Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Bologna (l-Italja) fit-22 ta’ Ottubru 2018 – UX vs Governo della Repubblica italiana

(Kawża C-658/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Giudice di pace di Bologna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UX

Konvenut: Governo della Repubblica italiana

Domandi preliminari

Il-Qorti Konċiljatorja, bħala qorti tar-rinviju, taqa’ taħt il-kunċett ta’ qorti ordinarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, anki jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali ma jagħtix lill-ġudikant li jippresjedi din il-qorti, minħabba n-natura prekarja tas-sitwazzjoni professjonali tiegħu, kundizzjonijiet tax-xogħol ekwivalenti għal dawk ta’ magistrati professjonisti, minkejja li jeżerċita l-istess funzjonijiet ġudizzjarji u huwa parti mill-ordinament ġudizzjarju nazzjonali, u dan bi ksur tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti ordinarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C-506/04, EU:C:2006:587, punti 47 sa 53), tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117, punti 32 u 41 sa 45) u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C-216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 50 sa 54)?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fid-dawl tax-xogħol tiegħu, il-ġudikant rikorrent li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” previst fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 1 , moqrija flimkien mal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, implimentat mid-Direttiva 1999/70 2 , u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C-393/10, EU:C:2012:110) u tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C-214/16, EU:C:2017:914) u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-maġistrat ordinarju jew professjonist jista’ jitqies li huwa ħaddiem għal żmien indeterminat meta mqabbel mal-ġudikant li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja li huwa ħaddiem għal żmien determinat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, previsti fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss implimentat mid-Direttiva 1999/70?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat Taljan għall-ksur manifest tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mill-qorti tal-aħħar istanza, fis-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513), tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C-173/03, EU:C:2006:391) u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-379/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:775), jipprekludu l-Artikolu 2(3) u (3a) tal-legge no 117 – Risarcimento dei danni cagionati nell’esercizio delle funzioni giudiziarie e responsabilità civile dei magistrati (il-Liġi Nru 117 , – Kumpens għad-Danni Kkawżati fl-Eżerċizzju tal-Funzjonijiet Ġudizzjarji u Responsabbiltà Ċivili tal-Maġistrati), tat-13 ta’ April 1988 (GURI Nru 88 tal-15 ta’ April 1988), li jipprevedi r-responsabbiltà tal-imħallef għal aġir doluż jew għal nuqqas serju “fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni Ewropea” u li jagħti lill-imħallef nazzjonali l-għażla – li irrispettivament minn kif tiġi eżerċitata twassal għar-responsabbiltà ċivili tiegħu u għal azzjoni dixxiplinari fil-konfront tal-Istat fil-kawżi li fihom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu partijiet fil-mertu, b’mod partikolari meta l-imħallef adit bil-kawża jkun qiegħed jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja u jaħdem għal żmien determinat, mingħajr protezzjoni ġuridika, ekonomika jew soċjali effettiva – bejn, bħal f’dan il-każ, jew li jikser il-leġiżlazzjoni nazzjonali billi ma japplikahiex u japplika d-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif interpetat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella li jikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea billi japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprekludu r-rikonoxximent tal-protezzjoni u li jiksru l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-klawżoli 2 u 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, implimentat mid-Direttiva 1999/70, u l-Artikolu 31(2) tal-Karta?

Fis-sens tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(2) u (3), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 9, tal-Artikolu 10(1) u tal-Artikolu 17 (1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ikun hemm ksur serju li fuqu tista’ tkun ibbażata l-azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali mressqa mill-Unjoni Ewropea u prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, meta l-Kummissjoni Ewropea tirrifjuta li tiftaħ proċedura ta’ ksur jew li tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru meta, bħal f’dan il-każ, ikunu seħħew il-fatti segwenti:

permezz tal-Komunikazzjoni DG EMPL/B2/DA-MAT/sk (2016), li waslet għand l-awtoritajiet Taljani fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea għalqet f’Ġunju 2016 b’eżitu negattiv il-Każ EU Pilot 7779/15/EMPL, billi ddikjarat il-ftuħ imminenti ta’ proċedura ta’ ksur u billi kkonstatat l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola s-servizz mogħti mill-maġistrati onorarji, fil-qasam tat-tennija abbużiva ta’ kuntratti għal żmien determinat, tad-disparità fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni meta mqabbla mal-maġistrati ordinarji jew professjonisti, tal-leave annwali u tal-leave tal-maternità, liema proċedura ta’ ksur għadha, sal-lum, qatt ma nfetħet;

il-Kummissjoni, dejjem permezz tal-Komunikazzjoni C(2016) 8600 final tal-21 ta’ Diċembru 2016, ippreċiżat li hija għandha s-setgħa diskrezzjonali li tiddeċiedi tibdix jew le, u jekk iva f’liema mument, proċedura ta’ ksur jew tressaqx jew le, u jekk iva f’liema mument, kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar tirrikonoxxi li l-azzjonijiet imressqa minn individwi kontra l-Kummissjoni meta din tirrifjuta li tibda proċedura ta’ ksur ma jkollhomx eżitu pożittiv?

Irrispettivament mir-risposti mogħtija għall-erba’ domandi preċedenti, l-Artikolu 268, l-Artikolu 274 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jistgħu jiġu interpretati, fid-dawl tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(2) u (3), tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 9, tal-Artikolu 10(1) u tal-Artikolu 17 (1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, fis-sens li l-azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali mressqa kontra l-Unjoni ma tistax titneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, f’każ, bħal dak ineżami, fejn ikun ġie ddeterminat li n-nuqqas ta’ applikazzjoni fid-dritt nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni li jiggarantixxi l-prinċipju tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin ikun jirriżulta mill-ksur serju, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dmirijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-rwol tagħha ta’ gwardjan tat-Trattati u mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tiddeċiedi tibdix jew le, u jekk iva f’liema mument, proċedura ta’ ksur jew tressaqx jew le, u jekk iva f’liema mument, kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-ġurisprudenza ta’ din tal-aħħar tirrikonoxxi li l-azzjonijiet imressqa minn individwi kontra l-Kummissjoni meta din tirrifjuta li tibda proċedura ta’ ksur ma jkollhomx eżitu pożittiv, liema fatt irendi mingħajr effett il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi tilwima fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni?

____________

1     Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).