Language of document : ECLI:EU:F:2009:155

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2009

Kawża F-1/09

Françoise Putterie-De-Beukelaer

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Evalwazzjoni tal-potenzjal”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu F. Putterie-De‑Beukelaer titlob, minn naħa, l‑annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Settembru 2008, li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal‑Ħatra, tas-27 ta’ Marzu 2008, li tiddikjaraha mhux ammessa għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni organizzata skont il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2007, min-naħa l-oħra, l-annullament ta’ din id‑deċiżjoni tal-aħħar.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikorsi – Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal‑ilment – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Ilment ta’ kandidat li ma kienx ammess għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Deċiżjoni ta’ ċaħda – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Anness XIII, Artikolu 10)

3.      Uffiċjali – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Metodi ta’ implementazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni – Kriterji ta’ ammissjoni – Potenzjal li jiġu mwettqa funzjonijiet tal‑livell “Assistent amministrattiv”

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 10(3))

4.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera li jinkludi noti u evalwazzjonijiet sfavorevoli li huma kompletament adegwati – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

1.      Jekk, minbarra l-annullament ta’ deċiżjoni kkontestata, uffiċjal jitlob ukoll l‑annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu, din it-talba tal-aħħar tkun, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu u, fir-realtà, tingħaqad ma’ dik magħmula kontra d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, anki jekk ir-rikors ta’ dan l-uffiċjal ikollu jiġi analizzat bħala intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-fatt ma jipprekludihx milli jsostni talbiet indirizzati biss kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Fil-fatt, kellu jkun mod ieħor, uffiċjal li jqis li l‑ilment tiegħu ma kienx suġġett ta’ teħid ta’ pożizzjoni debitament motivata mill-Awtorità tal-Ħatra, huwa jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jsostni din il‑kontestazzjoni quddiem il-qorti Komunitarja, minkejja li d-deċiżjoni li tiċħad l‑ilment tkun id-deċiżjoni li fid-dawl tagħha għandu jkun jista’ jevalwa l-fondatezza tal-pożizzjoni tal-amministrazzjoni fil-konfront tiegħu u l-opportunità li jippreżenta azzjoni ġudizzjarja.

(ara l-punti 32 u 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il-Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 13

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2008, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑34/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 27, li hija suġġetta ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza , Kawża T‑91/09 P

2.      Deċiżjoni li tiddikjara uffiċjal mhux ammess għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ ma tkunx motivata. Fil-fatt, bħalma huwa l-każ għad-deċiżjonijiet meħuda rigward il‑promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li timmotiva d‑deċiżjonjiet fir-rigward tal-kandidati mhux ammessi għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, iżda biss id-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilmenti ppreżentati minn dawn il-kandidati skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l‑motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet hija mistennija tikkoinċidi ma’ dik tad‑deċiżjonijiet li kontrihom jiġu fformulati l-ilmenti, b’tali mod li l-eżami tal‑motivi kemm ta’ waħda u kemm tal-oħra jingħaqdu flimkien. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jestendix, fi kwistjonijiet ta’ ċertifikazzjoni bħal fi kwistjonijiet ta’ promozzjoni, ħlief għall-eżami tal-kundizzjonijiet legali li għalihom ir‑Regolamenti tal-Persunal u t-testi ta’ implementazzjoni tagħhom jissuġġettaw ir-regolarità tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punti 43, 44 u 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Diċembru 1993, Il-Parlament vs Volger, C‑115/92 P, Ġabra p. I‑6549, punt 22; 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punti 11 sa 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1997, Delvaux vs Il-Kummissjoni, T‑142/95, ĠabraSP p. I‑A‑477 u II‑1247, punt 84; 14 ta’ Ġunju 2001, McAuley vs Il-Kunsill, T‑230/99, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑583, punt 51; 12 ta’ Lulju 2001, Schochaert vs Il-Kunsill, T‑131/00, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑743, punt 19

3.      It-tielet kundizzjoni li għaliha ċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni hija suġġetta, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar ir-regoli dettaljati tal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, intiżi għall-potenzjal li jiġu mwettqa funzjonijiet tal-livell “Assistent amministrattiv”, ma tikser bl-ebda mod id-dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Fil-fatt, fuq dan il-punt, l-imsemmija deċiżjoni tippreċiża biss il-portata tal-kundizzjoni dwar il-“mertu” msemmi fl-Artikolu 10(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta ċarament li peress li l-mertu huwa waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex uffiċjali jiġi ċċertifikat, huwa biss l-eżerċizzju tal-funzjonijiet b’mod sodisfaċjenti għas-superjuri tiegħu li jippermetti lil uffiċjal jibbenefika minn deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 għandu jiġi interpretat, minkejja kliemu, bħala intiż biss għal funzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk eżerċitati, qabel ma nħoloq il-grupp ta’ funzjonijiet tal-assistenti, minn uffiċjali tal-kategorija B, li saret il-kategorija B* mill-1 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “potenzjal” li jwettaq il-funzjonijiet tal-livell ex‑B*, għandha tiġi adottata definizzjoni li tissuġġetta l-wiri tal-potenzjal mhux biss mit-twettiq effettiv ta’ mill-inqas ċerti kompiti tal-livell ex‑B*, iżda wkoll tal-mod li bih il-kandidat fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “potenzjal” hija kompletament konformi mal-għanijiet li l-leġiżlatur Komunitarju jrid jilħaq bil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Fil-fatt, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tippermetti lill-uffiċjali li jgawdu minnha li jiksbu prospetti tal-karriera li huma iktar vantaġġużi, billi jsiru eliġibbli għal proċeduri ta’ promozzjoni li normalment ma jkunux miftuħa għalihom u li eventwalment ikollhom aċċess għal livelli ta’ responsabbiltà u ta’ remunerazzjoni kultant paragunabbli ma’ dawk tal-uffiċjali li jagħmlu parti mill-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi. Għaldaqstant huwa normali li l-“massimi” tal-possibbiltajiet ta’ promozzjoni offruti lill-uffiċjali li jagħmlu parti mill-kategoriji C u D ta’ qabel, li jippermettu ċ-ċertifikazzjoni, jkunu bbażati, parzjalment, fuq il-mod li bih jaqdu l-funzjonijiet tagħhom il‑partijiet ikkonċernati u ma jiddependux esklużivament fuq in-natura tal-kompiti li huma fdati lilhom.

(ara l-punti 59, 62 u 64 sa 67)

4.      Ma jistax jitqies fih innifsu li huwa indikazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku l-fatt li r‑rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta’ uffiċjal jinkludi noti jew evalwazzjonijiet sfavorevoli, meta dawn jidhru li huma kompletament adegwati fid-dawl tal-provi identifikabbli li fuqhom huma bbażati.

(ara l-punt 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il-Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 7 u II‑A‑2‑85, punti 29 u 79