li għandhom rabta mal-kompiti li għandhom jitwettqu jistgħux jaqgħu taħt l-esperjenza professjonali, interpretazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-liġijiet nazzjonali twassal inevitabbilment għal differenzi fil-mod kif jiġu trattati kandidati ta’ nazzjonalitajiet differenti minħabba preċiżament id-differenzi nazzjonali bejn is-sistemi postuniversitarji. Tali attivitajiet għandhom jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt l-esperjenza professionali mitluba jekk, minn naħa, huma reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka mwettqa fil-kuntest tal-istudji, li jkunu tant limitati li jistgħu jitqiesu bħala purament marġinali u sekondarji, u jekk, min-naħa l-oħra, tingħata remunerazzjoni għal dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-livell tar-remunerazzjoni, anki jekk inqas mir-remunerazzjoni minima ggarantita, ma jista’ jkollu ebda konsegwenzi fuq il-klassifikazzjoni tal-esperjenza professjonali. In-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta’ xogħol, bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, l-istess bħall-oriġini jew id-deskrizzjoni tar-riżorsi użati għar-remunerazzjoni, lanqas ma jistgħu jkunu determinanti għall-kwalifikazzjoni bħala esperjenza professjonali mitluba fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

Il-fatt li l-attivitajiet ta’ riċerka setgħu kienu ta’ natura li jiżviluppaw il-formazzjoni tal-kandidat u ta’ natura li jippermettulu jikseb, sussegwentament, it-titolu ta’ duttur, ma jistax, bħala tali, jipprekludi l-klassifikazzjoni tagħhom bħala esperjenza professjonali fis-sens tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 64, 66, 67 u 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Mejju 1990, Sparr vs Il‑Kummissjoni, T‑50/89, Ġabra p. II‑207, punt 18; 6 ta’ Novembru 1997, Wolf vs Il‑Kummissjoni, T‑101/96, ĠabraSP p. I‑A‑351 u II‑949, punt 74; 16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il‑Kummissjoni, T‑329/03, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑315, punt 52